Minn mara tad-dar għal direttur ta’ kumpanija f’settur ddominat mill-irġiel

Minn ‘direttur’ tal-familja, għal direttur ta’ kumpanija. Michelle Burman taqsam ma’ LUIGI SGHENDO l-isfidi, il-gwadann, is-sodisfazzjon u d-dispjaċir f’xogħlha bħala direttur ta’ kumpanija fis-settur tad-divertiment

Michelle Burman, id-direttur ta’ Guido Vella Cash & Carry u Favell Wines & Spirits
Michelle Burman, id-direttur ta’ Guido Vella Cash & Carry u Favell Wines & Spirits

Fil-Jum iddedikat għal mara, poġġejt bilqiegħda ma’ Michelle Burman, id-direttur ta’ Guido Vella Cash & Carry u Favell Wines & Spirits b’14-il sena esperjenza f’dan is-settur.

L-istorja ta’ Burman hija waħda minn bosta ta’ nisa li ħaddnu l-istint matern tagħhom filwaqt li sfidaw setturi ddominati mill-irġiel.  
Bħala mara, spjegat kif kienet kontinwament ibbumbardjata mill-ideoloġija li mara trid tieħu ħsieb il-familja, speċjalment peress li kienet l-akbar fost ħutha. 

Il-vjaġġ ta’ Burman beda f’soċjetà li kienet tillimita n-nisa għall-irwolita’ mara tad-dar, jew inkella f’setturi bħall-edukazzjoni jew saħħa. 
“Ommi dejjem enfasizzat li rrid nitgħallem insajjar, inħit, innaddaf, eċċ. Matul iż-żmien tgħallimt li l-post tal-mara kien id-dar tal-inqas hekk qaluli”, irrakkontat. 

Hija kompliet tispjega li l-istint matern tagħha għallimha tkun responsabbli. 

“L-ambjent li fih twelidt iddetta li l-papà dejjem kellu raġun, l-istess ma’ ħija, jekk hu ħammeġ, jien naddaft, iżda ma ridtx ngħaddi dik il-mentalità lil uliedi għax ma ridtx li binti ssir l-iskjava ta’ ħutha subien. Għalija huma kollha ugwali.”  

Hija kienet determinata li tisfida l-istatus quo u tiżgura l-ugwaljanza fi ħdan il-familja tagħha stess, u rrifjutat li tipperpetwa ċ-ċiklu tal-preġudizzju tal-ġeneru li kienet tesperjenza. 

Staqsejtha dwar it-tranżizzjoni tagħha minn mara taħdem id-dar għal xogħol b’paga, u rrakkontat kif dejjem xtaqet li tkun fuq il-post tax-xogħol speċjalment peress li riedet tegħleb il-mistħija li kellha. “Li nkun f’post tax-xogħol għamlitni nimmatura. Niftakar żmien meta kont nibki u naħrab minn individwi u kwistjonijiet. Daqshekk kont nistħi, iżda llum inħossni kunfidenti”. 

Staqsejtha jekk qattx ħassitha li ġiet trattata b’mod differenti minn ħuha li għandu wkoll rwol attiv fil-kumpanija. Qalet li kellha xi klijenti arroganti bil-mentalità li ‘għax huma rġiel jistgħu jagħmlu. Din tirritaha mhux ħażin.  

Maż-żmien tgħallmet trażżan din il-kwistjoni u b’maturità turi lill-individwu li għandu żball. 

“Niftakar iltqajt ma’ raġel u mill-ewwel qalli ... ‘Int? Ma rridx nitkellem miegħek, irrid nitkellem ma’ raġel.” 

Ikkonfermat li l-industrija tagħha hi ddominata mill-irġiel tant li madwar tlieta jew erbgħa min-nies li tkellem ix-xogħol, huma rġiel.

“Ġeneralment hemm aktar irġiel f’dan is-settur milli nisa, l-aktar minħabba l-fatt li hu settur b’sigħat twal u impenjattiv  Madankollu, iż-żewġ sessi huma kapaċi imma naħseb li dan is-settur għad għandu din il-mentalità li r-raġel irid ikun hu li jmexxi.” 

Tgħid li ddejjaqha aktar li fis-settur tagħha, dak tad-divertiment, in-nisa jintgħażlu biss skont id-dehra, għal rwoli speċifiċi. Saħansittra jilbsu b’mod espliċitu biex iżidu l-bejgħ.  

Fl-aħħar nett staqsejtha jekk temminx li skemi offruti mill-Gvern joffrux inċentiv għan-nisa biex ikunu aktar attivi fi rwoli maniġerjali.  
Hija qalet li taqbel li l-iskemi se jkomplu jinċentivaw u jħeġġu lin-nisa (speċjalment fin-negozji tal-familja) biex iżidu l-marka tagħhom. 

More in Socjali