Abela qed ipoġġi lil kulħadd f’riskju, jgħid Bernard Grech fuq l-inkjesta Sofia

Waqt intervista fuq il-programm tar-radju RTK103, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech akkuża lil Prim Ministru Robert Abela li pprova jipproteġi lil sħabu u rriskja ħajjet ħaddieħor

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech akkuża lil Prim Ministru Robert Abela li pprova jipproteġi lil sħabu u rriskja ħajjet ħaddieħor meta ma kienx aċċetta li ssir l-inkjesta pubblika ta’ Sofia. 

Grech saħaq dan waqt intervista fuq il-programm tar-radju RTK103 minn Andrew Azzopardi. 

Grech qak liu l-prijorità tal-Prim Ministru hija li jipproteġi lill-ministri u lilu nnifsu l-ewwel, u li qed “jippromwovi l-impunità”.

“Hu ma jridx inkjesta oħra li tikkonkludi li l-Istat u l-Eżekuttiv żbaljaw,” qal Grech. 

Ir-rapport li kien ippubblikat il-ġimgħa l-oħra dwar l-inkjesta ta’ Jean Paul Sofia, iż-żagħżugħ li tilef ħajtu fl-2022, ikkonkluda li l-Istat irid jerfa’ responsabilità għal dak li ġara, filwaqt li mis-sejbiet irriżulta li l-infurzar kien laxk. 

Grech stqarr li Abela kien qal lill-omm il-vittma li kienet żbaljata, iżda fil-verità l-Prim Ministru kien żbaljat. 

“Qed ipoġġi lil kulħadd f’riskju”, saħaq Grech huwa u jenfasizza li r-responsabilità taqa’ f’idejn dawk l-awtoritajiet u politiċi. “Iżda, minflok, Abela qed ikompli jilgħab b’ħajjet in-nies.”

Grech qal li l-inkjesta Sofia turi l-bżonn ta’ rieda politika biex tipproteġi d-drittijiet ta’ nies li m’għandhomx vuċi. 

Il-PN kien talab lill-gvern ta’ Abela biex jerfa’ r-responsabbiltà politika għad-difetti li nstabu mill-konklużjonijiet tal-inkjesta u kien ukoll ippreżenta mozzjoni ta’ sfiduċja fil-ministri tal-gvern: Miriam Dalli, Silvio Schembri u Stefan Zrinzo Azzopardi.

“Kieku kien għal Abela, kull min hu involut fi proġett ta’ kostruzzjoni kien jibqa’ f’riskju. Kien qed jilgħab bil-ħajja tan-nies,” qal il-Kap tal-PN. "Għalihom hija logħba, imma għalina mhix."

More in Socjali