Iffirmat ftehim bejn Malta u l-Eġittu li se jsaħħaħ l-appoġġ għal persuni b’diżabilità

Iż-żewġ pajjiżi ffirmaw Memorandum ta’ Ftehim biex jikkollaboraw fuq diversi inizjattivi ewlenin; proġetti ewleni minnhom huwa l-implimentazzjoni tal-kunċett ta’ Autism Friendly Spaces

Malta u l-Eġittu daħlu fi ftehim mmirat biex isaħħaħ l-appoġġ għall-persuni b’diżabilità u ż-żgħażagħ, filwaqt li jiġu offruti opportunitajiet lill-għaqdiet volontarji. Bl-iskop ewlieni li jippromwovu l-inklussività, iż-żewġ pajjiżi ffirmaw Memorandum ta’ Ftehim biex jikkollaboraw fuq diversi inizjattivi ewlenin.

Dan il-ftehim ġie ffirmat mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli u l-Ministru għas-Solidarjetà tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu Nivine El-Qabbage f’Kajr. 

Wieħed mill-proġetti ewlenin li ż-żewġ pajjiżi se jkunu qed jikkollaboraw fuqu huwa l-implimentazzjoni tal-kunċett ta’ Autism Friendly Spaces, li kellu suċċess notevoli f’pajjiżna. L-Eġittu għandu l-intenzjoni li jimplimenta l-istess mudell użat f’pajjiżna, b’Malta se tkun qed toffri l-kompetenza u l-assistenza tul il-proċess tal-implimentazzjoni. Iż-żewġ pajjiżi qed jintrabtu wkoll li jinkludu skambji ta’ esperjenzi fir-riabilitazzjoni soċjali għall-individwi fl-ispettru tal-awtiżmu.

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli ddeskriviet dan il-ftehim bħala wieħed li se jkompli jippromwovi l-eċċellenza ta’ Malta fis-settur tad-diżabilità. “Pajjiżna rnexxielu jimplimenta b’mod tajjeb ħafna l-kunċett ta’ Autism Friendly Spaces, tant li ħafna azjendi qed jaraw li jinkorporaw spazji ta’ din in-natura fil-binjiet tagħhom... Dan il-ftehim se jkun ukoll importanti biex flimkien mal-kullana ta’ skemi u opportunitajiet diġà offruti lill-għaqdiet volontarji ... jkomplu jkattru l-esperjenzi tagħhom barra l-pajjiż,” temmet tgħid Farrugia Portelli. 

Permezz ta’ sforzi kollaborattivi, Malta u l-Eġittu qed ifittxu li jtejbu l-appoġġ għall-persuni neqsin mid-dawl, filwaqt li jisfruttaw l-aħħar għajnuniet u teknoloġiji biex jgħinu lil dawn l-individwi jgħixu bl-aħjar mod fi ħdan is-soċjetà.

Il-Ftehim jintroduċi wkoll skambji għal voluntiera żgħażagħ u ġemellaġġi għall-għaqdiet volontarji li jaħdmu fis-settur tad-diżabilità biex irawmu t-tagħlim reċiproku u l-kollaborazzjoni bejn is-setturi volontarji taż-żewġ pajjiżi.

Preżenti għall-iffirmar kien hemm is-Segretarju Permanenti Nancy Caruana, l-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat Mauro Pace Parascandolo u  Margaret White minn Prisms Malta li ħadmu fuq proġetti ta’ Autism Friendly Spaces f’pajjiżna.

More in Socjali