Programm fl-iskejjel dwar il-ħarsien tal-annimali b’kollaborazzjoni mal-MSPCA

Tnieda l-programm 'Acts of Kindness' fejn se jitqassam ktejjeb ta’ eżerċizzji maħsub għall-istudenti bħala parti mill-kurrikulu tal-PCSD dwar l-importanza tal-benesseri tal-annimali

Kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għall-Edukazzjoni u s-Soċjetà Maltija għall-Ħarsien u l-Kura tal-Annimali (MSPCA) wasslet biex jitnieda l-programm Acts of Kindness, li huwa parti mill-Kurrikulu tal-Personal, Social, and Career Development (PSCD) fl-iskejjel.

Permezz ta’ dan il-proġett se jitqassam ktejjeb ġdid ta’ eżerċizzji fil-klassijiet madwar Malta u Għawdex b’attivitajiet maħsuba biex jintużaw fil-klassi bħala parti mill-kurrikulu tal-PCSD biex ikopru suġġetti tal-kurrikulu permezz tal-benesseri tal-annimali biex jitwassal il-messaġġ.

Persuni mill-MSPCA se jkunu disponibbli biex iżuru skejjel biex jitkellmu dwar dan il-ktejjeb u l-importanza tal-ħarsien tal-annimali.

Waqt it-tnedija ta’ dan il-proġett, il-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima qal, “Permezz ta’ din il-kollaborazzjoni qed inkomplu nagħtu importanza lill-ħarsien tal-annimali u se nkomplu ngħallmu lit-tfal dwar suġġett li huwa wkoll għal qalbhom. Intenni li edukazzjoni sħiħa tfisser li ntellgħu lit-tfal bħala ċittadini responsabbli f’kull settur tal-ħajja.” 

Min-naħa tagħha, Louiselle Grech mill-MSPCA spjegat li l-organizzazzjoni ilha impenjata fl-edukazzjoni dwar il-ħarsien tal-annimali fl-iskejjel bħala parti mat-tagħlim kurrikulari għal bosta snin. Kompliet li dan il-proġett huwa intiż bħala wieħed mill-ħafna mezzi li jippromwovi l-empatija, imġiba responsabbli, u aktar għarfien dwar l-annimali.

Emma Pullicino, Brand Manager ta’ M&Z plc, tenniet is-sodisfazzjon tal-kumpanija li qed jappoġġjaw dan il-proġett kif ukoll il-kampanja Act of Kindness tal-MSPCA.

More in Socjali