Żgħażagħ Maltin fil-politika

Luigi Sghendo iltaqa ma’ tlett żgħażagħ impenjati fil-politika,  staqsihom għalfejn għażlu dan l-impenn 

Nicole Portelli (MŻPN), Samuel Vella (ADPD), Miguel Abela (ZL)
Nicole Portelli (MŻPN), Samuel Vella (ADPD), Miguel Abela (ZL)

Nicole Portelli hija studenta u kandidata għall-kunsill lokali ta’ Ħ’Attard. Hija tifforma parti mill-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista (MŻPN) fi ħdan il-Partit Nazzjonalista. 

X’qanqallek l-interess li tingħaqad ma’ moviment politiku jew li tkun involuta fil-politika f’età żgħira?  

Nicole spjegat kif l-interess fil-politika minn dejjem kien jinteressaha, speċjalment minħabba l-fatt li l-ġenituri tagħha dejjem għamluha ċara li ser jissapportjaw kwalunkwe karriera li tagħżel, basta tkun kuntenta. 

Hija rrakkontat kif bdiet ta’ 17-il sena, fejn kienet parti minn programm tar-radju li jiddiskuti diversi temi li jaffettwaw liż-żgħażagħ fost oħrajn. 

Hija kompliet tgħid kif l-ewwel bdiet fil-fergħa żagħżugħa ta’ Team Start, fergħa fejn fiha setgħet “tiżra’ l-karriera politika”; u mbagħad “kabbret iż-żerriegħa li nibtet” permezz tal-MŻPN. 

Iffaċċjajt xi sfidi jew ostakli bħala żagħżugħa involuta f’attiviżmu politiku?  

“Iva, l-iskola meta saru jafu li jien attiva politikament ħassejt ftit reżistenza min-naħa tagħhom” qalet Nicole hekk kif qasmet magħna l-biża’ li tkun preġudikata l-iskola minħabba t-twemmin politiku tagħha. 

Barra minn hekk saħqet fuq l-ironija li tisma’ kbarat u edukaturi jippritkaw fuq l-importanza li jkollna żgħażagħ politikament attivi, filwaqt li fl-istess ħin tisma’ stejjer xokkanti ta’ żgħażagħ li saħansitra tilfu l-impjieg jew sabu bibien magħluqa. 

X’taħseb li huma l-akbar sfidi urġenti li qed jaffaċċjaw iż-żgħażagħ f’Malta llum? 

“L-edukazzjoni!” saħqet Nicole – tweġiba li kisbitha mill-esperjenza tagħha bħala studenta li taspira li ssir għalliema u qalet li “l-iskola għandha tibdel il-kurrikulu f’kull livell.” Hija saħqet ukoll li l-għalliema jeħtieġ li jkollhom kundizzjonijiet tax-xogħol iktar ideali. Semmiet ukoll kif il-klassi teħtieġ li jkollha trasformazzjoni, fejn jiġi mgħallma l-ħsieb kritiku u l-kreattività.  

Barra minn hekk semmiet l-għoli tal-ħajja, xi ħaġa li lkoll qed inħossu l-impatt tiegħu. “Jiena ta’ 22 sena, il-fatt li ma nistax nixtri jew nikri post b’mod sostenibbli, lili tinkwetani”, filwaqt li għamlet referenza wkoll għat-toroq traffikużi li jesperjenzaw żgħażagħ tamparha. 

Finalment qalet, “diġà qed nara tfal li jbatu mill-ansjetà minħabba li jridu jlaħħqu ma’ kollox”. Dan qalitu b’referenza għas-saħħa mentali, fejn sostniet li f’Malta huwa suġġett li sfortunatament tħoss li huwa mwarrab, mhux biss fil-klassi iżda wkoll fuq il-post tax-xogħol.  

Kif tibbilanċja l-impenn politiku tiegħek ma’ aspetti oħra ta’ ħajtek, bħall-edukazzjoni jew l-impenji personali? 

“Il-bilanċ diffiċli ħafna. Għalhekk huwa importanti li dejjem nagħmel pjan.” 

Filwaqt li ammettiet li hemm ħafna attivitajiet li tixtieq torganizza flimkien mal-ħbieb, hija konxja tas-sagrifiċċji li trid tagħmel fid-dinja ta’ attiviżmu politiku.  

Mill-banda l-oħra saħqet, “Is-sodisfazzjon huwa l-aqwa għax qed tagħti servizz għal pajjiżek, għal dawk fil-bżonn u dawk bla vuċi. Dik hija s-sbuħija, li ssir taf in-nies”. 

Xi tkun l-ewwel deċiżjoni li tieħu kieku tkun fis-siġġu tal-poter? 

“Is-sistema edukattiva hija l-ewwel ħaġa li nibdel kieku kelli l-opportunità ningħata s-setgħa”, filwaqt li tenniet kliemha għaliex temmen dan. 

X’inhi l-ħolma politika tiegħek? 

Nicole, filwaqt li ammettiet li ma tistax taqra l-futur, esprimiet l-ambizzjoni tagħha li tilħaq MEP, ambizzjoni li ġiet issustanzjata wara li rat lil Roberta Metsola tilħaq il-kariga ta’ President tal-Parlament Ewropew. 

Hija saħqet ukoll li minbarra l-għerf lokali li qed tikseb preżentement, tixtieq tespandi l-għerf tagħha billi tkun MEP u jkollha diskussjonijiet ma’ persuni minn nazzjonijiet differenti. 

  *********************************************************

Miguel Abela jaħdem u għandu 19-il sena. Huwa kandidat għall-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli u jifforma parti mill-eżekuttiv ta’ Żgħażagħ Laburisti (ŻL) fi ħdan il-Partit Laburista. 

X’qanqallek l-interess li tingħaqad ma’ moviment politiku jew li tkun involut fil-politika f’età żgħira?  

“Għaliex xtaqt nagħmel id-differenza”, beda Miguel, filwaqt li rrakkonta kif l-esperjenza ta’ zijuh, li kien Eks Ministru, u ta’ membri oħrajn tal-familja ħajruh jaqbad it-triq tal-attiviżmu politiku hekk kif osserva l-ġid li sar u s-sodisfazzjon li dan iġib miegħu. 

Huwa spjega kif beda jkun politakament attiv f’Marzu tal-2019 meta ngħaqad mal-grupp Żgħażagħ Laburisti (ŻL). 

Barra minn hekk, Miguel fakkar f’esperjenza unika li kellu fil-Parlament Ewropew fejn flimkien ma’ MPE, ħa l-ewwel togħma ta’ xi tfisser li tkun MPE. Huwa esprima s-sodisfazzjon li ħass meta nnota li xi bidliet seħħew wara diskussjonijiet ma’ familji Maltin. 

Iffaċċjajt xi sfidi jew ostakli bħala żagħżugħ/a involut f’attiviżmu politiku?  

Rigward sfidi u ostakli, Miguel qasam l-osservazzjonijiet tiegħu, hekk kif innota li f’Malta għad hawn mentalità b’saħħitha ta’ duwaliżmu, jiġifieri firda ta’ aħna u huma, minħabba twemmin differenti. Huwa enfasizza l-importanza ta’ diskussjoni miftuħa fejn wieħed jista’ liberalment jesprimi l-opinjonijiet tiegħu għaliex jemmen li l-bidla permezz t’hekk tista’ ssir. 

Huwa saħaq li minkejja li ġej minn Partit politiku, huwa xorta waħda lest li jaħdem ma’ kulħadd, speċjalment fejn jidħol il-ġid għal-lokalità u sostna li ħaddieħor m’għandux iżomm lura milli jaħdem u jikkopera sempliċement għax ġej mill-isfera politika.  

X’taħseb li huma l-akbar sfidi urġenti li qed jaffaċċjaw iż-żgħażagħ f’Malta llum? 

Miguel għafas fuq l-effetti tal-midja soċjali u kif din qed tħalli impatt negattiv fuq il-mentalità żagħżugħa. Filwaqt li nnota l-vantaġġi li ġġib magħha l-midja soċjali, fosthom il-fatt li tista’ tesprimi ruħek, huwa fakkar ukoll kif hemm żgħażagħ li qed isofru minn inġustizzji, fosthom minħabba s-cyberbullying.   

Semma wkoll l-ambjent u sostna li l-problema din għandha tiġi indirizzata billi jiġu introdotti politiki, liġijiet u inċentivi. 

Finalment tkellem fuq ir-rivoluzzjoni diġitali. Minkejja l-vantaġġi, ir-rivoluzzjoni teħtieġ taħriġ siewi u għalhekk saħaq li għandna nippreparaw il-ħaddiema tal-futur, mingħajr ma nwarrbu l-età. 

Kif tibbilanċja l-impenn politiku tiegħek ma’ aspetti oħra ta’ ħajtek, bħall-edukazzjoni jew l-impenji personali? 

“Ngħidlek il-verità ma tantx qed insibha faċli: it-tqassim tal-ħin huwa kruċjali” enfasizza Miguel.  

Huwa kompla jgħid kemm huwa importanti li taqsam il-prijoritajiet fosthom b’timetable. 

Xi tkun l-ewwel deċiżjoni li tieħu kieku tkun fis-siġġu tal-poter? 

Qabelxejn, Miguel qal li l-ewwel ħaġa li jagħmel tkun li jisma’ lin-nies; hekk kif saħaq fuq l-importanza li tifhem il-perspettivi tal-proxxmu tiegħek.  

Rigward deċiżjoni, huwa jemmen li kulħadd għandu jkollu d-dritt għal spazju aħdar rikreattiv fejn jista’ jqatta’ l-ħin mal-familja u ma’ sħabu. 

X’inhi l-ħolma politika tiegħek? 

“Niddedika ħajti fil-politika f’kwalunkwe rwol, basta nagħmel differenza u naħdem biex insib is-soluzzjonijiet” qal Miguel, filwaqt li saħaq li jieħu kollox pass pass. 

  *********************************************************

Samuel Vella għandu 18-il sena, Huwa student fl-Università ta’ Malta u jifforma parti mill-Kollettiv Żgħażagħ EkoXellugin fi ħdan l-ADPD-The Green Party. 

X’qanqallek l-interess li tingħaqad ma’ moviment politiku jew li tkun involut fil-politika f’età żgħira?  

“Minn dejjem kont inħobb il-politika hekk kif jippermettili ngħin lin-nies u nissalvagwardja l-ambjent” saħaq Samuel. 

Huwa rrakkonta kif kollox nibet minn frustrazzjoni hekk kif ħass li l-ebda partit ma rrappreżenta l-interessi tiegħu, għajr dak tal-Alternattiva Demokratika. 

Huwa jemmen li minflok ma joqgħod igerger fuq dak li ma jogħġbux, jipprova jservi ta’ ġid akbar billi jinvolvi ruħu fil-politika u għaqdiet oħrajn fosthom dawk studenteski. Dan huwa ta’ benefiċċju minħabba l-fatt li tkun qed tieħu azzjoni u taħdem favur dak li temmen fih. “Importanti li nkunu protagonisti u mhux passivi” sostna Samuel. 

Iffaċċjajt xi sfidi jew ostakli bħala żagħżugħ involut f’attiviżmu politiku?  

“Sfidi u ostakli kemm trid nesperjenza, speċjalment minħabba l-fatt li m’għażiltx li ningħaqad mal-partiti l-kbar”, sostna Samuel b’tonalità sinċiera. 

Huwa kompla jirrakkonta l-weġgħa li jħoss meta persuni jqisuh irrelevanti u jiffurmaw opinjoni bbażata biss mill-partit li għażel u mhux mill-kliem li joħroġ minn fommu. 

X’taħseb li huma l-akbar sfidi urġenti li qed jaffaċċjaw iż-żgħażagħ f’Malta llum? 

Samuel ma ħasibhiex darbtejn u qal “li jgħixu f’art twelidhom.” Dan qalu b’referenza għall-isfidi li skontu ż-żgħażagħ Maltin qed jaffaċċjaw, fosthom l-ambjent li qed jitnaqqar ftit ftit kuljum.  

Barra minn hekk semma wkoll il-propjetà li qed iġġiegħel bosta studenti Maltin jaħsbuha darbtejn jekk għandhomx jibnu familja fi xtutna. 

Finalment semma wkoll l-għoli tal-ħajja. Filwaqt li fehem li din l-isfida qed tinħass globalment, xorta jħoss li f’pajjiżna din qed tillimita ż-żagħżagħ milli jibqgħu f’Malta. 

Kif tibbilanċja l-impenn politiku tiegħek ma’ aspetti oħra ta’ ħajtek, bħall-edukazzjoni jew l-impenji personali? 

Fuq din il-mistoqsija Samuel enfasizza kemm huwa kruċjali li wieħed ikun organizzat; “sempliċement kalendarju jagħmel differenza kbira hekk kif jippermettilek iżżomm l-ordni. Personalment sibtha l-aħjar, imma kulħadd għandu l-libertà li jimxi ma’ sistemi li jħoss huma l-aħjar għalih.” 

Huwa spjega kif ikollu jqatta’ inqas ħin ma’ sħabu. Dan sabiex ikun jista’ jmur avvenimenti, jiltaqa’ man-nies u jisma’ l-istejjer tagħhom. 

Xi tkun l-ewwel deċiżjoni li tieħu kieku tkun fis-siġġu tal-poter? 

Samuel sostna l-importanza li trasport alternattiv jingħata prijorità, fosthom iċ-ċikliżmu.  

“Nammetti li din id-deċiżjoni hija influwenzata mill-fatt li jien ċiklist, iżda nemmen li l-poplu Malti għandu jirrealizza l-benefiċċji ta’ trasport alternattiv.”  

Huwa ssustanzja l-argument tiegħu u saħaq li kieku jingħata din is-setgħa, jiżviluppa u jipprijoritizza l-infrastruttura taċ-ċikliżmu sabiex finalment jitnaqqas it-traffiku, l-emissjonijiet u l-iżjed importanti l-mard. 

X’inhi l-ħolma politika tiegħek? 

“Il-ħolma tiegħi hija ta’ Ministru, iżda sfortunatament naf li jekk inkun affiljat ma partit terz, din se tkun ferm diffiċli, iżda qatt mhu se naqta’ qalbi” stqarr Samuel.  

Dan filwaqt li kompla jgħid, “Inħobb inkun realistiku u tal-inqas ikolli l-opportunità li nirrappreżenta l-poplu fil-Parlament.” 

Għalih l-importanti hu li jara pajjiż b’soċjetà iktar sostenibbli li ma tarax il-kuluri ħomor u bluni biss, iżda li tagħti opportunità ugwali. 

More in Socjali