Ferment bil-mozzjoni kontra Rosianne b’diżgwid kbir mid-deputati Parlamentari

Il-mozzjoni kienet titlob li l-flus li rċeviet Cutajar troddhom lura, li wasslet għal reazzjoni kbira minn deputati Nazzjonalisti li jaħdmu mal-Gvern

Kien hemm ferment kbir dwar il-mozzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech kontra l-Eks Deputata Laburista Rosianne Cutajar u li llum hija deputata Indipendenti. Il-mozzjoni kienet titlob li l-flus li rċeviet Cutajar troddhom lura. Il-mozzjoni wasslet għal reazzjoni kbira minn dawk id-deputati Nazzjonalisti li jaħdmu mal-Gvern, hekk kif kien hemm dubji serji kemm minnhom ikunu preżenti l-ħin kollu fuq il-post tax-xogħol. Anzi hemm min jgħid li fil-każ ta’ Deputat Parlamentari prominenti Nazzjonalista qatt u qatt ma rrapporta għax-xogħol.  

Bernard Grech ressaq il-mozzjoni minkejja li kien jaf li din il-mozzjoni setgħet tqajjem riperkussjonijiet kbar kontra xi deputati minn tiegħu. 

Iżda dan is-sigriet magħruf li ħafna minnhom ma jmorrux għax-xogħol jibqa’ mistur mill-pubbliku. Dan il-fenomenu ta’ deputati li ma jmorrux għax-xogħol jekk huma ingaġġati mal-Gvern mhux ristrett biss għad-deputati Nazzjonalisti iżda wkoll għal deputati Laburisti.   

Imma l-ikbar rabja ġejja minn David Agius, id-deputat Nazzjonalista li huwa wkoll kandidat għall-Parlament Ewropew.  

Canvassers ta’ Agius qalulna li hu jimmaġina li din il-mozzjoni qed tiġi xprunata minn David Casa, id-deputat veteran tal-PN fil-Parlament Ewropew. Skont in-nies ta’ Agius, Casa qed jarah bħala theddida u qed jibża’ li din id-darba ma jitlax.

Agius, li jaħdem mal-Freeport, rarament jiġi nnutat għax-xogħol. Hemm oħrajn li jaħdmu mal-Gvern bħal Robert Cutajar u Justin Schembri. Mhux magħruf jekk dawn ikunux assenti minn fuq il-post tax-xogħol tagħhom. 

Punt ieħor li qajmu d-deputati kien il-fatt li fil-passat, fi żmien id-deputati Kristy Debono u Clyde Puli, dejjem kien hemm tolleranza għall-fatt li ma kinux ikunu regolari fl-attendenza tagħhom fuq il-post tax-xogħol tagħhom.  

Imma s-sitwazzjoni reali fil-Partit Nazzjonalista ġiet deskritta perfettament minn backbencher li qal hekk:  

“Bernard m’għandux ix-xamma politika li għandu jkollu kap ta’ partit. Aħna suppost qed inbiċċru lil Robert Abela. Abela mhux popolari, mhux karizmatiku, u n-nies ta’ madwaru ma jħobbuhx. Imma aħna għandna kap li qiegħed hemm għax m’għandux fejn imur. Jiddependi fuq il-paga ta’ kap biex jgħix. Jagħżel easy target bħal Rosianne, li diġà ġiet imwarrba minn Abela u hija past tense.  U biex tgħaxxaqha, hi l-isbaħ mara fil-Parlament. Bernard m’għandux idea ta’ politika. Imdawwar bil-boy scouts. Il-ħasra hi li se jibqa’ kap u bih se mmorru għall-elezzjoni ġenerali u naqgħu għal so**na!”  

More in Socjali