Studenti tal-MCAST lura b'lezzjonijiet onlajn wara li waqgħet biċċa konkrit mill-binja

Student tal-IT qasam id-dispjaċir tiegħu hekk kif issa se jkollu jmur lura għal-lezzjonijiet onlajn minħabba li waqgħet biċċa konkrit

Parti mill-bini tal-MCAST
Parti mill-bini tal-MCAST

“Mhux saħti biss kienet fir-riskju, imma issa l-edukazzjoni wkoll”. Kien b’dan il-mod li student tal-MCAST iddeskriva s-sitwazzjoni prekarja li studenti tal-IT qed jaffaċjaw wara li waqgħet biċċa konkrit.

L-istudent spjega kif issa se jiġu sfurzati jattendu lezzjonijiet onlajn, xi ħaġa li mhux biss ma niżlitx tajjeb mal-istudent iżda sħabu ukoll.

Dan minbarra l-fatt li l-lezzjonijiet tħassru wara li rċivew SMS jgħid “Kunu infurmati li l-lezzjonijiet ta’ għada ġew ikkanċellati. Se jitkomplew onlajn minn nhar il-Ħamis li ġej, sakemm tingħata iktar informazzjoni.” Dan ifisser li l-istudenti jinsabu fid-dlam, mingħajr ebda indikazzjoni kemm se jdumu bil-lezzjonijiet onlajn.

Filwaqt li l-istudent saħaq li jippreferi lezzjonijiet onlajn milli xejn, huwa saħaq li hemm baħar jaqsam bejn esperjenZa edukattiva onlajn u dik fiżika hekk kif issa se jkollu jesperjenza l-lezzjonijiet mingħajr atmosfera ta’ klassi flimkien ma’ sħabu u l-għalliema b’mod fiżiku. Xi ħaġa li għejja jesperjenza minn żmien il-pandemija.

Filmati u ritratti mibgħuta lil din il-gazzetta juru biċ-ċar stat ħażin fejn jidhru vireg tal-ħadid mikxufin u kollha sadid.

More in Socjali