MEA: L-azzjoni tal-UPE kontra membri tat-Tribunal Industrijali mhijiex etika

MEA saħqet li l-azzjoni li ħadet UPE kontra t-Tribunal Industrijali hija bla preċedent u li ħadd qatt ma tefa’ dell ta’ dubju fuq l-integrità taċ-chairpersons fl-irwol kważi ġudizzjarju tagħhom, u membri maħtura

L-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem (MEA)  iddikjarat li l-azzjoni meħuda mill-Union ta' Edukaturi Professjonali (UPE) rrepreżentati minn Therese Comodini Cachia u Jason Azzopardi, kontra t-Tribunal Industrijali u l-membri tagħha huwa bla preċedent u jmur kontra l-funzjoni tal-istituzzjoni.

L-MEA saħqet li wieħed jista’ jitlob ir-rekuża ta’ membru tat-Tribunal Industrijali jekk jipprova li hemm kunflitt ta interess, u tabilħaqq, l-UPE stess kienet talbet għar-rekuża ta wieħed mill-membri li oriġinarjament kien maħtur biex joqgħod fuq il-panel qabel ma bdew is-seduti. 

L-Assoċjazzjoni kompliet tgħid li jistgħu jirrikorru wkoll għal appell ta’ xi deċiżjoni tat-Tribunal Industrijali jekk jemmnu li id-deċiżjoni hija difettuża fuq punt ta’ liġi.

L-MEA sostniet li d-deċiżjoni li ħadet il-UPE li ssemmi l-membri tat-Tribunal meta ppreżentat proċedimenti kostituzzjonali, mhujiex etiku. 

It-Tribunal Industrijali dejjem kien istituzzjoni rispettata u, għalkemm kien hemm kienu bosta rakkomandazzjonijiet biex jissaħħu r-rwol u l-funzjoni tiegħu mill-MEA u msieħba soċjali oħra, ħadd qatt ma tefa’ dell ta’ dubju fuq l-integrità taċ-chairpersons fl-irwol kważi ġudizzjarju tagħhom, u membri maħtura stqarret l-MEA. 

L-MEA qalet li dan huwa tentattiv ieħor mill-UPE biex jiddestabilizza l-istrutturi tar-relazzjonijiet industrijali fil-pajjiż biex tkompli l-aġenda tagħha stess.

More in Socjali