Il-Baġit mill-lenti ta’ sitt familji Maltin

L-ILLUM tanalizza realtajiet ta’ familji differenti u kif laqathom il-Baġit, dan hekk kif tħabbru numru ta’ inizzjattivi mill-għan bl-għan li jiġu milquta firxa ta’ nies 

Meta nisimgħu l-Ministru għall-Finanzi jħabbar il-baġit, ħafna drabi wieħed jibda jistaqsi jekk hu jibbenefikax minn miżura jew oħra. Anke dwar miżuri li ilhom fis-seħħ numru ta’ snin ġieli jkun hemm mistoqsijiet diversi. Imma din tgħodd għalija? Din kulħadd joħodha? U din xi trid tagħmel biex tgawdi minnha? Il-gazzetta ILLUM provat tanalizza dan billi tipprovdi xenarji tipiċi Maltin u b’hekk tipprova tikkwantifika kif u min se jgawdi minn miżura jew oħra.  

Mario u Sylvia  

Nitkellmu dwar Mario u Sylvia, koppja b’żewgt itfal. Waħda mit-tfal għandha 18-il sena u  għandha diżabilità severa u teħtieġ kura kontinwà. Għalhekk Sylvia kellha tieqaf mix-xogħol biex tieħu ħsiebha.  It-tifel l-ieħor għandu 14-il sena. Mario jaħdem mal-privat.   

Il-familja tibbenefika mill-Għotja għal Carers li hija ekwivalenti għal nofs il-paga minima netta u għalhekk biż-żieda fil-paga minima u dik għall-għoli tal-ħajja fl-2024 din l-għotja ser tiżdied b’€487, għal €4,997.  L-Assistenza Miżjuda għal Diżabiltà Severa tat-tifla se tiżdied ukoll b’ €17.39 fil-ġimgħa jew €904 fis-sena grazzi għaż-żieda fil-Paga Minima Nazzjonali. Mario ser jirċievi żieda ta’ €666 fil-paga u l-familja ser tirċievi żieda ta’ €250 fl-Allowance tat-Tfal u żieda ta’ €100 fl-In-Work Benefit.  Barra minn hekk, din il-familja se tibbenefika għall-ewwel darba minn pagament ta’ madwar €725 bħala benefiċċju addizzjonali kontra l-għoli tal-ħajja.  Ir-raġel jieħu rifużjoni tat-taxxa ta’ €105. B’kollox id-dħul ta’ din il-familja se jiżdied b’ €3,237 fis-sena, jew €62.25 fil-ġimgħa.  

Marika 

Nitkellmu issa dwar Marika, mara separata b’tifel wieħed li minħabba ċirkostanzi li sabet ruħha fihom ma tistax taħdem u għalhekk tiddependi mill-assistenza soċjali u xi benefiċċji oħra.   

Hija ser tibbenefika miż-żieda sħiħa għall-għoli tal-ħajja ta’ €666, u flimkien mal-ogħla rata ta’ Allowance tat-Tfal, ser tibbenefika minn żieda ta’ €250 fl-Allowance tat-Tfal.   Hija ser tgawdi wkoll minn ħlas addizzjonali ta’ madwar €500 bħala benefiċċju addizzjonali kontra l-għoli tal-ħajja. B’hekk id-dħul tagħha se jiżdied b’€1,416 fis-sena, jew b’€27.23 fil-ġimgħa. 

Sandra u Mark  

Nieħdu issa l-eżempju ta’ Sandra u Mark, koppja impjegati fis-settur privat b’pagi moderati b’żewġt itfal taħt is-16 il-sena.    

Bejniethom ser jieħdu żieda ta’ €1,332 fil-pagi tagħhom flimkien ma’ żieda oħra ta’ €500 fl-Allowance tat-Tfal.  Huma ntitolati wkoll għall-In-Work Benefit li ser jiżdied b’€100 fis-sena.  Barra l-benefiċċji li qed tirċievi, il-familja għall-ewwel darba ser tkun intitolata għal pagament ta’ madwar €535 bħala benefiċċju addizzjonali kontra l-għoli tal-ħajja. Se jieħdu wkoll €220 f’tax-refund. Għalhekk, b’kollox se jirċievu €2,687 fis-sena aktar fi dħul matul l-2024, jew aktar minn €51.67 fil-ġimgħa.   

Lino 

Nieħdu issa l-eżempju ta’ Lino, li jaħdem ma’ kumpanija privata, iżda martu, Marianne, ma’ taħdimx biex tkun tista’ tlaħħaq max-xogħol tad-dar u mat-trobbija tat-tlett it-tfal żgħar tagħhom.   

Maż-żieda ta’ €666 fil-paga, Lino ser jirċievi żieda ta’ €150 fl-In-Work Benefit.  Barra minn hekk, biż-żieda fl-Allowance tat-Tfal, ser jiżdied b’€750 oħra.  Il-familja ser tkun intitolata għall-ewwel darba għal pagament ta’ madwar €650 bħala benefiċċju addizzjonali kontra l-għoli tal-ħajja.  Lino ser jirċievi wkoll pagament ta’ rifużjoni ta’ taxxa ta’ €140. B’kollox din il-familja se tirċievi €2,356 fis-sena aktar fi dħul, jew madwar €45.30 fil-ġimgħa.   

 Marlene 

Nieħdu issa l-eżempju ta’ Marlene, ġenitur single ta’ żewġt it-tfal ta’ 10 u 12-il sena u li taħdem bil-paga minima.  

Barra li l-paga minima tagħha se tiżdied b’ €1,082 bil-COLA inkluża, hija ser tkun intitolata għal żieda ta’ €500 fl-Allowance tat-Tfal u żieda ta’ €100 fl-In-Work benefit. Marlene ser tibbenefika wkoll minn pagament ta’ madwar €800 bħala benefiċċju addizzjonali kontra l-għoli tal-ħajja. B’kollox id-dħul ta’ din il-familja se jiżdied b’€2,482 fis-sena, jew ftit aktar minn €47.73 fil-ġimgħa. 

Rita u John  

Nitkellmu issa dwar Rita u John, koppja impjegati. John full-time delivery man u Rita taħdem part-time 20 siegħa fil-ġimgħa bil-paga minima.   

Huma għandhom żewġt itfal, wieħed ta’ 16-il sena li daħal l-MCAST jagħmel Diploma u eventwalment se jagħmel Degree.  L-ieħor għandu 14-il sena.  John se jieħu żieda ta’ €666 fil-paga tiegħu waqt li biż-żieda fil-paga minima, Rita se tiżdied €541.  Barra minn hekk, se jieħdu żieda oħra ta’ €250 fl-Allowance tat-Tfal u żieda ta’ €100 fl-In-Work Benefit.  Barra l-benefiċċji li qed tirċievi, il-familja għall-ewwel darba ser tkun intitolata għal pagament ta’ madwar €750 bħala benefiċċju addizzjonali kontra l-għoli tal-ħajja u għall-pagament ta’ €500 fis-sena għat-tifel ta’ 16-il sena li se jkompli jistudja. B’kollox se jirċievu €2,807 fis-sena aktar fi dħul bejniethom matul l-2024, jew kważi €54 fil-ġimgħa. 

More in Socjali