“Il-bdoti u s-sidien tal-ajruplani mhumiex imwielda sinjuri, aħna nies komuni b’passjoni għall-ajru”: AOPA u EPA

Il-kors tal-bdoti jiswa’ madwar €65,000 u minkejja li jitqiesu bħala studenti, huma ma jingħataw ebda tip ta’ stipendju jew għajnuna fil-ħlas tal-eżamijiet

Bosta studenti li jixtiequ jibdew il-kors tal-bdoti qed isibuha diffiċli biex iħallsu għall-ispejjeż kollha li dan il-kors jġib miegħu u konsegwentament qed iħalli impatt negattiv fuq l-industrija li preżentament tinsab għatxana għal-iktar bdoti.

Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ Matthew Rota, direttur tal-ewwel skola li bdiet toffri t-taħriġ lill-bdoti f’pajjiżna, il-European Pilot Academy kif ukoll ma’ Mark de Marco, Chairperson tal-organizazzjoni mhux governattiva AOPA sabiex niksbu iktar tgħarif fuq l-ispejjeż li studenti qed jaffaċjaw matul l-kors tagħhom.

Id-Direttur Matthew Rota kif ukoll iċ-Chairperson Mark De Marco qablu li l-istudenti għandhom jingħataw xi forma ta’ stipendju, dan minħabba l-ispejjeż kbar (spejjeż li jlaħħqu mal-€65,000) li student jaffaċja. Sabiex itina eżempju, Matthew spjega kif test mediku li jsir sabiex jikkonferma li l-bdot jista’ jtir jiswa madwar €1,200, barra minn hekk wara diversi eżamijiet li jlaħħqu flejjes kbar, hekk jgħaddi l-istudent għandu bżonn jakkwista l-liċenzja mingħand Transport Malta. Sabiex itir ma’ linja tal-ajru l-ewwel irid jikseb il-PPL, (liċenzja li tippermettilek issuq ajruplan żgħir) din tiswa madwar €120 mingħand TM, umbgħad irid iħallas is-CPL (liċenzja li tippermettilek issuq ajruplani kbar) tiswa kważi €500 mingħand TM. 

“Dawn huma uħud mill-flejjes kbar li jaffaċjaw bdoti” saħaq Matthew, u spjega li minekjja li ma jistenniex li kull kors mill-bidu sal-aħħar jiġi kopert mill-Gvern, huwa jemmen li ta’ l-inqas ċertu spejjeż għandhom jiġu mnaqqsa għall-istudenti. Huwa kompla jgħid li kien hemm xi studenti li sfortunatament minkejja l-ambizzjoni li sawwret fihom biex jilħqu bdoti, spiċċaw kellhom jaqtgħu qalbhom għalkollox. Mark De Marco ukoll qasam ħsibijiet simili, hekk kif qal “jiena naqbel li stipendu jingħata lill-istudenti  li qed jistudjaw is-CPL, anke’ hekk jagħmluh bħala bażi ta’ Part Time”.

S’issa l-unika għajnuna finanzjarja offruta mill-Gvern hija l-iskema ‘Get Qualified’. Din hija skema li tappoġġja l-iżvilupp personali ta’ individwi għall-kisba ta’ kwalifiki u ċertifikazzjonijiet meħtieġa mill-industrija, meta jitlesta l-kors b’suċċess l-istudent jibbenefika minn kreditu tat-taxxa li jippermettilhom jirkupraw parti mill-ispejjeż imġarrba. Iżda minkejja li faħħru din l-iskema li qed tgħin diversi studenti, xorta waħda jemmnu li għandha tingħata xi tip ta’ għajnuna addizjonali għaliex fl-isfond ta’ kemm jiswa’ il-kors b’kuntrast ma’ kemm jibbenifika l-istudenti sempliċiment mhuwiex biżżejjed.

Kemm Matthew kif ukoll Mark saħqu li s-settur tal-avjazzjoni tant qed jikber, speċjalment issa li ħriġna sew mill-pandemija, li d-domanda mhix tlaħħaq mal-ammont ta’ bdoti li hawn fis-suq. “Din għanda tiġi mħarsa bħala opportunità fejn pajjiżna jista’ juri l-kapaċitajiet tiegħu f’dan is-settur filwaqt li joffri xogħlijiet ta’ paga tajba u garanzija ta’ post tax-xogħol sigur” temm jgħid Matthew. 

Barra minn hekk effetivament mill-5 ta’ Ottubru (possibilment sa Marzu), waħda mir-runways tal-Malta International Airport se tingħalaq minħabba raġunijiet ta’ manutenzjoni u tiswija, iżda din se titfa piż enormi fuq l-unika runway li se tkun qed topera matul dan il-perjodu. Minħabba f’hekk il-President tal-AOPA saħaq li għandhom isiru diskussjonijiet bejn dawk konċernati sabiex jiġi żgurat li l-lezzjonijiet tal-istudenti jsiru xorta waħda u jingħataw ħinijiet raġonevoli.

More in Socjali