Transport Malta qed tieħu azzjoni fuq vetturi u karrijiet abbandunati li jinsabu ġewwa Wied il-Kbir wara li għaxar karrijiet twaħlitilhom removal order u kkonfermaw li ħafna minnhom ser jitneħħew.
Huma kienu qed jwieġbu numru ta’ mistoqsijet mibgħuta mill-gazzetta ILLUM li ppublikat artiklu fuq il-perikli li jikkrejaw dawn il-karrijiet, trakkijiet u vetturi li qed jitħallew jiġu pparkjati illegalment f’Ħal Qormi minkejja rapporti lill-awtoritajiet mis-Sindku ta’ Ħal Qormi Josef Masini Vento, kif ukoll mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi.
Barra minn hekk, dawn il-vetturi huma ta’ riskju għas-saħħa u sigurtà tal-madwar, minħabba li bħal ma’ ġara fl-2003, dawn il-vetturi jistgħu jinġarru mal-kurrenti b’saħħithom tal-ilma xita u konsegwenza t’hekk jispiċċaw jagħmlu ħsara infrastrutturali.
Fl-istess spezzjoni Transport Malta kompliet tgħid li ħarrket 3 karrozzi bil-Y-plate, waħda fil-widien, oħra fi Triq l-Iljun kif ukoll vettura oħra fl-akwati taċ-Ċimiterju, dak li jinsab viċin il-grawnd tal-football ta’ Ħal Qormi.
Fir-risposta Transport Malta spjegat li meta tiġi identifikata vettura li tkun fit-triq illegalment, titwaħħlilha ‘removal order’ u titneħħa wara 7 t’ijiem, dejjem meta l-ispazju fil-‘compounds’ jippermetti.
Rigward ċitazzjonijiet u penali imposti fuq ipparkjar illegali, hija proċedura normali tal-Awtorità li titħarrek kull vettura li tkun ipparkjata illegalment. Residenti u ċittadini jistgħu jirrapportaw lill-Pulizija, lill-Kunsilli Lokali u kif ukoll lil Transport Malta fuq [email protected]