300 imwiddba għax ma ħallsux il-manteniment jew aċċess għall-ulied

Fl- 2020 omm weħlet disa’ sentenzi ta’ detenzjoni effettiva 

Fis-sena 2022, Malta rat b’kollox 32 omm u 259 missier illi nstabu ħatja li naqsu milli jħallsu l-manteniment jew li jagħtu aċċess għall-ulied, lill-ġenitur l-ieħor. Dan irriżulta minn mistoqsija Parlamentari illi għamlet id-Deputat tal-Oppożizzjoni Graziella Attard Previ lill-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard.  

Attard sostna illi fl-2022 biss kien hemm ukoll disa’ missirijiet li ntbagħtu l-ħabs għaliex naqsu milli jħallsu l-manteniment. Dan filwaqt illi 25 missier ingħataw l-libertà kondizzjonata meta nstab ħati tal-istess reat. Tajjeb illi nsemmu wkoll illi kienu tliet nisa biss illi ngħataw l-istess sentenza, bid-differenza illi dawn ingħataw libertà kondizzjonata għaliex irrifjutaw milli jagħtu aċċess tal-ulied lill-ġenitur l-ieħor. Min-naħa l-oħra għal każi meqjusa aktar minuri, kien hemm 32 omm u 259 missirijiet li ngħataw sentenza ta’ twiddiba u ċanfira.   

Il-Ministru Attard irrimarka fil-pożittiv illi fl-ewwel sitt xhur tas-sena 2023, l-ebda ma persuna ma nstabet ħatja ta’ dawn it-tipi ta’ ksur tal-liġi.  

Dawn il-figuri ma kinutx konsistenti fl-aħħar snin. Dan propju għaliex is-sentenzi u n-numru ta’ persuni li nstabu ħatja kienu differenti fil-każi tas-sena 2021. Sentejn ilu kienu ħames ommijiet u 31 missirijiet li ntbagħtu l-ħabs minħabba n-nuqqas ta’ ħlas u aċċess tal-ulied filwaqt li żewġ missirijiet ingħataw sentenza sospiża.  

 

Kif rajna fl-2022 il-ħabs ma kienx l-unika forma ta’ piena għal dawn il-ġenituri li kisru l-liġi fil-fatt fl-2020 u fl-2021 kien hemm numru ta’ ġenituri li ngħataw multi. Fl-2021 kien hemm 19-il omm u 30 missier li ngħataw multi dan filwaqt li fl-2020 missier wieħed biss li weħel multa ta’ €50 u ieħor li weħel ammenda ta’ €50 minħabba nuqqas ta’ ħlas u żewġ ommijiet biss li nstabu rifjut t’aċċess. Din is-sena partikolari rajna wkoll kif omm weħlet disa’ sentenzi ta’ dentezjoni effettiva.  

Proposta għal mekkaniżmu biex il-manteniment jingħata awtomatikament 

Għalkemm ma rajniex konsistenza f’kemm ingħataw sentenzi ta’ priġunerija, ċanfir u multi fost oħrajn, wieħed jista’ jinnota li kien hemm l-istess xejra fir-reatà li jsir mil-ommijiet u dawk mill-missirijiet. F’dawn iċ-ċifri provduti l-ommijiet nstabu ħatja li ma tawx aċċess lill-ġenitur l-ieħor u li l-missirijiet ma ħallasx il-manteniment.

Il-firda bejn il-ġenituri hija pjaga għas-soċjetà u magħha iġġib argumenti, ostilità u pika. Fuq kollok l-aktar persuni li se jbagħtu f’dawn iċ-ċirkostanzi huma l-ulied. Għalhekk matul is-snin diversi persuni ipproponew mekkaniżmi biex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn il-ġenituri u kemm jista’ jkun ma jkunx hemm disturb fil-ħajja tat-tfal.  

Fost oħrajn għandna nsemmu li l- Dott Lynn Chircop Faure u l-għaqda Flimkien Missirijiet Inqumu (FMI) ippreżentaw lill-Kummissarju għat-Tfal, Antoinette Vassallo, il-working paper riċerkata minn Chricop Faure li tħaddan 100 proposta relatata mad-drittijiet tat-tfal, maqsuma fit-temi ta' prevenzjoni, protezzjoni, proċeduri u sħubijiet.  

Il-gazzetta ILLUM għal dawn l-aħħar sena irrapportat kemm fuq dawn l-isemmija proposti kif ukoll fuq l-aljenazzjoni tal-ġenitur f'pajjiżna. Fil-fatt f’intervista ma’ Chircop Faure  hija saħqet dwar l-importanza ta’ aċċess ugwali għaż-żewġ ġenituri, fuq l-importanza tar-rappreżentanza tal-ulied - kemm fil-Qorti u anke lil hinn - u fuq ir-relazzjonijiet bejn il-ġenituri mal-ulied, fost oħrajn 

Fost numru ta' proposti, Chircop Faure saħqet li dak il-ġenitur li ma jħallasx il-manteniment b'mod repetut u mingħajr raġuni valida, minflok priġunerija għandu joħroġ 5% aktar bħala piena u mhux imur il-ħabs, “għaliex il-priġunerija żgur li mhux fl-aħjar interess tat-tfal.”  

Proposta aktar riċenti kien dak tad-Deputat Parlamentari Amanda Spiteri Grech li waqt diskors fil-Kamra tar-Rappreżentanti ftit xhur ilu hija ipproponiet li meta inbeda l-proċess tas-separazzjoni, jew ġenitur ikollu l-kura l-kustodja sakemm jinbeda l-proċess, għandu jiġi stabilit mal-ewwel manteniment bażiku. Dan filwaqt li temmen li għandha titneħħa darba għal dejjem il-proċedura preżenti li wieħed iri jiftaħ rikors biex jibda’ jingħat l-manteniment.  

Spiteri Grech, konxja ta’ dawn ir-realtajiet minħabba n-natura ta’ xogħolha, bħala avukat tal-familja, sostniet li għandu jkun hemm awtorità effettiva li tirċievi l-manteniment hi u tgħaddih lill-parti l-oħra. Bi qbil ma’ Faure hija qalet illi l-parti li tkun ikkawżat dan id-dewmien kappriċċożament, għandha tingħata penali kif ukoll ħlas addizzjonali aministrattiv apparti li jistgħu jsirulha sekwestri relattivi.  

More in Socjali