Iċ-ċekkijiet doppji nħarġu għax ma ġewx mormija wara żball tekniku

Sors li tkellem ma’ din il-gazzetta stqarr li l-iżball ġie nnutat mill-ewwel, u għalhekk ġew notifikati l-banek kollha bl-iżball u dawk li rċevew żewġ ċekkijiet ġew infurmati li ċekk minnhom mhux se jissarraf

Iċ-ċekkijiet ta’ rifużjoni tat-taxxa li ġew stampati bi żball minħabba li ntużat template ħażina, bdew jitqassmu lin-nies bi żball, hekk kif minflok intremew, dawn tpoġġew f’ġenb u ttieħdu biex jiġu impustati.

Fil-fatt, din il-ġimgħa kienu kważi 1000 ruħ li rċevew ċekk ta’ rifużjoni tat-taxxa doppju minħabba dawn l-iżbalji li saru fil-proċess biex dawn iċ-ċekkijiet jiġu stampati. 

Ikkonferma dan sors infurmatli tkellem mal-gazzetta Illum, li spjega kif meta dawn bdew jiġu stampati, kien hemm mal-1000 ċekk li nħarġu b’template ħażina, u malli dan l-iżball ġie nnutat, twaqqaf l-istampar taċ-ċekkijiet minnufih.

B’kollox kien hemm 952 ċekk doppju lil persuni f’Marsaxlokk u 48 oħra fiż-Żebbuġ. Iċ-ċekkijiet ivarjaw minn €60 sa €140, u huma parti minn miżuri li tħabbru fil-Budget is-sena l-oħra. Dawn qed jintbagħtu lil persuni li jaqilgħu inqas minn €60,000 fis-sena, li jfisser nefqa ta’ €26 miljun. Hekk kif bdew jitqassmu fid-djar tan-nies kienu bosta persuni li lmentaw dwar xi problemi b’rabta maċ-ċekkijiet fuq il-midja soċjali.

Is-sors stqarr li dawn iċ-ċekkijiet ħżiena tpoġġew f’ġenb minflok ġew imqatta’, u wara dan, iċ-ċekkijiet xorta waħda nħarġu biex jiġu impustati. Illum huwa nfurmat li meta dawn iċ-ċekkijiet inħarġu, dan l-iżball ġie nnutat mal-ewwel, iżda ċ-ċekkijiet doppji kienu laħqu ġew imqassma mill-Maltapost lill-pustiera.

Is-sors ikkonferma li dawn iċ-ċekkijiet doppji setgħu jiġu aċċettati mill-banek, iżda minħabba li l-iżball ġie nnutat mill-ewwel, l-awtoritajiet konċernati ħarġu ordni ta’ “stop payment” lill-banek minnufih.

Minħabba li l-awtoritajiet kienu jafu eżatt liem kienu d-952 persuna li kienu se jirċievu ċekk doppju, dawn irċievew ittra sabiex tispjega li sar żball, u li wieħed miċ-ċekkijiet mhux se jkun jista’ jissarraf mill-banek.

More in Socjali