Miexi ħarir il-programm u r-riċerka ta’ Fun Fit 5 fl-iskejjel primarji

Il-programm tal-'Fun Fit 5' ġie mnebbaħ bil-għan li jiġi investigat l-effett li tħalli l-attività fiżika fuq l-istudenti ċkejknin

Ix-xahar ta’ Ottubru tas-sena li għaddiet, ra t-tnedija tal-programm u r-rċierka ‘Fun Fit 5’ li jikkonsisti f’attivitajiet fiżiċi kuljum, fi klassijiet tar-raba’ sena fi skejjel tal-istat.

L-għan aħħar ta’ dan il-programm huwa li t-tfal tal-klassijiet magħżula jkollhom l-opportunità li jipparteċipaw fi programm fiżiku matul il-ġurnata skolastika tagħhom. Dan fil-fatt huwa rifless fit-titlu tal-istess programm li għandu l-għan li jservi ta’ gost u pjaċir għal dawk l-istudenti li qed jipparteċipaw fih.

Din l-idea ġiet imnebbħa mill-Malta FA, propju mill-fergħa tal-Fondazzjoni Inħobb il-Futbol, taħt id-direzzjoni ta’ Mark Gatt u Ivan Woods. Min-naħa l-oħra, il-programm qed jiġi implimentat minn coaches impjegati mill-istess assoċjazzjoni; Franco Agius, Philip Attard u Nicole Sciberras.

L-iskop aħħari wara dan il-programm huwa ta’ natura unika; dan għaliex huwa abbinat ma’ riċerka etnografika, jiġifieri riċerka li studjat u analizzat il-programm sa mill-bidu nett tiegħu, jiġifieri minn Ottubru tas-sena 2022.

Ir-riċerkaturi mill-Istitut tas-Servizzi fil-Komunità fi ħdan l-MCAST huma Dr Melanie Darmanin, Dr Renzo Kerr-Cumbo, Dr Matthew Muscat Inglott u Heathcliff Schembri. Flimkien qed jaħdmu taħt id-direzzjoni tad-direttriċi tagħhom Ann Marie Cassar.

Dan il-grupp ta’ riċerkaturi qegħdin jinvestigaw l-effetti li possibilment tħalli din l-attività fiżika fuq tliet pilastri importanti fl-istudenti; dak akkademiku, fiżiku u l-benesseri tat-tfal. Ir-riċerka hija maqsuma fi tliet fażijiet. L-ewwel u l-aħħar fażi se jaraw il-ġbir ta’ riċerka relatata mal-livelli fiżiċi u din qed issir bl-assistenza tar-riċerkatur Karl Attard. Il-livelli akkademiċi u l-benesseri tat-tfal ukoll qed jiġu riċerkati.

Dan il-ġbir ta’ riċerka sar fil-bidu tal-proġett u se jerġa’ jsir fit-tmiem tas-sena skolastika. Apparti l-użu ta’ għodod differenti ta’ riċerka, saru sensiela ta’ intervisti individwali u fi gruppi mat-tfal, mal-ġenituri, mal-għalliema, mal-LSEs u ma’ membri tat-tmexxija tal-iskola. Għalhekk huwa interessanti li wieħed isemmi li r-riċerka finali se tkun preżentata kemm f’termini kwantitattivi u anke kwalitattivi. It-tieni fażi, jiġifieri dik li fiha attwalment jinsab għaddej ix-xogħol fuqha, qed jara l-ġbir u l-analiżi ta’ riċerka li qed iseħħ proprju permezz ta’ osservazzjonijiet tal-programm imsemmi.

F’kull skola ġiet magħżula wkoll klassi oħra tar-raba’ sena li mhux qed tieħu sehem fil-programm ta’ attività fiżika, iżda li qed tieħu sehem fir-riċerka. Din se tagħti lir-riċerkaturi l-opportunità li jagħmlu analiżi mhux biss fuq medda ta’ xhur imma anke bejn studenti li ħadu sehem fil-programm u oħrajn li ma pparteċipawx.

Wara sejħa pubblika li kienet miftuħa għall-iskejjel kollha primarji, dawk magħżula u li issa qed jipparteċipaw fil-programm Fun Fit 5 huma l-iskejjel taż-ŻejtunB, tal-Pietà u tar-Rabat. L-iskop wara l-għażla ta’ dawn l-iskejjel jaqa’ fuq il-fatt li għal fini ta’ riċerka, it-tliet skejjel joffru dinamiċi differenti differenti, mhux biss fuq livell ta’ pożizzjoni ġeografika iżda wkoll fuq in-numri varji ta’ studenti li jattendu f’dawn l-istess skejjel. Tajjeb li ngħidu li qabel ma’ beda l-programm, Mark Gatt, flimkien mar-riċerkaturi u l-coaches, għamlu sessjonijiet informattivi lill-ġenituri/gwardjani u lit-tfal dwar l-andament tas-sessjonijiet. Dan kollu sar bis-sostenn tal-Ministeru tal-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, b’rappreżentazzjoni ta’ Marvin Spiteri.

Filwaqt illi kemm ir-riċerka kif ukoll il-programm Fun fit 5 jidher li miexi ħarir u b’ritmu tajjeb, ir-riċerkaturi jinsabu entużjasti sabiex jaraw x’se toffri r-riċerka, speċjalment lejn l-aħħar tal-programm. Dan għaliex huwa propju fl-aħħar ta’ din is-sena skolastika li jkunu jistgħu janalizzaw dak kollu li ġie miġbur matul xhur ta’ ħidma u xogħol kontinwu.

More in Socjali