Omiċidji li xxukkjaw lil pajjiżna: Toninu Aquilina (10)

Dan l-isem u l-każ huwa familjari għal numru ta’ raġunijiet. L-isem waħdu ikexkxek għax huwa kważi l-istess bħal dak ta’ Twannie Aquilina u biex inkunu għidna kollox, iż-żewġ omiċidji kienu mill-aktar koroh u li baqgħu jissemmew snin wara... Iżda min hu Toninu?

Dan l-isem u l-każ huwa familjari għal numru ta’ raġunijiet. L-isem waħdu ikexkxek għax huwa kważi l-istess bħal dak ta’ Twannie Aquilina u biex inkunu għidna kollox, iż-żewġ omiċidji kienu mill-aktar koroh u li baqgħu jissemmew snin wara.  Fl-istess waqt dan l-omiċidju għandu ħafna paralelli għax il-ġrajja ta’ Toninu tista’ tgħid tibda’ eżatt bħal dik ta’ Lino Cauchi. It-tnejn għebu b’bagalja f’idhom, it-tnejn aktarx inqatlu minħabba dak li kien hemm fil-bagalja u t-tnejn instabu ġewwa bir. Iżda min hu Toninu?  

Toninu Aquilina kellu 35 sena u kien jgħix ma’ martu u żewġt ibniet, waħda minnhom sfortunatament mietet ftit wara l-mewt ta’ missierha minħabba raġunijiet ta’ saħħa. Ħafna kienu jiddiskrivuh bħala raġel bieżel, tar-ruħ u tal-affari tiegħu. Il-ġurnata tiegħu kienet dejjem l-istess, kellu rutina fissa. Kien jaħdem l-ewwel nofstanhar ta’ filgħodu mal-Malta Millers Association, wara kien imur jisma’ quddies fil-knisja tal-Ġiżwiti. Kif ilesti kien jibqa’ sejjer jiekol għand missieru, li kien joqgħod il-Belt stess u wara nofsinhar kien imur jaħdem mal-induratur Pawlu Francalanza, ukoll il-Belt.  

Toninu kien messaġġier mal-assoċjazzjoni u kien jaħdem f’uffiċju fil-viċinanza tal-binja tal-General Workers Union. Fost il-qadi ta’ dmirijietu huwa kien imur jiddepożita l-flus tal-kumpanija fil-bank nazzjonali fi Strada Rjali, illum Triq ir-Repubblika. Ħafna drabi ma kienx iġorr ħafna flus fuqu iżda kull nhar ta’ Ħamis kien ikollu ħafna aktar għaliex kienu jidħlulhom ħafna pagamenti. Dakinhar li għeb, il-Ħamis 24 ta’ Frar 1955, kellu fuqu £15,300 f’ċekkijiet u karti ta’ £1.  

Toninu qabad triqtu għall-bank għall-ħabta tal-11 a.m. u minn dak il-ħin ma reġax intlemaħ darb’oħra. Toninu ma għamel xejn milli jagħmel ta’ kuljum u ma rritornax lura d-dar fl-istess ħin tas-soltu u martu Katarina mal-ewwel qabdet tinkwieta u marret l-għassa minnufih. Minkejja dan, il-Pulizija qalulha biex tistenna sal-aħħar karozza tal-linja tal-ġurnata, imbagħad terġa’ tirritorna jekk jibqa’ ma jiftaċċax.  

B’qalba maqsuma hekk kellha tagħmel u kien hemm biss li l-investigazzjoni skattat.  

X’ġara dakinhar tad-delitt?  

Il-Pulizija bdiet l-investigazzjoni mal-ewwel u għamlu kuntatt mal-pulizija tal-Belt biex jaraw jekk kienx baqa’ jaħdem għand Francalanza. Madankollu irriżulta li dakinhar ma kienx mar jaħdem, lanqas għand missieru ma’ mar.  

Għall-awtur u storiku kriminali Eddie Attard, dan il-każ kien wieħed kbir għalih għax kien l-ewwel omiċidju li jiftakar hekk kif kellu biss 6 snin meta dan il-każ seħħ. Fir-rakkont tiegħu fil-ktieb ‘Delitti f’Malta’ qal illi dak iż-żmien il-Korp tal-Pulizija kien dgħajjef u dan kien l-ewwel każ ta’ omiċidju li kellu jaffaċċja l-Prim Ministru Duminku Mintoff. Fil-fatt aktar ‘il quddiem Mintoff ħa numru ta’ inizjattivi wara l-investigazzjonijiet ta’ dan il-każ biex itejjeb il-Korp.  

Dwar dan ukoll Attard jgħid illi propju meta għeb Toninu, kienu l-jiem tal-elezzjoni ġenerali tal-1955 u għaldaqstant dan il-każ m’għamilx ħoss mal-ewwel.  

L-ewwel ħsieb tal-Pulizija kien illi Toninu kien ħarab bil-flus u abbanduna lil familtu. Tant hu hekk li ttieħdu diversi miżuri fl-ajruport u fil-Port il-Kbir biex jiżguraw li dan ma ħarabx. Saħansitra kienu għamlu tfittxija fuq il-vapur fis-sigħat tal-għejbien.  

Għaddew erbat’ ijiem u Toninu kien għadu ma nstabx. L-assoċjazzjoni ħarġet avviż u li offriet £100 għal min kien lest li jipprovdi xi informazzjoni dwar fejn jinsab Aquilina jew il-flus li kellu miegħu meta għeb. Iżda kollu ta’ xejn.  

Wasal id-9 ta’ Marzu 1955 u xi membri tad-difiża ċivili kienu qed jagħmlu xi eżerċizzji ta’ taħriġ fl-inħawi tat-Torri tal-Għallis. Ġara iżda li bdew jilmentaw b’riħa qawwija li eventwalment sabu li kienet ġejja minn bir f’rokna tat-Torri. Minnufih issejħet il-Pulizija u sar magħruf li l-bir ma kellux ilma iżda kien hemm raġel mejjet ġewwa fih. Aktar tard ġie identifikat li huwa Toninu.  

Huwa kien liebes biss flokk, pullover, ingravata u bil-qalziet ta’ taħt biss. Il-qmis kienet maħruġa u mqabbda ma’ idejn il-vittma filwaqt li l-flokk kien imtella’ sa rasu. Ħdejn il-ġakketta u f’idu kien hemm arloġġ u ċ-ċurkett tat-tieġ. Intant fil-ħwejjeġ kien hemm xi flus, żewġ kuruni tar-rużarju, ċwievet, lapes u domni. Fuqu wkoll kellu biċċa njama plywood. 

Peress li kien instab minn żewġ membri taċ-ċivil l-Assoċjazzjoni li kien jaħdem fiha Toninu ried jagħti l-kumpens lil dawn l-uffiċjali iżda dawn irrifjutaw u riedu jagħtu l-flus lil armla ta’ Toninu u hekk sar.  

X’irriżulta mill-awtopsja?  

L-awtopsja saret mill-Professur Xuereb, patologu tal-Gvern ta’ dak iż-żmien, flimkien mat-tobba Camilleri u Henry Said. Minn dan irriżulta li Toninu inqatel b’tir ta’ pistola sparata min-naħa tax-xellug ta’ wara tar-ras.  

Il-katavru ma kellu ebda sinjali ta’ ksur fuqu u ntefa’ fil-bir fl-ewwel 12-il siegħa wara mewtu. Ħaġa interessanti u li qatt ma baqgħet solvuta, kienet li fil-koxxa l-leminija kellu leżjoni interna, ikkawżata minn siringa.  

It-Torri tal-Għallis
It-Torri tal-Għallis

X’instab mill-investigazzjonijiet?  

Il-pulizija baqgħet tinvestiga dan iż-żmien kollu anke fil-perjodu fejn kien għadu ma nstabx. Irriżulta li ċertu Alfred Zammit, sekondu kuġin ta’ Toninu dakinhar kien rah jitkellem ma’ raġel għall-ħabta tal-11:30a.m.  

Tajjeb li nsemmu li l-Pulizija għamlet żball kardinali f’din l-investigazzjoni, liema żball ammettieta hi stess. Wara li tneħħa l-katavru ma għamlet l-ebda għassa tal-post u minħabba f’hekk setgħet inqerdet xi evidenza.  

Ftit wara li nstab il-katavru beda jinstema l-isem ta’ George Terreni. Terreni kien jaħdem il-bank u dakinhar li għeb Toninu, ma kienx xogħol. Huwa kellu pistola irreġistrata f’ismu tal-għamla Bernardelli, l-istess għamla u kalibru li biha inqatel Toninu. Meta intalab jagħti l-arma lill-pulizija, irrifjuta għax qal li tilifha meta kien qiegħed jispara fuq il-ħut fir-Ramla l-Ħamra, f’Għawdex. 

Terreni kien ġej minn familja sinjura u stabilita. Fil-fatt il-poplu kien inkwetat li dan il-każ ma kien se jissolva qatt għax missieru kien Professur tal-Fakultà tal-Arkitettura fl-Università ta’ Malta u Kurunell u għaldaqstant kienu jemmnu li l-Gvern kien se jkun dgħajjef.  

Nhar l-24 Marzu, 1955 huwa ġie interrogat għall-ewwel darba mis-Supretendent Floridia, Kap tat-Taqsima tal-Investigazzjonijiet Kriminali. Huwa kien stqarr li dakinhar ma kienx ħareġ mid-dar u li kien ilu ma jmur fl-iħhawi ta’ Baħar iċ-Ċagħaq, mill-15 ta’ Frar, 1955. Aktar tard din il-verżjoni inbidlet u qal li kien ħareġ filgħaxija biex iwassal lil ommu u lil missieru sa Tas-Sliema. Minn hemm baqa’ sejjer San Ġiljan jiltaqa’ ma tfajla li rikbet fil-karozza tiegħu u baqgħu sejrin Baħar iċ-Ċagħaq, ħdejn it-Torri. Hemm waqfitlu l-karozza, ta tliet liri lit-tfajla u marret għal rasha filwaqt li hu mexa sa Spinola u hemm rikeb għall-Belt. Stqarrija inkosistenti għall-aħħar meta wieħed iqabbel il-verżjonijiet li qal aktar tard.  

Dakinhar tal-għejbien lemħuh tliet persuni:  

  • Toni Scerri tas-Central Bar, li kien jafu sew, qal illi rah għall-ħabta tat-8 a.m. ħdejn il-Palazz, kantuniera mat-Triq l-Arċisqof, waħdu. Qal li aktar tard għall-ħabta tal-11 u l-11:30 a.m. kien ra vann tat-tip Bedford u kulur ikħal skur jersaq quddiem il-Bank tal-Gvern fi Triq l-Arċisqof.  
  • Filomena Calleja, li kienet toqgħod il-Belt u kienet tafu sew, qalet li ratu għall-ħabta tal-10:30 a.m. Hija qalet li ratu f’karozza sewda u kien fis-seat ta’ wara ma’ żewġ persuni oħra.  
  • Rose Tommasi, li kienet għadha kif ħarġet mill-Belt ma’ ommha, ratu għall-ħabta tal-10:15 a.m. kif kienu sejrin lura d-dar, fi Triq in-Nofsinhar. Qalet li rat tliet karozzi ipparkjati ħdejn xulxin, waħda mnnhom kien hemm Terreni u mara. Dan filwaqt li f’waħda mill-karozzi kien hemm raġel li ma’ ikellem lil din il-mara u qal “qed nistennew jew qed nistennewh.”  

Il-Pulizija kienet konvinta li Terreni kien ħati iżda ma kellhomx biżżejjed evidenza biex jixluh. Għaldaqstant Mintoff talab għall-assitenza ta’ Scotland Yard u l-investigaturi sabu traċċi ta’ demm fil-karozza u tbajja fuq il-ġakketta ta’ Terreni.  

Intant is-sejba tal-plywood fuq il-katavru kienet waħda importanti għaliex kienet tagħmel parti minn kaxxa li kien kiseb Terreni ftit qabel id-delitt. Fuq l-injama kien hemm il-kliem C. De G. Li wara sar magħruf li kienu jfissru Carlo De Giorgio, ditta li kienet timporta l-mediċina f’kaxxi tal-injam. Din il-kaxxa ingħatatlu minn ċertu Salvu Baldacchino, li kien joqgħod qrib Terreni. 

X’ħareġ mill-Qorti? 

Fit-23 ta’ Lulju 1956, beda ġuri ippresedut mil-Imħallef AJ Montanaro Gauci, l-Imħallfin Albert Camilleri u J Caruana Colombo. Il-prosekuzzjoni kienet magħmula minn Maurice Caruana Curran, li tul il-karriera tiegħu intqal li din kienet wieħed mill-ikbar każi li qatt kellu fil-Qorti.  

Terreni kien irrappreżentat mill-avukati Ċensu Xerri u John Pullicino. Il-prosekuzzjoni talbet għall-piena tal-mewt jekk jinstab ħati hekk kif dak iż-żmien kienet għadha legali. Din it-talba eventwalment affettwat, anke jekk ftit, il-verdett tal-ġurati.  

Xhud partikolari xehed fil-Qorti li dakinhar ra lil Aquilina jitkellem ma’ Terreni s-central cafe. 

Mart Toninu, Katarina kienet waħda mill-ewwel xhud u qalet li xi ġranet wara li għeb kienet sabet żewġ stampi f’envelop li kien ħa żewġha d-dar. Hija kompliet tgħid li żewġha kien qalilha li dawn tahomlu skrivan jaħdem il-bank u fil-fatt dawn kienu ta’ Terreni u ismu saħansitra jidher fuq barra tal-envelop.  

Kien hemm xhieda oħra mis-sid tal-karozza li kera Terreni, jum qabel l-għejbien ta’ Toninu. Ix-xhieda tiegħu u l-istqarrijiet ta’ Terreni kienu jikkuntrastaw lil xulxin. Wieħed jgħid ħaġa u ieħor jgħid oħra. Filwaqt li l-ewwel darba qal li kien mar għalih Baħar iċ-Ċagħaq għax il-karozza li kera għandu kienet waqfet, bħalma stqarr Terreni, it-tieni darba Ġamri Farrugia qal li l-għada marru għall-karozza flimkien.  

Intant waħda mill-aktar xhud importanti għal dan il-każ kienet it-tabiba Ċettina Bajjona. Hija kienet tara l-pazjenti fin-Norman’s Pharmacy f’Tas-Sliema. Terreni qal li dakinhar kien mar għat-tabiba u ħadha d-dar għax martu kienet marida. Din kienet ukoll ikkonfermata mis-seftura ta’ omm il-mara ta’ Terreni.  

Minkejja dan, fi żvolta mill-aktar sorprendenti l-prosekuzzjoni sabet xhud li tgħid li ma jistax ikun li Bajjona marret għandhom dakinhar tal-għejbien. Il-mara ta’ Terreni kellha bżonn mediċina għaliex kellha d-deni minħabba r-riħ li kellha. Għaldaqstant kienet qaltilha li kellha bżonn il-mediċina. Dak iż-żmien il-mediċina kienet titħallat mill-ispiżjar stess u fuq il-ktieb tal-mediċini kellha miktub Terreni, li kienet miktuba fit-23 ta’ Frar. Il-prosekuzzjoni irnexxiela ssib il-pazjenta li kienet irreġistrata l-mediċina tagħha jum qabel dik tal-mara ta’ Terreni.  

Hija xehdet li meta marret għand Bajjona, Toninu kien diġà irraportat nieqes għax deher fil-kartelluni tal-gazzetta. Apparti minn hekk hija ftakret li fuq il-kartellun kien hemm miktub li kien se jingħata kumpens għall-informazzjoni, bħalma kienet talbet l-assoċjazzjoni.  

X’kien il-verdett? 

Il-verdett kien ta’ tmienja kontra wieħed li George Terreni kien ħati iżda ma ġiex ikkundannat għal mewt u minflok ingħata sentenza ta’ għomor il-ħabs.  

Fuq nota personali, Eddie Attard kiteb fil-ktieb li meta tkellem mal-eks Deputat Kummissarju Anthony Mifsud Tommasi kien qallu illi dak il-ġurat li ma sabux ħati kien jemmen li hu qatlu iżda ma riedx li jkollu fuq il-kuxjenza li Terreni jinqatel minħabba l-piena tal-mewt.  

Snin wara Terreni għamel appell fil-Judicial Committee tal-Privy Council fl-Ingilterra  iżda s-sentenza baqgħet dik li hi. Minkejja dan, Terreni ħareġ mill-ħabs tmien snin wara biss, fl-1964, għax ibbenefika minn diversi maħfriet.  

KONT TAF LI... 

  • Dan kien l-ewwel qtil li s semma fil-Parlament;  
  • Fis-16 ta’ Lulju 1955, sar eżumazzjoni tal-katavru ta’ Aquilina fiċ-ċimiterju tal-Gudja biex terġa’ ssir awtopsja fuq il-katavru. Din kienet l-ewwel darba li saret fis-seklu 20.  
  • Dan kien l-ewwel darba li Scotland Yard assistiet f’investigazzjoni Maltija.  
  • Din kienet l-ewwel omiċidju Malti li kien qiegħed jiġi irraportat mill-midja Ingliża. Fil-fatt id-Daily Mirror bagħtet korrispondent f’Malta biex isegwi l-investigazzjonijiet.  
  • Dan kien l-ewwel każ li għalih intbagħtet evidenza l-Italja għal investigazzjoni forensika.  
  • Dan il-ġuri kien wieħed l-itwal wieħed ta’ dak iż-żmien u sewa ta’ ftit aktar minn £3,600. 

L-informazzjoni biex inkiteb dan l-artiklu ittieħed mill-ktieb tal-kriminologu Eddie Attard kif ukoll minn numru ta' artikli u rapporti dwar il-każ. 

More in Socjali