Intervista | 'Il-mara ma nwarrbuha qatt. La jekk korriet u lanqas jekk tkun għamlet abort'

Tkellimna ħafna dwar l-abort, min jaqbel u min le. Però ftit tkellimna dwar ir-realtajiet li ġġib magħha t-tqala jew li jġib miegħu l-abort. Minkejja li l-Fondazzjoni Life Network hija assoċjata mal-kampanja pro-life hija wkoll tmexxi Dar Tgħanniqa ta’ Omm. Il-gazzetta ILLUM titkellem ma’ Christie Zammit dwar din ir-residenza...  

Ħadd ma jkun kompletament lest għat-tibidiliet li ġġib magħha tarbija, ippjanata jew le. Filwaqt li tarbija ġġib magħha ħafna ferħ iġġib magħha problemi u sfidi wkoll. Għal uħud dawn l-isfidi huma intensifikati għax ikunu waħedhom, mingħajr familja jew sieħeb/sieħba  

Minkejja dan, għal din it-tbatija, il-Fondazzjoni LifeNetwork toffri kenn u din tissejjaħ: Dar tgħanniqa tal-Omm. Huwa proprju minħabba dawn ir-realtajiet li l-gazzetta ILLUM iltaqgħet mal-Amministratriċi tal-Fondazzjoni, Christie Zammit li, permezz tar-rakkonti, tatna togħma tal-imħabba li jirċievu dawn l-ommijiet.  

Din il-fondazzjoni ilha mwaqqfa kważi tmien snin u bdiet minn grupp ta’ avukati li jiddefendu l-ħajja, mill-bidu tal-konċepiment sa mewta naturali. Iżda għalihom dan ma kienx biżżejjed u kien hemm li ġiet esplorata l-idea ta’ għajnuna diretta. Minn hemm infetaħ l-appoġġ tal-Life Line, li ilu jopera għal dan l-aħħar erbgħa snin u li qiegħed hemm biex jgħin nisa jew irġiel fi kriżi ta’ tqala. Eventwalment, din l-għajnuna tant espandiet li infetħet Dar Tgħanniqa ta’ Omm.  

‘Mhux l-ewwel darba li jċemplulna qabel ma jkunu jafu jekk humiex tqal jew le’  

Zammit bdiet billi spjegat is-servizz tal-helpline. Hija qalet li dan huwa miftuħ għal kulħadd u saħansitra jkun hemm ommijiet li jċemplu qabel ma jkollhom il-konferma li qed jistennew tarbija. Zammit qalet li f’dawn il-każi jagħtuhom pregnancy test u jagħmluh flimkien.  

Meta jirriżulta fil-pożittiv, jiskatta proċess li fih jaraw x’għandha bżonn l-omm. Ikun hemm persuni li jkunu qed jibżgħu jgħidu lill-familja. Oħrajn li jinkwetaw għax għadhom żgħar u qed jibżgħu li l-istudju għall-karriera mixtieqa tagħhom, se jkollha tintemm ħesrem.  

“L-għan ta’ Life Line huwa li tgħin lil dik l-omm jew il-familja. Veru li t-tarbija mhix pjanata iżda xorta jistgħu jilħqu l-miri tagħhom,” qalet Zammit.  

Għal dan il-helpline hemm grupp ta’ persuni mħarrġa li jwieġbu t-telefonati u grupp ieħor ta’ counsellors li lesti li jilqgħuhom biex jgħinuhom. “Ġieli jkollna klijenti li jċemplu għax ikunu jridu lit-tarbija imma ma jkunux jafu kif se jieħdu ħsiebha u jibdew jaħsbu biex jitterminaw it-tqala. Hemm ngħinuhom ukoll b’mod materjalistiku, grazzi għal donazzjonijiet u nagħtuhom dak kollu li jkollhom bżonn biex iżommu lit-tarbija tagħhom. Nappies, ħalib u ħwejjeġ... dak kollu li jkollhom bżonn,” spjegat Zammit.  

Hija qalet lill-ILLUM li jgħinu lill-irġiel u lill-familja wkoll. Fil-fatt ġieli jkun hemm xi qraba jew ħbieb li jċemplu fuq il-helpline f’isem dawn l-ommijiet, “b’hekk insejħulu servizz tal-familja u mhux tal-omm biss.”  

‘L-għajnuna ma tiqafx wara t-twelid. Il-veru ħidma tibda’ wara’   

Iżda x’joffru eżatt, lil hinn mill-helpline?  

Zammit emfasizzat li filwaqt li l-għajnuna waqt it-tqala nnifisha hi importanti, ma tiqafx hemm. Anzi tgħid li l-ħidma vera tibda mat-twelid tat-tarbija.  

Saħqet li qabel il-Covid-19 ħafna mill-għajnuna kienet tmur għar-residenti tad-Dar Tgħanniqa ta’ Omm, iżda minn dakinhar bdiet tgħin lil diversi familji bix-xirijiet u affarjiet li għandhom bżonn. Fil-fatt sas-sena l-oħra kellhom 85 familja li kienu jassistu b’dan il-mod.  

“Aħna nimxu bil-providenza u allura l-affarjiet li nagħtuhom huwa biss permezz tad-donazzjonijiet. Ikun hemm min jagħtina flus u b’hekk inkunu nistgħu nixtru l-prodotti jew inqassmu vawċers. Dan filwaqt li jkun hemm supermarkets jew ħwienet tal-merċa żgħar li jagħtu ħaxix u pakketti tal-ħalib, fost oħrajn,” qalet l-amministrattriċi.  

Madankollu Zammit fakkret li mhux kull tfajla jkollha familja li lesta biex tilqa’ lilha u lil uliedha u kien għalhekk li nfetħet Dar Tgħanniqa ta’ Omm, fil-Mosta. Dawn jistgħu jidħlu fiha fi stadji differenti tat-tqala u jgħixu bħala komunità. “Kien hemm okkażjonijiet fejn konna qed naħdmu ma’ omm li tgħix mas-sieħeb tagħha u f’daqqa waħda iddeċieda li ma jridx ikun parti minn ħajjithom,” żiedet Zammit.  

‘M’ilux saħansitra mort ma’ omm biex twelled’  

Is-servizz f’din id-Dar huwa bla limitu. Dan jinkludi, li jmorru magħhom għall-appuntamenti, ġinekologi b’xejn, jgħinu lill-ommijiet biex tmur għal interview tax-xogħol u jiktbu s-CVs.  

“M’ilux kelli okkażjoni fejn mort ma’ omm biex twelled. Kienet esperjenza indimentikabbli u verament sabiħa. Jien kont għadni qatt ma mort ma xi ħadd biex iwelled u vera emozzjonajna ruħna,” saħqet Zammit.  

L-ILLUM tirrimarka li l-għajnuna li qed joffru waqt it-tqala hija ugwali bħal għajnuna li normalment tingħata mill-qraba jew is-sieħeb. Iżda wara?  

Zammit spjegat li f’din il-home, joffru wkoll in-house babysitting fejn volontiera jew l-istaff jieħdu ħsieb lit-tfal tal-ommijiet waqt li jmorru għall-intervisti tax-xogħol jew waqt li jkunu qed jistudjaw għall-futur.  

“Mhux l-ewwel darba għamilniha ma’ omm li tixtieq li tkompli l-iskola. Kellna klijenti li xtaqu li jitgħallmu l-Malti u l-Ingliż u tlabna l-għajnuna ta’ volontiera li kienu għalliema biex jgħallmuhom. Aħna dejjem nippruvaw niftħulhom ħafna opportunitajiet,” qalet Zammit. Fl-istess waqt qalet li jkun hemm ommijiet li m’għadhomx jgħixu f’Dar Tgħanniqa u jieħdu lit-tfal hemmhekk biex ikunu jistgħu jmorru x-xogħol, jekk dawn ma jkollhomx min jieħu ħsiebhom u ma jkollhomx alternattiva.  

“Ma tagħmilx sens li ngħinu lill-omm sakemm twelled biss, imbagħad wara nħalluha taqdef għal rasha. Ix-xogħol jibda’ wara li titwieled it-tarbija u għalhekk aħna noffru s-sostenn kollu meħtieġ biex ma tħosshiex waħedha. Apparti minn hekk aħna rriduha li din eventwalment issir aktar indipendenti,” qalet Zammit.  

Fuq dan il-punt hija żiedet tgħid li għan ieħor tad-Dar huwa li l-ommijiet jilqħu jfaddlu biex jikru residenza huma. Minkejja dan, mhux kollha jirnexxielhom u għalhekk fl-aħħar ġimgħat ħabbru li se jkunu qed jiftħu seba’ appartamenti (flatlets) biex imorru jgħixu fihom, wara li jitilqu mid-Dar.  

Zammit qalet li minkejja li joffru ħafna servizzi, ħadd ma huwa perfett u lanqas ma hi l-Fondazzjoni. Għaldaqstant temmen li għandu jkun hemm titjib regolari fis-servizzi tagħhom u qalet li “b’hekk dejjem inniedu servizzi ġodda biex nagħtu l-aħjar għajnuna possibbli.”  

Hija sostniet li għalkemm joffru diversi servizzi, jikkoperaw ukoll b’mod tajjeb ma’ awtoritajiet u servizzi oħra offruti għall-familji li jinsabu f’sitwazzjonijiet simili. “Nirreferuhom għax nafu li jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għalihom għax aħna nagħmlu parti minn netwerk ta’ sostenn kbir,” żiedet Zammit.  

Zammit spjegat ukoll li malli persuna tidħol f’Dar Tgħanniqa tal-Omm ikollha pjan ta’ azzjoni biex il-ħolmiet tagħha jsiru realtà.  

Min-naħa l-oħra saħqet li hemm realtajiet differenti. Hemm ommijiet li ma jgħixux f’Dar Tgħanniqa, ma jitolbux għall-għajnuna b’mod frekwenti iżda jitolbu għall-għajnuna meta tinqalalhom xi emerġenza. “Jaf forsi jiġi xahar fejn ikollhom spejjeż aktar mis-soltu u jitolbu għal xi ħalib jew nappies. Bla ebda dubju, aħna qatt ma nirrifjutawhom,” kompliet Zammit.  

‘Dawn isiru parti mill-familja tagħna’  

Bi tbissima fuq wiċċha Zammit saħqet li ma’ dawn l-ommijiet, tant jiffurmaw konnessjoni li hija tqishom bħala parti mill-familja. Fil-fatt tgħid li kull persuna li ngħatat l-għajnuna tifforma minn komunità waħda, il-familja ta’ Dar Tgħanniqa tal-Omm.  

“Il-fatt li jaqsmu magħna mumenti daqstant sensittivi, aħna veru grati. Suppost aħna qegħdin hemm biex ngħinuhom, ngħallmuhom ċertu ħiliet u nisimgħuhom, imma aħna nitgħallmu ħafna iktar mingħandhom u l-esperjenzi tal-ħajja tagħhom,” saħqet Zammit.  

Tant hu hekk illi wara li dawn l-ommijiet jitilqu minn Dar Tgħanniqa, xorta waħda jibqgħu jsegwu l-każ tagħhom u jikkomunikaw b’mod frekwenti. Zammit saħansitra qalet li jgħinuhom imexxu l-affarjiet tagħhom mid-Dar għar-residenza l-ġdida.  

“Jekk ikollhom bżonn xi xirja, sakemm jidraw il-ħajja ġdida, xorta nagħtuhom. Hemm min ilu li telaq mill-2019 u xorta għadhom jiġu fl-uffiċċju tagħna, juruna t-tfal u mmorru nieħdu kafè magħhom,” qalet Zammit. 

Hija żiedet li s-servizz tagħhom qatt ma jieqaf, sakemm ma jkunx hemm omm li tgħidilhom li trid tagħlaq dan il-kapitlu ta’ ħajjitha. B’daħqa fuq fommha qalet li lanqas taf x’jiġifieri li wieħed jagħlaq il-każ ma’ omm.  

‘Tkun xi tkun is-sitwazzjoni, l-omm qatt ma titwarrab anke jekk tkorri, tagħmel abort jew tagħti l-wild għall-adozzjoni’  

Zammit insistiet li l-għajnuna tibqa’ tingħata dejjem, tkun xi tkun is-sitwazzjoni. Fil-fatt l-ILLUM staqsiet dwar ommijiet li sofrew minn korriment. “Dawn l-ommijiet li jkunu qed jgħixu fid-Dar u jkunu korrew, bħalma ġieli ġara, ma ngħidulhomx biex jitilqu mid-dar l-għada. Jingħataw l-istess sostenn daqslikieku għadhom qed jistennew tarbija,” wieġbet Zammit.  

Qalet li tkun xi tkun is-sitwazzjoni, l-omm qatt ma titwarrab anke jekk tkorri, tagħmel abort jew tagħti l-wild għall-adozzjoni 

Fil-fatt hija żiedet tgħid li kien hemm sitwazzjonijiet fejn l-omm iddeċidiet li, filwaqt li mhux se tittermina tqala, temmen li setgħet toffri ħajja aħjar lit-tarbija u għaldaqstant jagħtu l-wild għall-adozzjoni.  

Huma jirreferuhom għall-aġenziji tal-adozzjoni u jimxu magħhom pass, pass, anke wara li t-tarbija tingħata lill-ġenituri adottivi. “Minkejja li din tkun deċiżjoni tagħhom, mhux kulħadd taffetwah u jirreaġixxi l-istess. Din hija diffiċli ħafna kemm għal single mother u anke għal koppja.”  

Minkejja li din il-Fondazzjoni hija favur il-ħajja, Zammit saħqet li anke din tgħin lil ommijiet li jmorru għandhom u li jkunu għamlu abort, “mingħajr ġudizzju żejjed.”  

“Filwaqt li jkun hemm oħrajn li ma taffetwahomx b’mod daqstant negattiv, hemm min jagħmel abort u wara jkun iddispjaċut. Veru li t-tarbija ma tistax iġġibha lura iżda dik l-omm ukoll għandha d-dinjità tagħha u noffru s-servizz ta’ ‘post-abortion therapy’.” Fakkret li għal dawk l-ommijiet li jibżgħu jitkellmu dwar dawn l-esperjenzi, il-Fondazzjoni toffri servizz anonimu fejn tista’ titkellem liberament. “Fl-aħħar tal-ġurnata, is-servizz tagħna mhux qiegħed hemm biex niġġudikaw lill-omm iżda biex ngħinuha,” temmen Zammit.  

Zammit irrakkontat ukoll li ġieli jkun hemm missirijiet li jċemplu għax is-sieħba tagħhom tkun għamlet abort mingħajr ma jkunu infurmati huma filwaqt li kien hemm oħrajn li ġew imġiegħla li jagħmlu abort. Għal darb’oħra tgħid li l-għajnuna tagħhom mhijiex għal kategorija ta’ nisa biss iżda għal dawk kollha li għandhom bżonn lil xi ħadd biex jismagħom. 

(arkivji)
(arkivji)

‘Kull sena dejjem jiżdiedu l-ommijiet li jirrikorru għall-għajnuna tagħna’  

Din il-gazzetta tistaqsi dwar kemm il-omm qed tingħata għajnuna bħalissa. Hawn Zammit għarrfitha li kull sena l-ommijiet fid-Dar dejjem jiżdiedu, sena wara oħra. Fl-aħħar erba’ snin Dar tgħanniqa tal-Omm laqgħet madwar 30 omm, fil-fatt fl-2022 biss kien hemm 10 ommijiet, terz ta’ dak li kien hemm fl-aħħar erba’ snin.  

“Is-sena li għaddiet twildulna 26 tarbija,” qalet Zammit.  

Zammit spjegat li filwaqt li din hija home li tilqa’ lil dawn l-ommijiet, din hija fil-veru sens tal-kelma, dar. Dan għaliex, din hija imqassma u atrezzatha bħal kwalunkwe dar oħra biex dawn l-ommijiet jgħixu kemm jista’ jkun ħajja normali u jidraw jgħixu f’ambjent ta’ familja normali. Hija qalet li kulħadd għandu kamra tas-sodda u tal-banju għalih u mhux l-ewwel darba li fis-sajf jagħmlu xi BBQ fuq il-bejt.  

Intant Zammit qalet mal-ILLUM li fiż-żmien li ġej il-Fondazzjoni se tiftaħ dak li jissejjaħ distribution hub fejn ikun mitfuħ għall-volontiera u dawk kollha li jixtiequ li jagħtu xi donazzjoni. “Kollox huwa ta’ valur għalina. Għaldaqstant min jixtieq se jkun jista’ jiġi dan il-hub f’Santa Venera.” L-għan aħħari huwa wkoll li din issir bħala komunità oħra u li l-ommijiet jistgħu jmorru hemm biex jitkellmu magħhom.   

Min jixtieq l-għajnuna ta’ Life Line Malta jista' jċempel fuq 20330023. 

More in Socjali