F'pajjiżna: Għal kull ħames nisa li kienu qed jistennew tarbija, waħda korriet

It-teżi tal-attivista u l-fundatriċi ta’ Women for Women Francesca Fenech Conti jitfa’ d-dawl fuq l-użu tal-kontraċettivi, it-tipi l-aktar popolari u għaliex nisa li jqisu ruħhom aktar reliġjużi jagħżlu tipi ta’ kontraċettivi inqas affidabbli. L-ILLUM tanalizza...  

F’pajjiżna, għal kull ħames nisa li kien se jkollhom tarbija, mara minnhom kellha korriment. Hekk irriżulta minn teżi u sondaġġ tal-fondatriċi tal-Għaqda mhux Governattiva (NGO) u l-Fondazzjoni Women for Women, Francesca Fenech Conti. Dan is-sondaġġ jinstiga lill-awtoritajiet ta’ pajjiżna biex jagħmlu r-riċerka meħtieġa fuq ir-riperkussjonijiet ta’ nuqqas ta’ ‘family planning’, l-użu ta’ kontraċettivi u kura tas-saħħa riproduttiva aktar adegwata, għal dawk li kellhom tarbija jew tilfuha.  

Il-maġġoranza ta’ dan l-istudju huwa ikkonċentrat fuq l-użu ta’ kontraċettivi u l-influwenzi soċjo-ekonomiċi li jwasslu biex wieħed jagħmel użu minn tip ta’ kontraċettiv jew ieħor u r-raġuni għal dan. Madankollu jitratta wkoll it-tqala nnifisha, l-ippjanar tagħha jew in-nuqqas tiegħu.  

Minn 2,552 mara Maltija li ħadet sehem f’dan l-istudju, 1,483 huma ommijiet. Bejniethom dawn kellhom 2,436 tifel u tifla, medja ta’ madwar żewġt itfal għal kull mara. Minkejja dan, b’dispjaċir għal kull min hu affetwat, mhux kull tqala irriżultat fi twelid ta’ wild, anzi! Meta dan l-istudju iqabbel iċ-ċifri ta’ korrimenti ma’ dawk irreġistrati fir-Renju Unit fl-2018, jirriżulta li r-rata Maltija hija ferm ikbar. Fil-fatt skont ċifri tas-Servizz tas-Saħħa Pubblika Ingliża (NHS), fl-2018 mara minn kull tmienja kellha korriment.  

Fenech Conti irrimarkat li Malta m’għandhiex reġistru ta’ kull mara li korriet u għaldaqstant l-istatistika ta’ dan l-istudju huwa minn sondaġġ li wettqet hi stess, fil-perjodu ta’ Frar u Marzu, 2022. Mitejn ħamsa u erbgħin minn kull 1,000 parteċipant wieġbu illi kellhom korriment, li meta applikat għall-popolazzjoni ġenerali, jirriżulta f’korriment wieħed għal kull ħames nisa tqal. 

Hija għamlet aċċenn ukoll għall-abort, hekk kif pajjiżna għadu l-uniku fl-Ewropa fejn dan huwa illegali f’kull ċirkostanza. Minkejja dan, is-sondaġġ jindika li għal kull 1,000 tarbija mwellda xorta qed ikun hemm 41 tqala li tintemm b’abort. 

‘Ommijiet li kellhom trawma waqt it-tqala għandhom aktar ċans li jsofru minn post natal depression’  

Dan l-istudju jagħmel referenza għal dak li qalu numru ta’ psikjatri u psikologi fuq trawma li tgħaddi minnha l-omm, inkluż korriment. Fil-fatt dawn l-esperti tas-saħħa jgħidu li llum għandhom biżżejjed evidenza li turi li l-ommijiet li jgħaddu minn korriment huma aktar vulnerabbli għal post-natal depression fi tqala sussegwenti, anke jekk it-tqala ma tkunx problematika.  

Fenech Conti, irrimarkat li l-effetti immedjati u fit-tul ta’ korriment “ħafna drabi ma jittiħdux biżżejjed bis-serjetà. Għandu jkun hemm aktar informazzjoni biex jiġi determinat in-numru realistiku ta’ korrimenti fost in-nisa li huma fl-età l-aktar riproduttiva.” Hija saħqet li f’diversi każi jkun hemm nisa li lanqas imorru l-Isptar meta jkollhom korriment. Fl-istess waqt tirrakkonta kif nisa li korrew u kienu rikoverati l-Isptar ma kellhomx esperjenzi pjaċevoli. Fil-fatt qalet li “diversi nisa ħarġu mill-Isptar b’sempliċiment leaflets u għalihom dan mhux sostenn biżżejjed waqt perjodu daqstant trawmatiku.”  

“In-nisa li jsofru minn korriment għandhom jingħataw ir-rispett, id-dinjità, il-kura u t-trattamenti tas-saħħa meħtieġa wara episodju trawmatiku bħal dak,” qalet Fenech Conti.  

Nies reliġjużi jużaw inqas kontraċettivi ormonali  

Fenech Conti analizzat ir-reliġjon, l-edukazzjoni u d-dħul bħala tliet fatturi soċjo-ekomiċi li jaffettwaw l-użu tal-kontraċettivi.  

Hija tinnota b’pożittività li l-maġġoranza tal-parteċipanti kienu jafu b’diversi tipi ta’ kontraċettivi.  

Fid-dawl tal-fatt li l-Knisja hija kontra l-użu tal-kontraċettivi artifiċjali minħabba li “is-sess huwa għar-riproduzzjoni biss”, Fenech Conti staqsiet dwar ir-reliġjożità ta’ persuna fid-dawl tal-użu tal-kontraċettivi. Jirriżulta li 49% tal-parteċipanti tas-sondaġġ ma jqisux lilhom infushom bħala nies reliġjużi. Min-naħa l-oħra, filwaqt li 46% saħqu li huma reliġjużi, 61% ammettew li qatt ma jattendu servizzi reliġjużi, fosthom il-quddies. Il-maġġoranza tagħhom, minkejja li mhux neċessarjament prattikanti, huma kattoliċi.  

Tirrimarka li minkejja t-tagħlim tal-Knisja, 76% ta’ dawk fl-età riproduttiva, jiġifieri bejn it-18 u d-49 sena, huma attivi sesswalment u qed jużaw xi tip ta’ kontraċettiv.  Minkejja dan tinnota li nies li huma reliġjużi huma assoċjati aktar ma’ metodi inqas effettivi ta’ kontraċettivi, inkluż l-Ippjanar Naturali tal-Familja u l-kondoms. Min-naħa l-oħra, nisa li mhumiex daqstant reliġjużi “jużaw metodi aktar affidabli bħal pilloli ormonali.” F’dak li għandu x’jaqsam ma’ kontraċettivi inqas affidabbli hija spjegat li l-Family Planning, l-withdrawal method u l-kondoms għandhom rati għolja ta’ falliment.   

Il-livell ta’ edukazzjoni akkademika ma taffettwax f’għażla ta’ kontraċettivi aktar affidabbli 

Fenech Conti tinnota li filwaqt li studji oħra jindikaw li nisa b’edukazzjoni terzjarja jagħmlu għażla ta’ kontraċettivi li huma aktar affidabbli u li jdumu fit-tul, dan is-sondaġġ wera li dan mhux minnu. Anzi, Fenech Conti tirrimarka li bejn il-parteċipanti, ma kien hemm ebda diskrepanza bejn nisa ta’ livelli ta’ edukazzjoni differenti fl-għażla ta’ kontraċettivi personali tagħhom, anke dawk li jmorru għal kontraċettivi inqas affidabbli. 

Min-naħa l-oħra, minkejja li s-sondaġġ kien jitratta d-dħul bħala fattur soċjo-ekonomiku li jista’ jimpatta l-għażla tal-kontraċettivi, saħqet li r-riżultati kienu inkonklussivi.  

Sabet ukoll li 90% ta’ dawk li kellhom bżonn riċetti għall-kontraċettivi tagħhom ġabuhom minn tabib tal-familja jew ġinekologu privat u mhux mis-servizz ta’ saħħa pubblika b’xejn.  

Liema huma l-aktar kontraċettivi popolari?  

Dan is-sondaġġ staqsa lin-nisa dwar il-kontraċettivi li qed jagħmlu użu minnhom bħalissa biex jipprevjenu t-tqala. Sorpendentament (jew le!) l-ikbar perċentwal kien ta’ persuni li ma jagħmlux użu minn kontraċettivi. Fil-fatt 24% tal-parteċipanti wieġbu li ma jużawx kontraċettivi filwaqt li 23% qalu li jagħmlu użu mill-kondoms. Minkejja li l-perċentwal ta’ nies li mhux qed jagħmlu użu mill-kontraċettivi jaf jidher kbir, 22.4% jgħidu li r-raġuni għal dan huwa għax jixtiequ li jkollhom it-tfal jew qed jistennew tarbija.  

X'għażlu l-parteċipanti ta' dan is-sondaġġ?
X'għażlu l-parteċipanti ta' dan is-sondaġġ?

Minkejja dan, kważi 20% ma jagħtux raġuni speċifika għaliex ma jużawx kontraċettivi.  

Intant it-tieni l-aktar popolari, b’19%, hija l-pillola kontraċettiva segwita mill-withdrawal method, bi 15%.  

More in Socjali