F' Malta: Ibigħu lil binthom għaż-żwieġ għal €5,000

Fil-programm 'Carter Jirrapporta' id-Direttur għas-Servizzi ta' Protezzjoni tat-Tfal jiżvela li diversi nisa jinbigħu minn t'età żgħira għaż-żwieġ

Id-Direttorat għas-Servizzi ta' Protezzjoni tat-Tfal identifika każ li fih ġenituri bigħu lil binthom għaż-żwieġ għal €5,000. Hekk qal id-Direttur Steve Libreri fil-programm Carter Jirrapporta. Huwa spjega li f'dan il-każ partikolari, il-minuri ma kinitx tal-età biex tiżżewweġ iżda l-familja tagħha wegħdet li jżewwġuha meta jkollha 16-il sena, jiġifieri l-età li l-liġi tippermetti żwieġ legali. 

Apparti minn hekk Libreri sostna li riċerka li saret mid-direttorat turi li diversi nisa "jiġu mibjugħa" bil-għan li jiżżewġu minn ta' età żgħira. Dan filwaqt li spjega li din il-prattika tagħmel parti kbira minn ċertu komunitajiet, tant li "mhux l-ewwel darba li żgħażagħ ikunu konxji li ġew imwegħda lil xi ħadd u ma tagħmlilhomx differenza."  Min-naħa l-oħra huwa qal ukoll li huwa diffiċli li dawn jitressqu fil-Qorti għax dan it-tip ta' żwieġ huwa illegali jekk ikun irreġistrat. 

Il-preżentatur ta' dan il-programm Liam Carter intervista wkoll lil Lara Sammut, riċerkatriċi li studjat komunitajiet tal-Afrika ta' fuq u tal-Ilvant Nofsani u l-prattika taż-żwieġ sfurzat. Hija spjegat aktar fid-dettal u saħqet li r-riċerka tindika li l-irġiel tat-tfajliet taħt l-età li jiżżewġu, ħafna drabi jkunu ferm ikbar minnhom. Sammut qalet ukoll li din il-prattika mhijiex marbuta ma' kulturi jew pajjiżi partikolari anzi tisħaq li żwieġ sfurzat isir l-aktar minn nies li ġejjin minn żoni rurali. 

Sammut żiedet tgħid li jkun hemm individwi li filwaqt li huma minn dawn iż-żoni li għamlet referenza għalihom qabel jagħżlu żwieġ aktar tradizzjonali u ordinarju u meta jagħmlu dan iħossuhom injorati u miċħuda mill-komunità tagħhom stess. "Iħossuhom qishom tradew lil pajjiżhom," qalet Sammut. 

Intant il-fondatriċi tal-Women's Rights Foundation Lara Dimitrijevic sejħet għall-introduzzjoni ta' protokolli u miżuri li jipprevenu milli tfajliet jittieħdu barra minn Malta u jiġi sfurzati biex jiżżewġu. Dan qalitu minħabba l-fatt li l-Women's Rights Foundation irċieva numru ta' rapporti ta' tfajliet li "sparixxew mill-klassijiet." 

More in Socjali