Sajf 2023 | L-Air Malta tespandi u tkabbar it-titjiriet tagħha

Fost l-espansjoni ta' titjriet eżistenti, issa l-linja nazzjonali tal-ajru se tmur TelAviv, Nizza, Palermo u Napli

L-Air Malta tħabbar espansjoni u tkabbir sostanzjali fl-għadd ta' titjieriet li għandhom jiġu operati fl-iskeda tat-titjiriet tagħha tas-Sajf 2023.

Il-linja tal-ajru se żżid medja ta’ 20% fl-għadd ta’ titjiriet operati fil-ġimgħa matul il-perjodu minn April sa Ottubru 2023, u qed tippjana li topera sa 157 titjira fil-ġimgħa fl-eqqel tal-perjodu tas-sajf.

L-Air Malta se tniedi erba’ rotot ġodda fis-Sajf tal-2023. Dawn jinkludu TelAviv (tliet darbiet fil-ġimgħa) , Nizza (żewġ servizzi fil-ġimgħa), Palermo (erba’ titjiriet fil-ġimgħa) u Napli (tliet titjiriet fil-ġimgħa). Barra minn hekk, se jkun hemm żieda fil-frekwenza f’xi swieq ewlenin eżistenti, inkluż Ġinevra, issa bi tliet titjiriet fil-ġimgħa, Pariġi-Charles de Gaulle b’disa’ servizzi fil-ġimgħa, Munich bi 13-il titjira fil-ġimgħa, Ruma-Fiumicino bi 15-il titjira fil-ġimgħa u Katanja b'16-il titjira filġimgħa.

Intant, is-servizz lejn Londra se jkompli bi 22 titjira fil-ġimgħa, bi 15-il titjira lejn Londra-Heathrow u b’seba’ titjiriet lejn Londra-Gatwick. Dan iżid in-numru ta’ bliet u ajruporti servuti mill-Air Malta għal 22 ajruport inkluż Amsterdam-Schiphol, Berlin, Brussell, Katanja, Dusseldorf, Ġinevra, Londra-Gatwick, Londra-Heathrow, Lyon, Madrid, Milan-Linate, Munich, Napli, Nizza, Palermo, Pariġi-Charles de Gaulle, Pariġi-Orly, Praga, Ruma-Fiumicino, Tel Aviv, Vjenna u Zurich.

Dawn it-titjiriet kollha fl-iskedi rispettivi jinsabu miftuħa għall-bejgħ minn issa.

More in Socjali