22 qalb kbira qed tqassam 500 ikla fil-ġimgħa u toffri lezzjonijiet tal-Ingliż b'xejn lil immigranti Ukreni fil-Qawra

Il-providenza ma tonqosx, imma l-għajnuna jrid jagħtiha xi ħadd u l-ILLUM tiltaqa' ma' 22 persuna li qed jagħtu ħinhom biex jgħinu lil nies li qed jgħixu fil-faqar... 

500 ikla kull ġimgħa, 80 każ soċjali, 120 persuna Ukrena u 22 voluntier. Dawn huma n-numri wara attività ma taqta' xejn fil-Qawra, proprjament f'binja mal-Knisja prominenti u partikolari li hemm f'din il-lokalità, fejn grupp ta' voluntiera qed jaħdmu kuljum biex jorganizzaw l-għajnuna u jqassmuha lil dawk li verament għandhom bżonn. U l-bżonn huwa kbir.  

Il-gazzetta ILLUM tiltaqa' ma' dan il-grupp ta' nies - irġiel u nisa - għaddejjin bil-ħidma tagħhom mingħajr daqq ta' trombi, 'il bogħod mill-għajn pubblika u r-riklamar ta' dak li qed jagħmlu - kif wara kollox għandha tkun il-vera karità.  

Il-gazzetta titkellem ma' Mark Gatt li jispjega kif ix-xogħol li jsir huwa tad-Djakonija - kelma li jfakkar illi bil-Grieg tfisser li tkun ta' servizz għal ħaddieħor - xi ħaġa li għandha kull parroċċa iżda li hija fost l-aktar organizzata fil-Qawra għal diversi raġunijiet, fosthom il-fatt li l-bżonnijiet huma akbar.  

B'kollox id-Djakonija, kompla jispjega Gatt, tgħin 80 każ soċjali liema każi jkunu segwiti mill-FSWS, li tagħmel assessjar sabiex ikun assigurat illi dawk li qed ifittxu l-għajnuna jkunu verament fil-bżonn.  

"Il-Knisja permezz tad-djakonija għandha network b'saħħtu ħafna u kuljum nirċievu oġġetti li mbagħad jkollhom bżonn persuni li ma jkollhomx il-finanzi sabiex jixtru," qal Gatt. Huwa spjega kif dawn l-oġġetti jvarjaw minn fridges sa pushchairs li jingħataw lill-Caritas, biex imbagħad iċemplu huma u jagħmlu talbiet - skont il-bżonn.  

Fil-fatt fil-madwar nofs siegħa li l-ILLUM kienet fil-binja kien hemm żewġ persuni li kienu fuq il-post u li talbu għall-għajnuna u ngħataw din l-għajnuna; Koppja Ukrena u mara Maltija.  

Il-voluntiera preżenti wrew ħerqa u ħeġġa kbira li jfehmu lill-gazzetta x'inhu dak li qed jagħmlu u f'din il-kamra - li parti minnha hija bħal kċina -  l-attività ma waqfet xejn.  

Ikun aċċertat dejjem li jieħu l-għajnuna min verament jinsab fil-bżonn 

Gatt fetaħ fridge kbira u fiha kien hemm skjerati numru ta' kontenituri kollha bl-ikel fihom, ikel li jingħata lil dawn in-nies li jgħixu fil-faqar reali, fil-faqar finanzjarju assolut u li kieku mhux għal dawn il-voluntiera qalbiena probabbilment ikollhom jispiċċaw fit-toroq jittalbu, sabiex jieklu. 

Huwa spejga illi b'kollox id-Djakonija tqassam 500 ikla fil-ġimgħa u spjega li filwaqt li hemm dawk li jiġu regolari, hemm dawk ukoll li jmorru meta jkunu spiċċawlhom il-flus, għalkemm jiċċara illi dawn huma kollha każi li qabel jiġu riferuti biex ikun aċċertat li ħadd ma jieħu minn dak li suppost imur għand in-nies u l-familji fil-bżonn veru u ġenwin.  

Il-kaxxi kollha kienu jindikaw x'hemm fihom: Uħud bit-tiġieġ, oħrajn bil-majjal, oħrajn bl-għaġin... ikel differenti biex jolqot il-gosti ta' kulħadd. Għax wara kollox li tiekol ikla bnina mhix lussu, jew kappriċċ imma bżonn - daqs l-arja li nieħdu man-nifs! U l-fqir u l-iżvinturat fil-ħajja ukoll jixraqlu ikla bnina u ikel san. U dan qed iseħħ grazzi għal dawn in-nies li jassiguraw illi min ikun fil-bżonn ikollu kolazzjon, l-ikla ta' matul il-jum u ikla għal filgħaxija.  

"Ġieli anke mediċini xtrajna f'xi każi... Mela ara hawnhekk għandna l-ikel fornut, imbagħad ara..." u jiftaħ gwardarobba mimlija ikel fil-laned, pakketti tal-għaġin u prodotti oħrajn. "Darba fil-ġimgħa nagħmlu xirja u nagħtuha lil dawn li jinsabu fil-bżonn." 

Waqt li kor f'xi kamra fil-viċin kien ġmielu qed ikanta mal-melodiji spiritwali f'din il-binja hekk partikolari mibnija mill-Perit bravissimu Richard England - Gatt kompla jispjega kif qabel il-pandemija l-bżonn kien diġà beda jikber, iżda wara l-pandemija dawk fil-bżonn fl-akkwati żdiedu sew, speċjalment dawk bi problemi serji ta' kirjiet.  

Il-Qawra lllum saret żona mifruxa ħafna iktar u l-bini ta' eluf ta' appartamenti fl-aħħar 10 jew 15-il sena fisser illi ż-żona - li rat u għadha qed tara żvilupp qawwi ħafna (jew bla rażan!) ta' kostruzzjoni - ġiet ippopolata minn eluf ta' Maltin u eluf ta' barranin ukoll fi żmien relattivament qasir. Dan iġib miegħu diversi sfidi, mhux l-inqas dawk soċjali! 

Tagħlim tal-Ingliż għall-integrazzjoni ta' immigranti Ukreni 

Gatt jispjega wkoll mal-ILLUM illi dan mhuwiex ix-xogħol kollu għax apparti l-ikel u l-għajnuna, id-Djakonija kienet minn ta' quddiem sabiex tgħin lill-immigranti Ukreni li kif wieħed jistenna, uħud minnhom qed jgħixu fiż-żona. 

Huwa qal illi f'dan il-każ - sa issa - ma kienx hemm ċans għal assessjar iżda saret diskussjoni mal-Caritas u anke Dar l-Emigrant biex ikun determinat x'inhu l-akbar bżonn ta' dawn l-immigranti. U jirriżulta illi t-tagħlim tal-Ingliż ikun kruċjali ħafna sabiex l-Ukreni jkunu jistgħu jibdew jintegraw u anke jsibu impjiegi f'pajjiżna.  

"Sibna sitt għalliema - li qed jiġu jgħallmu sagħtejn fil-ġimgħa mingħajr ħlas u ftaħna tliet klassijiet: Basic - Intermediate u Advanced," spjega Gatt li qal ukoll li dawn il-lezzjonijiet qed isiru fiċ-ċentru Ronald Mc Donald u li tant qajmu interess li bdew jiġu Ukreni minn kull rokna ta' Malta.  

Huwa jispjega li apparti minn hekk id-Djakonat kiseb għajnuna biex irranġa store fl-istess kumpless ta' bini, fejn qed jitfgħu l-prodotti tal-ikel qabel jitqassmu.  

U l-futur?  

Il-futur ifisser aktar xogħol u ħidma hekk kif apparti forn li mistennijin jinstallaw u li wkoll huwa mħallas minn fondi ewropej, id-Djakonat se jiftaħ bħal ristorant żgħir li fih jistgħu jibdew imorru jieklu nies li jbatu mis-solitudni. Biex apparti li jieklu jkunu jistgħu jgħidu kelma u jagħmlu ħabib jew tnejn. 

'Hemm faqar materjali u dak intelletwali' 

Mistoqsi imma kif għad hawn min ma għandux flus biex jixtri biex jiekol, meta llum hawn tant servizzi u benefiċċji soċjali Mark Gatt ifakkar li l-faqar fih ħafna wċuh: Hemm il-faqar materjali, imma hemm ukoll dak l-intelletwali. Fakkar li llum li persuna ma tafx tuża kompjuter tfisser li hija illitterata. Fakkar li hemm ukoll problemi ta' nies li ma jafux kif iqassmu il-flus.  

Għalhekk baqa' jsostni matul l-konverżazzjoni tiegħu mal-ILLUM illi apparti l-għajnuna diretta huma jaraw ukoll li n-nies li qed jitolbu l-għajnuna kemm jista' jkun itejbu s-sitwazzjoni tagħhom maż-żmien. "Dak jibqa' l-ideal, li jiġu hawn, jieħdu l-għajnuna sakemm ma jiġux aktar għax ikunu sabu impjieg, għax qed iqassmu flushom aħjar... għax ma jkunux aktar fil-bżonn."  

Il-gazzetta titlaq mill-binja u tħalli warajha lil dan il-grupp ta' voluntiera li fiċ-ċokon tal-operat tagħhom qed jagħmlu affarijiet kbar, filwaqt li joffru u jgħaddu l-providenza tal-poplu u l-ħin prezzjuż tagħhom għal dawk verament fil-bżonn. Kieku mhux għalihom għandna t-tallaba fi triqatna! 

More in Socjali