Minkejja l-isfidi kollha l-Air Malta ġġorr 1.1 miljun passiġġier fi tliet xhur

Il-linja nazzjonali tal-ajru bi pjanijiet li żżid ħames destinazzjonijiet ġodda fl-2023 u l-2024

Hekk kif l-iskeda tas-sajf 2022 tal-Air Malta tintemm fil-31 ta’ Ottubru, il-linja tal-ajru kisbet livelli mingħajr preċedent tas-seats okkupati peress li għal ħames xhur konsekuttivi bejn Ġunju u Ottubru, operat b’fattur ta’ seats tan-network kollu ta’ +90%, filwaqt li ġarret 1.1 miljun passiġġier minn u lejn il-gżejjer Maltin.

Iċ-Chairman Eżekuttiv David Curmi sostna li “matul is-sajf ilħaqna l-għan tagħna li nipprovdu konnettività regolari u stabbli f’kull ħin. Aħna mxejna mat-twemmin tagħna li huwa aħjar li nagħtu lill-klijenti tagħna l-fiduċja li se jivvjaġġaw għall-kuntrarju ta’ kanċellazzjonijiet ta’ titjiriet furzati li jħallu lill-klijenti maqbudin xi mkien mingħajr ebda għażla alternattiva ta’ vvjaġġar disponibbli." 

Żied jgħid li minkejja l-isfidi li iffaċċjat l-Air Malta f'ċertu ajruporti ewlenin, kienet waħda mil-linji tal-ajru li kkanċellat l-inqas numru ta’ titjiriet "u żammejna d-dewmien u t-tfixkil f’livell baxx kemm jista’ jkun, għalkemm dan ma kienx dejjem fil-kontroll tagħna.”

David Curmi sostna wkoll li l-Air Malta tagħti, "importanza kbira lis-sħubija ma’ firxa ta’ linji tal-ajru tan-network sinifikanti ħafna f’firxa ta’ alleanzi li jikkontribwixxu għal madwar 15% tal-passiġġieri tagħna. Qed nistennew ukoll bil-ħerqa li l-linji tal-ajru akbar tan-network ta’ rotot twal jerġgħu jkabbru l-iskedi tagħhom peress li dan se jipprovdi aktar rotot twal li se jgħaqqdu lill-klijenti mal-ajruporti ċentrali Ewropej ewlenin tagħna.”

Tajjeb li nfakkru li l-linja tal-ajru nazzjonali bħalissa għaddejja minn żmien turbulenti. Fil-fatt kienu bosta ħaddiema li ngħataw is-somma biex jirtiraw kmieni, b'mijiet oħra li applikaw għal xogħlijiet mal-Gvern, bħala parti mill-iskema li ppreżenta l-Gvern stess għal impjieg alternattiv. 

Apparti minn hekk, kien hemm diversi rapporti li l-Gvern għandu pjan lest biex jagħlaq il-linja nazzjonali u dawn baqgħu qatt ma kienu miċħuda. Apparti minn hekk il-Prim Ministru Robert Abela insista li Malta se jibqa' jkollha linja tal-ajru nazzjonali. 

Minkejja dan il-Kap Uffiċjal Kummerċjali Roy Kinnear sostna li “għall-2023 u l-2024 għandna pjanijiet biex inkabbru aktar in-network tagħna u nżidu l-ħin tat-titjir tagħna. Filwaqt li r-rotot eżistenti se jinżammu, qed nikkunsidraw li nżidu ħames destinazzjonijiet ġodda jekk jirnexxilna niksbu slots xierqa fl-ajruporti. Dan ikun ifisser li se nżidu t-titjiriet ta’ kull ġimgħa tagħna b’aktar minn 20% għal 155 titjira.”

More in Socjali