Temperaturi u baħar aktar sħan minn normal jikkaraterizzaw is-sajf tal-2022

It-temperatura medja għall-istaġun kienet ta’ 27.9°C, jiġifieri 1.7°C ogħla min-norma staġjonali u l-ogħla temperatura ntlaħqet f'Awwissu, b'39.2 Grad Celsius

Hekk kif is-Sajf issa beda riesaq fi tmiemu, l-Uffiċċju Metereoloġiku ħabbar li l-ogħla temperatura ntlaħqet f'nofs Awwissu meta din telgħet għal 39.2 Grad Celsius. 

It-temperatura medja għall-istaġun kienet ta’ 27.9°C, jiġifieri 1.7°C ogħla min-norma staġjonali.

L-Uffiċċju Meteroloġiku qal fi stqarrija illi għalkemm it-temperatura massima ta’ Ġunju laħqet it-38.0°C – jiġifieri 9.2°C ogħla min-norma tax-xahar, ir-rekord li ntlaħaq f’Ġunju 2021, meta t-temperatura sparat għal 41.5°C, ma nkisirx. It-temperatura massima għax-xahar intlaħqet għall-bidu tal-unika mewġa ta’ sħana tas-sajf li għadda, li damet bejn it-23 u t-28 ta’ Ġunju b’riżultat ta’ pressjoni għolja li ppersistiet fuq iċ-ċentru tal-Mediterran.

Ħarsa lejn it-temperaturi medji ta’ wiċċ il-baħar turi li dawn kienu bejn 2°C u 2.7°C ogħla min-norma klimatika ta’ kull xahar. Temperaturi tal-baħar li kienu ogħla mill-medja ġew irreġistrati lokalment hekk kif mewġa ta’ sħana fit-tul laqtet il-Baħar Mediterran. It-temperatura medja ta’ wiċċ il-baħar ta’ Awwissu ta’ 29.1°C qabżet in-norma klimatika tax-xahar bi 2.4°C u kienet l-aktar temperatura għolja s-sajf li għadda f’Malta.

Matul is-sajf tkejlu 1084.4 siegħat xemxin, jiġifieri 43.3 siegħa aktar min-norma staġjonali.

Lulju kien l-aktar xahar xemxi tas-sajf li għadda, hekk kif matulu tkejlu 378.5 siegħa xemxin flimkien ma’ kopertura ta’ sħab ta’ 0.6 oktas li kienet aktar baxxa min-norma. Filwaqt li Lulju paxxa lil dawk li jħobbu s-sajf b’aktar xemx min-norma u sema ħieles mis-sħab, Awwissu ta gost lil dawk li jkunu qed jistennew l-għarajjex bil-formazzjoni frekwenti ta’ sħab imponenti li huwa assoċjat max-xita u l-maltempati bir-ragħad.

Fil-fatt, f’Awwissu kien hemm żewġ istanzi, fil-11 u t-12 tax-xahar, fejn instema’ r-ragħad. Fil-11 ta’ Awwissu tkejlu wkoll 5.0 mm xita f’Ħal Luqa, filwaqt li lokalitajiet oħrajn madwar Malta ntlaqtu minn ħalbiet ta’ xita aktar qliel. L-Uffiċċju Meteoroloġiku kejjel 7.0 mm xita f’Awwissu, b’dan ix-xahar ikun l-aktar wieħed imxarrab tas-sajf. Lulju u Awwissu – minħabba li Ġunju kien kompletament xott – ipproduċew total ta’ 7.2 mm xita li kien anqas min-norma staġjonali ta’ 15.8 mm.

F’Ġunju ġiet irreġistrata l-aktar buffura ta’ riħ qawwija tas-sajf ta’ 40.7 knots, li tkejlet fl-10 jum tax-xahar mill-Punent Majjistru. Ir-riħ li ġabu magħhom dawn il-jiem ġab solljiev mit-temperaturi għoljin li kienu ġew irreġistrati fil-bidu tax-xahar.

More in Socjali