Jurassic World Dominion: Id-Direttur u l-Atturi f’Malta għal edizzjoni speċjali ta' filmati li għadhom ma ħarġux

Jurassic World: Dominion s’issa ġġenera ‘l fuq minn $950 miljun permezz ta’ biljetti fis-swali taċ-ċinema madwar id-dinja u l-film irnexxielu jikseb l-ewwel post fil-box office f’madwar 72 suq globali

F’Malta bħalissa, l-istudio Amerikan Universal Pictures għadu kemm ħabbar edizzjoni speċjali ta’ Jurassic World: Dominion – film li ġie miġbud f’Malta fl-2020. Din l-edizzjoni speċjali ser tinkludi 14 -il minuta ta’ filmati li ma deherux fl-ewwel ħruġ tal-film fiċ-ċinema, f’Ġunju li għadda.

Dan l-avveniment li qiegħed iseħħ matul din il-ġimgħa ġewwa Malta huma msemmi bħala ‘Universal Pictures Global Entertainment Event.' Fl-edizzjoni speċjali tal-film blockbuster, ser ikunu varati wkoll diversi xeni li nġibdu ġewwa Malta u li għadhom ma deherux.

Jurassic World: Dominion s’issa ġġenera ‘l fuq minn $950 miljun permezz ta’ biljetti fis-swali taċ-ċinema madwar id-dinja u l-film irnexxielu jikseb l-ewwel post fil-box office f’madwar 72 suq globali.

‘Il fuq minn 40 ġurnalist mill-Istati Uniti, mill-Ingilterra, Franza, Ġermanja u reġjuni oħrajn fl-Ewropa jinsabu f’Malta biex jesploraw il-lokazzjonijiet fejn inġibed dan il-film u jitgħallmu aktar fuq is-sehem ta’ Malta fid-dinja ta’ Jurassic World.

Tnejn mill-atturi prinċipali, Bryce Dallas Howard u DeWanda Wise jinsabu f’Malta jipparteċipaw f’dan l-avveniment, flimkien mad-direttur tal-film Colin Trevorrow, li reġa rritorna f’pajjiżna għal darb’oħra wara l-attendenza tiegħu fl-ewwel edizzjoni tal-Malta Film Awards f’Jannar.

Il-Kummissarju Malti għall-Films Johann Grech laqa’ lil Universal Pictures f’pajjiżna u rrimarka kif permezz ta’ avvennimenti ta’ dan it-tip, Malta qegħda tkompli ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha globalment fid-dinja tal-films.

More in Socjali