135 tabib jitolbu b'mod uffiċjali lill-Gvern biex iwarrab il-projbizzjoni totali fuq l-abort

'Il-kriminalizzazzjoni tat-tobba hija inaċċettabli u qed tqiegħed il-ħajja tan-nisa tqal fil-periklu!' 

Fi protest ġudizzjarju 135 tabib madwar Malta u Għawdex, bi speċjalizzazzjonijiet differenti, ingħaqdu biex jipprotestaw kontra l-Artikolu 243 tal-Kodiċi Kriminali, li jimpedihom milli jkunu jistgħu jipprovu l-aħjar kura għall-pazjenti tagħhom speċjalment f'sitwazzjonijiet li jkun hemm kumplikazzjonijiet fit-tqala. Għaldaqstant f'dan il-protest, mressaq mill-Professur Isabel Stabile, it-tobba talbu li ma jiġux kriminalizzati talli joffru kura immedjata lill-pazjenti f'dawn is-sitwazzjonijiet. 

Dan sar fid-dawl tal-każ ta' Andrea Prudente, l-Amerikana li kellha madwar erba' xhur tqala u ġiet Malta fuq btala mas-sieħeb tagħha Jay Weeldreyer. Sfortunatament Prudente esperjenzat korriment, li minkejja li l-fetu kien għad kellu qalb tħabbat, it-tobba infurmaw lill-koppja li ma kien hemm ebda ċans li l-fetu jgħix minħabba kumplikazzjonijiet.

Il-liġijiet tagħna qed jitraskuraw lil dawn in-nisa u qed iġġiegħlhom jirriskjaw ħajjithom, għalxejn Prof. Isabel Stabile

Minkejja li medikament ma kien hemm ebda ċans li dan il-fetu jsalva taħt dawn il-kundizzjonijiet il-ġenituri għamlu l-għażla li jwaqqfu t-tqala immedjatament iżda dan ġie rifjutat peress li l-fetu kien għad kellu qalb tħabbat. Dan b'detriment għas-saħħa ta' Prudente li seta jkollha infezzjoni fid-demm, mill-mument għall-ieħor. Kien għalhekk li Prudente u Weeldreyer ġew trasportati lejn Spanja biex jingħataw l-assistenza medika li kellha bżonn l-omm. 

Il-protest jisħaq li l-kriminalizzazzjoni tat-tobba hija inaċċettabli u qed tqiegħed il-ħajja tan-nisa tqal (li jkollhom kumplikazzjonijiet) fil-periklu, mhux biss f'periklu fiżiku f'ċertu ċirkostanzi iżda wkoll jista' jkollu impatt fuq is-saħħa mentali ta' dawk ikkonċernati. Kawża ta' hekk dan ikun qed jikser id-drittijiet tan-nisa fir-rigward tad-dritt tal-ħajja u s-saħħa tagħhom. 

Fi stqarrija Stabile saħqet li din il-kriżi medika li rajna fil-każ ta' Prudente huwa stmat li jseħħ kważi tliet darbijiet fis-sena f'Malta u ħafna min-nisa li jgħixu Malta m'għandhomx assigurazzjoni privata li tgħinhom jieħdu l-kura neċessarja lil hinn minn xtutna. 

More in Socjali