Lilhinn miċ-ċikkulata u s-sorpriża ... minn fejn oriġinat il-bajda tal-Għid?

Tista’ tgħid li llum il-bajd tal-Għid huwa parti integrali miċ-ċelebrazzjonijiet tal-Għid il-Kbir. Imma minn fejn oriġinat din it-tradizzjoni tal-bajd taċ-ċikkulata? X’għandha x’taqsam mal-Irxoxt? 

Illum it-tfal ikunu qed jistennew bil-ħerqa l-mument li jkunu jistgħu jiftħu l-bajd tal-Għid li jkunu qalgħu bħala rigal mingħand il-ġenituri jew in-nanniet tagħhom. Jekk dalgħodu żżur il-Kottonera u anke rħula oħra fejn issir il-purċissjoni tal-Irxoxt, x’aktarx se tara ħafna tfal bil-bajd tal-Għid f’idhom, jgħolluhom meta l-Irxoxt jgħaddi jiġri minn ħdejhom. 

F’ħafna postijiet, waqt l-istess purċissjoni, isir it-tberik tal-istess bajd tal-Għid. Tista’ tgħid li llum il-bajd tal-Għid huwa parti integrali miċ-ċelebrazzjonijiet tal-Għid il-Kbir. Imma minn fejn oriġinat din it-tradizzjoni tal-bajd taċ-ċikkulata? X’għandha x’taqsam mal-Irxoxt? 

Jekk illum il-bajd tal-Għid huwa sempliċiment ħelu tradizzjonali b’sorpriża fih, liema żvilupp huwa wieħed pjuttost riċenti, l-oriġini tiegħu huwa wieħed reliġjuż u jmur lura mijiet ta’ snin. Fil-Knisja tal-Lvant, sal-lum il-ġurnata, is-sinifikat tal-bajd tal-Għid huwa wieħed liturġiku.

Fil-fatt, sal-lum il-ġurnata l-Ortodossi u anke l-Kattoliċi tar-Rit Grieg jew Biżantin għadhom iqassmu l-bajd ta’ veru li jkun twebbes. Dan ġeneralment ikun impitter aħmar u ġieli jkun ukoll imżejjen b’diversi dekorazzjonijiet u anke ikoni. 

X’aktarx li din id-drawwa bdiet fil-Mesopotamja fost l-Insara bikrija. Il-Papàs, (saċerdot tar-Rit Biżantin), il-Professur Martin Zammit, spjega mal-gazzetta ILLUM kif il-bajda hija simbolu ta’ ħajja ġdida u tinżebagħ bil-kulur aħmar biex tissimbolizza d-demm ta’ Kristu. 

Imma jekk irridu, nistgħu saħansitra mmorru anke aktar lura fiż-żmien. Il-bajda, għar-Rumani, l-Eġizzjani, il-Persjani u qawwiet oħra minn dejjem kienet is-simbolu ta’ ħajja ġdida fir-rebbiegħa.

Li ġara huwa, li meta twieled il-Kristjaneżmu u beda jinxtered, l-Insara ma baqgħux jaraw fil-bajda simbolu ta’ twelid tan-natura fir-rebbiegħa, kif kienu jagħmlu l-pagani, imma saret is-simbolu tal-ħajja l-ġdida fi Kristu Rxoxt. Dan is-simboliżmu malajr inxtered fost l-Insara tal-Lvant. 

Fil-fatt, fi tmiem il-Liturġija tal-Għid, fil-knejjes Ortodossi u anke fil-Knejjes Kattoliċi li jiċċelebraw bir-Rit Biżantin, bħalma nsibu fi Triq l-Arċisqof fil-Belt Valletta, dan il-bajd iebes miżbugħ aħmar, imżejjen jew ikkulurit, jiġi mbierek u mqassam lill-kongregazzjoni.

F’xi postijiet, it-tradizzjoni hija li t-tfal jew żewġ persuni, jħabbtu dan l-istess bajd, biex ikissru l-qoxra u hekk ikunu qed jawguraw lil xulxin ħajja ġdida, ħajja li wara kollox offra Kristu bil-mewt u l-Qawmien tiegħu mill-mewt. F’xi kulturi, din it-tradizzjoni nbidlet ukoll f’logħba.

Għalhekk, fi kliem sempliċi, il-bajda kienet imxebbħa mal-qabar li minnu Kristu rxoxta. Ta’ min insemmu li Santu Wistin, Isqof u Duttur tal-Knisja, kien xebbaħ il-Qawmien ta’ Kristu mill-Imwiet mal-ħajja ġdida li toħroġ mill-bajda meta tfaqqas.

Ta’ min ifakkar ukoll li l-bajd kien wieħed minn dak l-ikel li l-Insara ta’ qabilna ma kinux jieklu tul ir-Randan kollu bħala parti mis-sawm u l-penitenza tagħhom. Dak iż-żmien, li jkollok it-tiġieġ kienet xi ħaġa komuni ħafna. It-tiġieġ kien jibqa’ jagħti l-bajd xorta waħda u allura dan kien jitwebbes biex jiġi ppreservat biex ikun jista’ jittiekel wara l-Għid. Allura bajd iebes kien ikollhom kemm trid. 

Maż-żmien żviluppaw ukoll il-bajd tal-injam li jkunu miżbugħa ħomor u ddekorati anke bi xbiehat qaddisa fuqhom. Dawn jitbierku u jinżammu wkoll fid-djar.

Tant kemm il-bajd tal-Għid huwa importanti fit-tradizzjoni Nisranija tal-pajjiżi tal-Lvant, li dawn saħansitra kienu u għadhom jingħataw bħala rigal. Ovvjament, is-sinjuri ma kinux jagħtu bajd iebes imma bajd magħmul bid-deheb u l-ħaġar prezzuż. L-aktar famużi huma dawk li kien jaħdem Peter Carl Faberge. Ta’ min isemmi l-bajda prezzjuża li Czar Russu kien ta lil martu fl-1883 

Meta l-ILLUM kienet intervistat lill-Papàs Zammit, dan kien fakkar fi tradizzjoni antika fejn il-Maltin kienu jmorru għand il-Papàs biex jieħdu dan il-bajd imbierek u jpoġġuh wara xi vettrina jew inkella fit-twieqi biex jipproteġuhom kontra s-sajjetti.

Ma’ dan il-bajd hemm ukoll diversi tradizzjonijiet li nibtu f’pajjiżi differenti. Anke jekk illum dawn it-tradizzjonijiet huma sekulari għal kollox, l-oriġini tagħhom jibqa’ dejjem marbut ma’ dan is-sinifikat reliġjuż. Insemmu pereżempju t-tradizzjoni tal-Easter Egg Roll, famuża fl-Istati Uniti imma anke f’xi pajjiżi Ewropej, fosthom fl-Iskozja.

Illum hija sempliċiment logħba, fejn it-tfal jiġru jew jagħmlu tellieqa b’dan il-bajd jitrembel. Oriġinarjament, din il-bajda titrembel, kienet tixxebbaħ mal-ġebla li tpoġġiet fid-daħla tal-qabar ta’ Kristu u li tremblet lil hinn mid-daħla fil-ħin tal-Qawmien tiegħu mill-mewt. 

Bħal dejjem, meta jkollok tradizzjoni antika bħal din, magħha dejjem ikun hemm marbuta xi leġġenda u waħda minn dawn hemm f’nofsha Marija Madalena. 

Skont it-tradizzjoni, popolari l-aktar fil-pajjiżi tal-Lvant, Marija Madalena kienet sabet ruħha quddiem l-Imperatur Tiberius f’Ruma u bdiet tipprova tikkonvinċih li Ġesù qam mill-mewt u li Pilatu kkundanna għall-mewt raġel innoċenti. Biex tfisser aħjar il-messaġġ tagħha ħadet magħha bajda.

Il-leġġenda tgħid li l-Imperatur beda jwaqqagħha għaċ-ċajt u qaliha li Ġesù huwa ħaj daqskemm kienet ħamra l-bajda li kellha f’idha. Sakemm kien għadu jitkellem, il-bajda li Marija Madalena kellha f’idha, saret ħamra. Meta ra dan, l-Imperatur emminha u kien neħħa lil Pilatu minn Ġerusalemm. 

Imma għaliex il-Madalana ħadet bajda quddiem l-Imperatur? Dan għax leġġenda oħra tgħid li meta Marija Madalena marret  ma’ Marija omm Ġesù u xi nisa oħra biex jidilku l-ġisem ta’ Ġesù bil-fwejjaħ, ħadet magħha qoffa bajd biex jikluhom sakemm jistennew lil min jiftaħ il-qabar. Madanakollu, meta waslu u sabu l-qabar miftuħ, hi baqgħet dieħla u l-leġġenda tgħid li l-bajd li kellha fil-qoffa saru ħomor. 

Sal-lum il-ġurnata għadek issib ikoni li fihom Marija Madalena tidher b’bajda ħamra f’idha. 

Lilhinn mit-tradizzjonijiet, il-bajda tibqa’ tradizzjoni u simbolu ċentrali tal-Għid il-Kbir. Anke jekk illum it-tfal iridu biss iċ-ċikkulata u s-sorpriża li din tkun fiha, jibqa’ l-fatt li bħalma s-sorpriża fil-bajda tal-Għid tmur lilhinn miċ-ċikkulata li tostorha, hekk ukoll is-sinifikat tal-bajda jmur lilhinn minn sempliċiment rigal li t-tfal ikunu qed jistennew kull sena.

More in Socjali