Għaliex il-Kulti perikolużi? L-Ossessjoni bl-Omosesswalità

Imma għaliex donnhom ir-River of Love ossessjonati bil-kwistjoni tal-omosesswali? Vera li nies kapaċi ma jibqgħux omosesswali u jsiru eterosesswali grazzi għall-interventi ta' dawn is-setet? U kemm il-Pastor spiċċaw f'nofs skandli sesswali kbar?  Ix-xjenzat David Pace ikompli janalizza...

Aspett ieħor perikoluż ta’ setet bħar-River of Love u kulti oħrajn li fost il-kullana ta’ allegati mirakli li jagħmlu l-mexxejja tagħhom hemm dik li jgħidu li jbiddlu l-orjentazzjoni sesswali ta' individwu.

Il-Pastur Manche jidher li hu espert mhux ħażin ta’ dan il-“miraklu” u xi snin ilu, s-segwaċi tiegħu kienu prattikament jirrikklamaw li huwa kapaċi jbiddel l-omosesswali f’eterosesswali. 

L-attivita’ tal-konverżjoni tal-omosesswali (li llum saret illegali) hija fundamentali għal setet bħar-River of Love għaliex jappartjenu għall-grupp ta’ setet Evanġeliċi Amerikani (il-post fejn b’xi miraklu edukattiv, Gordon-John Manche minn żeffien sar tabib u pastur f’daqqa għalhekk dejjem jippreżenta ruħu bħala Dr. Gordon-John Manche fuq il-websajt tiegħu u fil-pubbliku) li esportaw ħafna mill-omofobija tagħhom lejn pajjiżi Afrikani bħall-Uganda, Kenja, Niġerja u ż-Żimbabwe fejn l-omosesswalita’ diġà kienet ippersegwita ferm u ħafna jispiċċaw saħansitra maqtulin. Fil-fatt, Manche u s-setta tiegħu kemm-il darba telgħu l-Uganda biex ikomplu għaddejjin bix-xogħol pastorali hemmhekk. 

L-istorja tal-Pastur (jew Impustur) tmur lura lejn is-sena 2011 meta ħarġet l-aħbar li hu u dixxipli tiegħu kienu qed “jagħmlu l-mirakli” li bihom jisħqu li dawru l-orjentazzjoni ta’ tlett irġiel u ġabuhom eterosesswali. Ir-rapport tal-battibekki li qamu bejn is-setta tiegħu u dawk l-għaqdiet li jipproteġu d-drittijiet tal-omosesswali bħall-MGRM u Drachma ġew rapportati f’diversi gazzetti; u fil-fatt l-Alleanza tal-Knejjes Evanġeliċi kellha tagħmel apoloġija. Kelliema tal-MGRM ikkummentat fuq il-ħsara li kienet qiegħda ssir lil dawn l-individwi li jaħsbu li l-omosesswalità hija xi marda fiżika jew psikoloġika. Infatti, l-istess grupp semma’ diversi każijiet fejn il-ġenituri jieħdu t-tfal għand il-psikologi li jgħidulhom li mhiex marda u jispiċċaw jieħduhom għat-terapija tal-konverżjoni għax jemmnu li jistgħu jiġu “mfejqa” minn Ġesu Kristu. 

Il-perikli tat-terapija tal-konverżjoni 

Qabel ma nsemmu t-terapija nnifisha, ma’ nistgħux ma’ nsemmux il-preġudizju mis-soċjetà u mill-familja u l-effetti tagħhom fuq nies LGBTIQ, l-aktar iż-żagħżagħ, speċjament dawk ġejjin minn familji tradizzjonali u reliġjużi. Kull biċċa riċerka minn Universitajiet u organizzazzjonijiet mediċi u psikjatriċi li saret, jikxfu l-effetti ħżiena ta’ din it-terapija, u dawn kollha kkundannaw din it-tip ta’ terapija.  

Riċerka dwar l-effett tal-preġudizzju mis-soċjetà u l-effett mediku u psikoloġiku tagħha li sar mill-Università tal-Istat ta’ San Francisco wera' li żgħażagħ LGBTIQ li ġew skartati u emarġinati mill-familji tagħhom, għandhom: 

  • Aktar minn tmien darbiet ċans li jikkomettu suwiċidju 

  • Aktar minn sitt darbiet ċans li jbatu minn dipressjoni qawwija 

  • Aktar minn tliet darbiet ċans li jieħdu d-drogi 

  • Aktar minn tliet darbiet f'riskju li jaqbadhom l-HIV jew mard sesswali ieħor 

Diversi għaqdiet importanti Amerikani (u qed nikkwota lilhom għaliex f’dal-pajjiż, l-aktar li hemm reliġjonijiet Evanġeliċi Fundamentalisti u għalhekk l-aktar fejn saret riċerka dwar l-effett tat-terapija tal-konverzjoni ta’ LGBTQ) inkluż l-American Academy of Child Adolescent Psychiatry, l-American Academy of Pediatrics, l-American College of Physicians, l-American Counselling Association, l-American Association for Marriage and Family Therapy, l-American Medical Association, l-American Psychiatric Association, l-American Psychoanalytic Association, in-National Association of Social Workers u tant oħrajn kollha ħarġu kontra din it-tip ta’ terapija. 

Huma jikkonkludu dan dwar din it-terapija: 

American Academy of Child Adolescent Psychiatry (AACAP) 

“Jekk nieħdu l-evidenza xjentifika, l-AACAP tqis terapija tal-konverżjoni u intervenzjonijiet oħra imponuti fuq persuna biex iġiegħluha tassumi orjentazzjoni sesswali li mhijiex komda biha m’għandhomx bażi xjentifika u medikament ma’ jaħdmux. Anzi, l-evidenza li għandna hija li dawn l-interventi jagħmlu l-ħsara."  

American Academy of Pediatrics (AAP) 

“Li ż-żagħżagħ adoloxxenti jkunu konfużi dwar l-orjentazzjoni sesswali tagħhom mhijiex xi ħaġa rari. Il-counselling jista’ jgħin f’dawk il-każijiet li għandhom dubji jew diffikultajiet dwar is-sesswalità tagħhom. It-terapija mogħtija apposta biex tbiddel l-orjentazzjoni tagħhom mhijiex indikata u tista’ tqanqal dubju u ansjetà kbira, fosthom li mhi se tagħmel xejn biex tbiddel l-orjentazzjoni sesswali tagħhom.” 

American College of Physicians (ACP) 

“Il-kulleġġ jopponi l-użu ta’ kull terapija ta’ konverzjoni, re-orjentazzjoni jew riparativa fit-trattament ta’ persuni LGBTQ.” 

American Counseling Association (ACA) 

“L-idea li l-attrazzjoni lejn l-istess sess hija abnormali u għandha bżonn it-terapija tmur kontra il-pożizzjoni tal-organizzazzjonijiet dwar is-saħħa mentali nkluża l-ACA.” 

American Medical Association (AMA) 

“L-AMA topponi l-użu ta’ terapija tal-konverzjoni jew riparativa li huma bbażati fuq l-idea li l-omosesswalità hija xi forma ta’ diżordni mentali jew li pazjent jista’ jbiddel l-orjentazzjoni sesswali tiegħu jew tagħha.”  

American Psychiatric Association (APA) 

“Fl-1997, l-APA ħarġet fuljett dwar l-omosesswalità u l-bisesswalità u fiha kitbet li ma teżisti l-ebda evidenza xjentifika ppubblikata li tagħti sapport li t-terapija riparattiva bħala trattament li tista’ tbiddel l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna. 

Ir-riskji potenzjali ta’ din it-terapija huma kbar u jinkludu dipressjoni, ansjetà u mġieba li biha persuna tista’ tweġġa' lilha nnifsha, l-aktar għaliex jekk it-terapista jaċċetta l-preġudizzju soċjali kontra l-omosesswalità jista’ jinforza l-mibgħeda li pazjent/a diġà jkollha kontriha minħabba l-istigma. Ħafna pazjenti li jgħaddu min din it-terapija jirrakkontaw kif qalulhom li l-omosesswali huma nies mdejqin li qatt mhuma se jiġu aċċettati mis-soċjeta u jgħixu ħajja feliċi. Ma’ jgħidulhomx li persuna omosesswali tista’ tkun ferħana u tidħol f’relazzjonijiet ta' imħabba onesta, allura jibqgħu jinforzaw dawn l-għidut mingħajr ma’ jieħdu f’kunsiderazzjoni l-effett ta’ l-istigma soċjali.” 

Din il-link: https://freemarry.3cdn.net/748b9ed377ee5fedaf_kgm6b5upb.pdf tinkludi ferm aktar proġetti ta’ riċerka xjentifika dwar il-konverżjoni tal-omosesswali u dawn inkludejthom biex ħadd ma’ jgħid li ma offrejtx evidenza xjentifika dwar din it-terapija, in-nuqqas ta' effettività tagħha u l-ħsara kbira medika, psikoloġika u soċjali li tista’ tikkawża lil persuni omosesswali. 

Nuqqas ta’ Etika? 

Il-mara tal-Pastur Manche, Mariella Esther Manche hija mniżżla bħala Reverendu Pastur fuq il-websajt tas-setta River of Love. Mariella nee Blackman hija psikologa b’dawn il-kwalifiċi BA (Hons), MSc Psych(Lond.), BPSS u għamlet żmien tidher fuq it-televixin f’diversi programmi tagħti l-pariri. Għalhekk huwa tassew inkwetanti li kien ġie allegat li hi tieħu ħsieb dawk l-aspetti tas-setta li għandhom x’jaqsmu ma’ problemi psikoloġiċi u sesswali.  Fit-Times tal-21 ta’ Ġunju 2015 ħarġet storja minn persuna omosesswali li kienet tattendi l-laqgħat tas-setta li stqarret li kienu qalulha li l-orjentazzjoni tagħha kienet “diżgustanti” u jista’ jiġi mfejjaq minn psikologa li għandha rabtiet mar-River of Love.  

L-istess persuna rrakkontat kif Blackman - li dak iż-żmien kienet psikologa popolari televiża u l-mara tal-evanġelist kontroversjali Gordon Manche - bdiet tagħtih trattament għall-omosesswalità. Blackman kienet ċaħdet l-allegazzjonijiet li wettqet din it-terapija wara li r-raġel tagħha kien organizza “Konverzjoni tal-Fidi” bl-isem ta’ Gay No More fl-2011, li ġibdet l-għadab tal-komunita’ omosesswali. Minbarra dan, il-persuna qalet ukoll li l-Pastur kien wettaq ritwal fuqu simili għal skonġrament biex joħorġlu x-xitan; u dan isaħħaħ t-twemmin li għandhom ħafna membri ta’ setet bħar-River of Love li min hu omosesswali hu mxajtan.  

Li s-setta kienet twettaq dawn il-konverzjonijiet huwa fatt minkejja li Manche dan ċaħdu, iżda l-fatt li hemm psikologa kwalifikata f’dan il-grupp li żgur li taf bl-istudji kbar kollha li jeżistu dwar kemm il-konverzjoni ma’ taħdimx hija traġedja kbira kemm jekk kellha jew ma’ kelliex x’taqsam ma’ din it-terapija.  

Fortunatament, din it-tip ta’ terapija issa saret illegali u għalhekk il-mistoqsijiet li jmiss huma: Setet u Kulti Evanġeliċi u omofobiċi li hawn numru minnhom f’Malta għadhom iwettquhom? Jekk għadhom isiru minn taħt x’qed jagħmel il-Gvern biex jikkontrollahom? U jekk isseħħ xi traġedja bħad-delitt li wettaq Abner Aquilina u joħroġ li kien influwenzat minn setta, x’jiġri? 

Irridu niftakru li dawn is-setet fundamentalisti u konservattivi jkollhom fisazzjonijiet fuq is-sesswalità u fuq ix-xitan. F’filmat, il-Pastur Manche tkellem kontra l-liġi tal-ugwaljanza tas-sessi u qal li biha se jiżdiedu l-perverżjonijiet sesswali. Dan kien il-kliem eżatt li qal fuq lis-stazzjon Smash: “U l-boy,  skużi l-espressjoni, mhux ħa nidgħi, imma ħa jkolli ngħidha, jekk id-duda tiċċaqlaqlu, jista’ joqgħod imissha biex forsi titlalu, jekk il-girl tħoss xi ħaġa, il-girl tista’ toqgħod tmiss lilha nnifisha u jekk ħaddieħor imissha, dak allura naturali.”  

Jiġifieri Manche qed jgħid li l-esperimentazzjoni bil-ġenitali  li t-tfal jibdew jagħmluha mindu jkun trabi tista’ iġiegħelhom jitilgħu promiskużi u lesti jħallu lil ħaddieħor imisshom?  

Raġunar bażwi, medjevali u mingħajr bażi li juri nuqqas serju ta’ għarfien xjentifiku fuq kif jikbru u jitgħallmu t-tfal minkejja li hu jħobb juża t-titlu ta’ tabib u għandu konsulenta psikoloġika miegħu fis-setta.  

Dan għaliex anke meta jkunu trabi, it-tfal jilgħabu bil-ġenitali tagħhom u jitħarrkulhom, u aktar tard jibda' jkollhom l-emissjonijiet li juri li l-ġisem stess irid ibattal lis-sperma awtomatikament. Allura skond Manche, dan dnub ukoll u l-masturbazzjoni tista’ twassal għall-perveżjonijiet? 

Jew dawn huma stadji naturali li jridu jgħaddu minnhom it-tfal u fl-istess ħin jitgħallmu dwar ġisimhom u meta jitfarfru jkun ferm aktar faċli li l-ġenituri jgħallmuhom dwar l-edukazzjoni sesswali biex jilqgħu l-isfidi tas-soċjetà? 

Bil-maqlub ta’ min ikun ripress sesswalment li jista’ saħansitra jiżviluppa problemi psikoloġiċi li jissarrfu f’pedofilija, assalt u attività sesswali mingħajr protezzjoni li taf tissarraf fi tqala, immolestar jew it-tixrid ta’ mard qerried transmess sesswalment.  

Din hija r-raġuni għaliex tant mexxejja Kristjani Evanġeliċi konservattivi jispiċċaw mixlija b’reati u abbużi sesswali wara li qattgħu ħajjithom jippriedtkaw kontra l-omosesswalità u l-feminiżmu.  

Mexxejja Evanġeliċi li spiċċaw akkużati... 

Għalhekk tajjeb insemmu wħud minn dawn l-invidwi “imqaddsa” u nara x’għamlu:  

  • Ted Haggard
    Ted Haggard

    Ted Haggard – Pastur Evanġeliku magħruf għall-prietki ħorox kontra s-sess qabel iż-żwieġ, l-adulterju u ż-żwieġ bejn l-omosesswali sakemm fl-2006 inqabad f’skandlu omosesswali meta kixfu prostitut bl-isem ta’ Mike Jones u qal li kien ilu jmur għand Haggard is-snin u sa kien jieħu l-crystal meth (droga) quddiemu1.  

  • Bill Gothard
    Bill Gothard

    Bill Gothard – il-Pastur ta’ kapitlu Evanġeliku li kien jgħallem lin-nies mid-dar magħruf bħala The Gothard Institute of Life Principles. Hu kien jippromovi s-sottomissjoni tan-nisa għall-irġiel u jġielgħhom jilbsu b’mod konservattiv. Hu kien qrib ħafna diversi politiċi Repubblikani, iżda fl-2014, aktar minn 30 mara akkużawh b’assalt sesswali u wħud minnhom kienu taħt l-età u qalu li misshom u anke mmolestahom sesswalment. Gothard kellu jirreżenja mill-kapitlu li waqqaf. 

  • Tony Alamo
    Tony Alamo

    Tony Alamo – ħa l-fama fis-sebgħinijiet bil-prietki fundamentalisti Kristjani tiegħu, iżda tilifha meta mititlu l-mara, ibbalzmaha u qal li se tqum mill-mewt. M'hemmx xi ngħidu, dan ma seħħx u fl-2009, Alamo weħel mal-179 sena ħabs għall-abbuż sesswali, it-trasport u prostituzzjoni ta’ tfajliet taħt l-età, pedofilija, assalt u żwieġ ma’ tifla ta’ 8 snin. Hu ħalef li dan kollu kien frame-up mill-Vatikan! 

  • Bob Coy
    Bob Coy

    Bob Coy -  l-aktar Pastur Evanġeliku famuż fi Florida li kellu 25 000 dixxiplu u tant kien influwenti li darba żaru il-President George W. Bush. Il-fama tiegħu għebet meta fl-2014 instab li kkommetta adulterju ma’ diversi nisa u kien iffissat fuq il-pornografija.  Kellu jirreżenja, iżda fl-2017 tfaċċa każ ieħor ta’ pedofilija ma’ tifel—każ li għadu għaddej. 

  • Fred Phelps
    Fred Phelps

    Fred Phelps -  il-fundatur tal-Knisja Battista ta’ Westboro, kapitlu fundamentalist li kien magħruf għall-omofobija esaġerata tant li waħda mill-attivitajiet favoriti kienet li tipprotesta u tħarbat funerali ta’ nies omosesswali u attivitajiet tal-Gay Pride.  Jingħad li l-frażi favorita tiegħu kienet God hates fags! (Alla jobgħod l-omosesswali). Minħabba f’hekk hu u l-Knisja tiegħu spiċċaw ittimbrati bħala grupp tal-mibgħeda (hate group). Fl-1995, Phelps weħilha fuq każijiet ta’ assalt u swat, u fl-2013 spiċċa skumnikat u mkeċċi mill-Knisja li waqqaf hu stess.  

  • Doug Phillips – Dan kien il-President tal-grupp estrem lemini Kristjan imsejjaħ il-Visit Forum Ministries. Kien ħabib ta’ ħafna politiċi Konservattivi Amerikani u bħala pastur kien jgħoxa jipprietka li n-nisa dejjem għandhom ikunu totalment sottomessi għall-irġiel, m’għandhomx jiżżewġu lil min iridu u jrid ikollhom tfal kemm jistgħu. Fl-2013, Phillips kellu jirreżenja meta safa' akkużat pubblikament li kien abbuża u attakka sesswalment tfajla li meta ltaqa’ magħha kellha biss 15-il sena.  Hu dan ammettieħ u kellu jirreżenja mill-grupp.  

Ma’ dawn nistgħu nżidu lil Jim Bakker, Jimmy Swaggart, Dave Reynolds, Mike Hintz u Joshua Duggar-- kollha ġejjin mill-Istati Uniti għaliex it-tip ta’ setta Evanġelika fundamentalista estrema li jmexxi Manche oriġinat minn hemm u saħansitra hu laħaq Pastur hemmhekk, imbagħad ġie Malta biex iwaqqaf is-setta tiegħu, River of Love.

More in Socjali