Intervista | ‘Kellha tkun traġedja makabra li qajmet kuxjenza kontra l-fastidju f’dan il-pajjiż’

Minn ġerħa friska għas-soċjetà, il-qtil makabru ta’ Paulina Dembska, għal temi kontroversjali bħal feminiżmu. Il-gazzetta ILLUM titkellem mad-direttur tal-Women’s Rights Foundation, Lara Dimitrijevic 

X’għandhom komuni Eva, Medusa, u Paulina Dembska? Kollha vittmi tal-misoġinija! L-istmerrija, anzi l-mibgħeda jew preġudizzju kontra n-nisa. Anke jekk il-pulizija joħorġu stqarrijiet jgħidu li l-qtil ta’ Paulina Dembska ma kienx femiċidju, lil hinn mill-argumenti li nqalgħu bejn il-poplu u lil hinn dawn l-istqarrijiet, Paulina tibqa’ vittma tal-misoġinija. Għax malli faqqgħet l-aħbar dlonk qabeż Ċikku jistaqsi għaliex kienet weħidha barra fil-5:00.a.m u wara qabeż Ġamri jistaqsi x’kienet liebsa. 

Intant mal-ILLUM iddiskutiet dan Lara Dimitrijevic, il-moħħ wara l-Women’s Rights Foundation. Il-fondazzjoni volontarja li tinforma, teduka u tagħti s-setgħa lin-nisa dwar id-drittijiet legali tagħhom.  

Lura għal ta’ Paulina, Dimitrijevic kienet fost il-kelliema fid-demostrazzjoni ‘Għejejt u Xbajt’, li seħħet nhar is-Sibt, 22 ta’ Jannar, quddiem il-Kwartieri Ġenerali. Flimkien ma’ 11-il organizzazzjoni oħra, biex jesprimu r-rabja u l-frustrazzjoni tagħhom lejn l-istqarrija tal-Pulizija li “li l-qtil ta’ Paulina Dembska m’għandux għeruqu fil-ġeneru tal-persuna.”  Mela allura għaliex il-Women’s Rights Foundation jibqgħu jinsistu li hu femiċidju? 

‘Li kieku persuna qabad jispara bl-adoċċ u qatel mara, ma kienx ikun femiċidju’ 

Mal-gazzetta ILLUM, Lara Dimitrijevic tispjega li t-tweġiba ta’ mistoqsija bħal dik tista’ tingħata biss jekk nifhmu d-differenza bejn omiċidju u femiċidju. Filwaqt li għas-saħħa tal-argument ninsew dak li ġara qabel fil-passat tal-akkużat Abner Aquilina, u nħarsu lejn il-qtil tagħha biss, il-fatt li ġiet stuprata u maqtula diġà jikkostitwixxi għal femiċidju għal Dimitrijevic. 

Tispjega wkoll illi kieku persuna qabdet pistola u sparat bl-addoċċ qalb folla ta’ nies, kemm irġiel u nisa, iżda qatlet biss mara, ma kienx se jkun femiċidju. Kuntrarju għal dan il-qtil, Aquilina allegatament stupra u qatel persuna abbażi tal-ġeneru. 

Għal Lara Dimitrijevic, li ġara fil-passat tal-aggressur anke jekk kien jipprostitwixxi ruħu bħala sostenn għal vizzju tiegħu, m’għandux itellef mill-fatt li l-qtil ta’ Paulina jibqa’ femiċidju. 

‘Isemmu l-edukazzjoni u moħħna jmur għall-iskejjel, imma dak għalija mhux biżżejjed’ 

L-ILLUM tfakkar lil Dimitrijevic fil-protesta tas-Sibt, meta nġabru quddiem il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija u saħqu li hemm bżonn iktar edukazzjoni. X’inhi din l-edukazzjoni li jridu dawn l-organizzazzjonijiet? Mela m’hawnx biżżejjed għarfien? U allura għaliex ma marrux jipprotestaw quddiem il-Ministeru tal-Edukazzjoni wkoll? 

Dimitrijevic twieġeb li l-ewwel ħaġa li tiġi f’moħħna meta nsemmu l-edukazzjoni, hi l-iskola, iżda l-edukazzjoni fl-iskejjel biss mhux biżżejjed f’dan ir-rigward. B’dan f’moħħna, Lara Dimitrijevic xorta telenka modi differenti kif l-għarfien dwar l-ugwaljanza jista’ jiġi introdott anke f’suġġetti bħal matematika.  

“Jekk tibda ta’ età żgħira, tgħallimhom kif iħaddnu l-ugwaljanza u rispett lejn il-ġeneri b’mod ġenerali, tkun diġà bdejt tnibbet fit-tfal, il-kunċett ta’ differenza bejn il-ġeneri,” issostni.  

Iċ-ċavetta għandha tgħinna nittrattaw il-problema mill-għeruq, u għal Dimitrijevic dan iseħħ biss jekk b’mod konsistenti u impjenjattiv ngħallmu lis-soċjetà minn età żgħira imma wkoll lill-adulti ta’ età ikbar, imma x’se tkun dik iċ-ċavetta? 

Dan jista’ jseħħ jekk il-komunità tkun involuta f’djalogu, fuq livell politiku, livell edukattiv u ġenerali kif ukoll fil-postijiet li tant Maltin jiffrekwentaw. Mill-każin tal-banda għall-każin politiku, mill-festa għall-Kunsill Lokali, id-diskussjoni hija dik iċ-ċavetta. 

Skont Dimitrijevic, għalkemm l-għarfien kien biżżejjed biex ninfurmaw lill-vittma li l-għajnuna qegħda tistenniha, il-prevenzjoni xorta għadha ma ġietx indirizzata. 

Jekk mara tiġi stuprata nistaqsuha mitt mistoqsija, jekk raġel jiġi stuprat ngħidulu bikkej u li missu ħa gost ... għaliex? 

Ġaladarba persuna tiftaħ qalba fuq esperjenza kerha bħal stupru, dejjem issib lil xi ħadd jiġġudika. Jekk tkun mara li titkellem, nistaqsuha x’kienet liebsa, f’liema ħin ħarġet u mitt mistoqsija oħra. Malli t-tweġibha ma ddoqilniex għal widnejna dlonk ngħidulha “ehh mela kont qed tistedinha!” Min-naħa l-oħra, jekk raġel jitkellem, issib xi ħadd u jgħidlu “min jaf kemm ħadt gost!” Allura din l-edukazzjoni li semmiet Lara Dimitrijevic, se tgħin biex dawn il-kummenti bla sens jinqatgħu? 

Hija tgħid li dan għandu jkun wieħed mill-għanijiet primarji, dak li nnaqsu l-isterjotipar. Ladarba dak il-preġudizzju jonqos, jaf ikollna wkoll inqas każijiet ta’ vjolenza domestika għax bħal ma raġel jieqaf jibża’ jammetti li għandu problema, jieqaf ukoll jneħħi l-frustrazzjoni tiegħu fuq martu, oħtu jew ommu. 

‘Omiċidju huwa piena ta’ għomor il-ħabs, mela iva ejja ndaħħlu l-femiċidju fil-kodiċi kriminali’ 

Il-gazzetta ILLUM staqsiet lil Dimitrijevic, li hija avukata wkoll, dwar jekk taħsibx li l-femiċidju għandu jkun terminu leġislattiv ukoll. Fil-pront wieġbet ‘iva.’ 

Fil-fatt hija żżid tgħid, “nemmen li għandna bżonn nindirizzawh  għax tkun diġà qed twassal messaġġ ċar u tond li dan huwa tip ta’ qtil, atteġjament, vjolenza li mhux aċċetata fis-soċjetà tagħna.” 

Fakkret li f’Malta diġà għadna ċertu dispożizzjonijiet fil-liġi fejn ċertu reati abbażi tal-ġeneru huma ta’ motivazzjoni sabiex tiżdied il-piena tal-akkużat. Intant, bħal ma nafu li l-omiżidju huwa piena ta’ għomor fil-ħabs, “għandna nibdew nirikonoxxu qtil kawża ta’ misoġinija awtomatikament bħala femiċidju.” 

Propju dwar dan, ilbieraħ il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li l-kunċett ta' Femiċidju se jkun introdott fil-Kodiċi Kriminali ta' Malta

Sa issa Malta ma kellix it-terminoloġija ta' 'femiċidju' fil-Kodiċi Kriminali iżda xorta kellek sentenzi li jistgħu jiġu aggravati abbażi tal-ġeneru bħala motivazzjoni.

‘Anke nisa magħrufin fis-soċjetà ... xorta għaddew minn vjolenza domestika’ 

Kif semmiet diġà l-gazzetta meta analizzat l-istudju ta’ FEM-UNITED, il-vjolenza domestika hija waħda mill-aktar kaġuni ta’ femiċidji f’Malta. Filwaqt li Dimitrijevic tagħmel distinzjoni bejn tipi ta’ vjolenza domestika, hija tgħid li ġeneralment dejjem ikun hemm ċertu forma ta’ kontroll. 

Mill-esperjenza tagħha ta’ madwar 15-il sena, l-avukata tispjega kif vjolenza domestika tinkludi fiha kull tip ta’ abbuż li jseħħ bejn persuni li jgħixu taħt l-istess saqaf. B’dan f’moħħna, Dimitrijevic tgħid li l-iktar vjolenza domestika komuni hi dik li ssir bejn persuni f’relazzjoni intima. Pero’ kif tinduna li qegħda f’relazzjoni tossika? X’inhuma dawk il-famużi ‘red flags’ li trid toqgħod attenta għalihom? 

Tirrakonta kif minħabba n-natura tax-xogħol tagħha, hija tiltaqa’ ma diversi vittmi ta’ vjolenza u fil-maġġorparti tal-każi jkunu konxji diġà li qegħdin f’relazzjoni tossika, imma ma tkunx faċli għalihom biex jammettu li għaddejin mill-abbuż. 

Ġeneralment f’każijiet bħal dawn ikollok sens ta’ kontroll mill-aggressur fuq il-vittma, u għalhekk ta’ madwarha jibdew jindunaw li qed tiġi iktar iżolata. Wara sensiela ta’ abbużi, l-vittma titkisser emozzjonalment u b’psikoloġikament.  Tibda’ wkoll temmen li mhux kapaċi għal xejn, għax kemm se ddum tisma’, “m’intix kapaċi trabbi l-itfal”, “ma tafx isajjar” jew “ja qaħba”?  

Dimitrijevic tispeċifika li m’hemmx livelli ta’ edukazzjoni, klassi soċjali jew suċċess, għax jekk persuna tiġi abbużata xorta tiġi kkundizzjonata. 

“Fl-esperjenza tiegħi, anke nisa ta’ livell edukattiv, nisa naqra iktar emanċipati, nisa ta’ professjoni u anke oħrajn magħrufin fis-soċjetà, kienu vittmi ta’ vjolenza. Dak it-tip li tgħid “illami dik il-mara naf min hi!” u jkunu xorta għaddew min din l-esperjenza.” 

Hija tgħid li taċċetta li mhux faċli tammetti, iżda malli tibda’ tirrikonoxxi, hemm għajnuna li persuna tista’ tirrikorri għaliha. “Bħala fondazzjoni aħna nemmnu li għandek tkun taf id-drittijiet tiegħek biex tkun kapaċi tagħmel l-għażla l-aħjar għalik,” itenn Dimitrijevic. 

L-każijiet irrapurtati jiżdiedu wara l-mewt ta’ Paulina, iżda mhux biss ... 

Tajjeb ngħidu li l-fondazzjoni waqfet helpline fl-ewwel lockdown tal-Covid-19 f’pajjiżna, sabiex persuni imsakkra f’darhom mal-aggressur jirċievu l-għajnuna. 

Mistoqsija jekk inħassitx żieda fit-telefonati u l-każi fi żmien il-pandemija, Dimitrijevic twieġeb ‘iva.’ Mistoqsija mill-ILLUM jekk rawx żieda minn wara l-mewt ta’ Paulina, Dimitrijevic tinnota li kien hemm iktar telefonati jirraportaw forom differenti ta’ vjolenza abbażi ta’ ġeneru, iżda dan ma jfissirx li l-każi nnifishom raw żieda wkoll.  

Eżempju jekk wieħed jikkunsidra l-istupru, anke jekk ma kienx hemm żieda fil-każi, kien hemm żieda fit-telefonati minn persuni li jitkellmu dwar l-esperjenzi tagħhom jew jistaqsu jekk għadhomx fiċ-ċans li jtellgħu l-aggressur tagħhom il-Qorti. Kien hemm ukoll żieda f’telefonati li jirrapurtaw ‘stalking’.  

“F’moħħi jiġi l-każ ta’ żewġ tfajliet li għadhom l-università. Irġiel isegwuhom fuq il-venda tal-linja, jimxu warajhom u anke jibgħatulhom messaġġi imma l-identità tagħhom ma jafuhiex,” tgħid Lara Dimitrijevic. 

Hija temmen ukoll illi dak li ħareġ fuq Abner Aquilina u anke dak li kien qed jagħmel meta kien qed jibgħat dawn il-messaġġi ta’ fastidju ġabu lin-nisa iktar konxji li m’hemm l-ebda ċirkostanza fejn għandek tippermetti l-fastidju. 

“Sfortunatament kellha tkun din it-traġedja makabra u xokkanti biex tqum il-kuxjenza fil-pajjiż” 

Għaliex meta mara taqbeż għad-drittijiet tagħha, ngħidu li hi feminażi? 

Induru fuq il-feminiżmu, u t-terminoloġija ‘Feminażi’. Waqt li l-ILLUM kienet LIVE mill-Furjana, fl-istess protesta ta’ nhar is-Sibt, ma setgħux ma jiġux innotati l-kummenti negattivi kontra d-demostranti nisa, bil-kelma “feminażi” tiddomina c-chat.  

Il-gazzetta allura tistaqsi lil Dimitrijevic, minn fejn taħseb li ġejja l-konotazzjoni negattiva wara l-kelma ‘feminista.’ 

Hija tgħid li din il-misoġinija tmur lura sekli sħaħ. Isemmi l-ewwel il-mitoloġija griega, fejn mara dejjem kienet impittra bħala ‘inqas minn raġel’. Kellna wkoll lil Medusa, vittma tal-abbuż sesswali li baqgħet imfakkra bħala ‘l-mara l-ħażina li tbiddel l-irġiel f'ġebel.’ 

Fil-mitoloġija Griega, jingħad li Medusa ġiet stuprata minn Poseidon, l-Alla tal-baħar. Għaldaqstant, minflok jiffaċja l-konsegwenzi Poseidon, Medusa ġiet akkużata b'gideb u Athena, l-Alla tal-gwerra, saħritha b’xagħar magħmul mis-sriep, ġilda ħadranija filwaqt li kull min iħares lejha kien jinbidel f’ġebel. 

Tmur lura aktar, għal żmien Adam u Eva, fejn il-mara kienet impittra bħala l-provokattriċi li waqgħet lir-raġel fid-dnub. 

Kellek filosofi kbar li saħansitra aħna nistudjaw fl-iskola, bħal Tertullian, li kien jgħid li l-mara hi tempju mibnija fuq id-dranaġġ, li hija t-triq għal ħażen u li twaqqak fejn lanqas ix-xitan ma jażżarda jattakka. 

Nimxu għal meta l-mara bdiet tiġġieled għad-dritt tal-vot, fejn kellek min qal li malli n-nisa jkunu emaċipati u nagħtuhom id-dritt tal-vot, ħa jibdew isawtu lill-irġiel. 

Dawn huma s-sensiela ta’ misoġinija li jsemmu l-feministi! Allura faċli tifhem għaliex meta tasal għal moviment tas-60ijiet, rajna bidu għad-diskors kontra sabiex jipprova jitwaqqa’ l-kunċett ta’ feminiżmu.  “Li ma jindunawx hu li dan jirriżulta biss f’ nuqqas ta’ ugwaljanza.” 

More in Socjali