Jitlestew 90% tax-xogħlijiet fuq residenza ġdida għall-persuni b’diżabilità fil-Qrendi

Din ir-residenza mistenija tinfetaħ aktar tard din is-sena 

Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Kwalità tal-Ħajja u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli żaret l-aħħar fażi tax-xogħlijiet li qegħdin isiru fuq residenza ġdida għall-persuni b’diżabilità fil-Qrendi. S’issa tlestew 90% tax-xogħlijiet u r-residenza mistennija tinfetaħ aktar tard din is-sena taħt it-tmexxija ta’ Aġenzija Sapport.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Julia Farrugia Portelli semmiet li din ir-residenza fil-Qrendi saret b’investiment ta’ €1.35 miljun u se tilqa’ fiha disa’ persuni b’diżabilità. Spjegat li din hi residenza oħra mill-Proġett Soċjetà Ġusta u matul din is-sena biss se jkunu qed jinfetħu tlett idjar fil-komunità għall-persuni b’diżabilità.

Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li dawn id-djar se jkomplu joffru serħan il-moħħ lill-ġenituri ta’ tfal b’diżabilità li dejjem kellhom it-tħassib dwar x’se jiġri minn uliedhom meta jiġu neqsin huma. Din ir-residenza fil-Qrendi se tkun qiegħda tilqa’ sa disa’ persuni b’diżabilità biss ħalli dawn ikollhom ambjent li hu l-eqreb possibbli għal dak ta’ familja. Il-binja se tkun tikkonsisti fi tliet appartamenti, fejn kull appartament jospita tliet persuni b’diżabilità.

Bħala appartamenti, dawn se jkunu mgħammra bi tliet kmamar tas-sodda, kmamar tal-banju aċċessibbli, kċina u living area. Iżda fuq kollox, din il-binja se jkollha wkoll spazju għal taħriġ dwar għajxien indipendenti, fejn il-persuni b’diżabilità se jiġu mħarrġa dwar kif jistgħu jgħixu bl-aktar mod indipendenti, kif ukoll faċilitajiet multi-sensorjali.

Din il-binja se jkollha wkoll ġnien multi-sensorjali u bbq area. Il-faċilitajiet se jkunu kollha mgħammra b’faċilitajiet moderni u aċċessibbli, skont il-linji gwida maħruġa mill-Kummissjoni għall-Persuni b’Diżabilità.

Sal-lum, Aġenzija Sapport għandha disa’ residenzi f’Malta u residenza oħra f’Għawdex. Il-ħsieb hu li din is-sena tinfetaħ oħra fiż-Żurrieq u oħra f’Għawdex, filwaqt li għaddejja ħidma biex tinbena dar oħra f’Ħal Kirkop. L-għan ta’ dawn ir-residenzi hu li l-persuni b’diżabilità jgħixu f’residenzi żgħar fil-komunità ħalli jkollhom kwalità ta’ ħajja tajba u inklussiva fil-komunità.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport Ruth Rose Sciberras enfasizzat li grazzi għall-Proġett Soċjetà Ġusta n-numru ta’ residenzi qed jiżdied, u dan għall-benefiċċju ta’ persuni b’diżabilità li għal xi raġuni mhux possibbli għalihom li jibqgħu jgħixu fl-ambjent tal-familja. Is-Sinjura Sciberras tenniet li l-impenn tal-aġenzija ma jieqafx mal-binja u l-iżvilupp tad-dar, iżda li timxi wkoll pass pass mal-persuna, waqt li tibqa’ tinvolvi lill-familja f’kull stadju tas-servizz sabiex tagħti s-sostenn neċessarju u jittieħdu deċiżjonijiet flimkien.

More in Socjali