Intervista | ‘Dik il-ħaġa li rrid nitfa' rasi ġos-sink u bażikament ir-raġel iqaxxarli xagħri kienet kiefra’

Il-vjaġġ ta’ mara ta’ 40 sena li kellha tiġġieled il-kanċer darbtejn. Il-gazzetta ILLUM titkellem mal-Viċi President ta’ Europa Donna Rowena Enriquez, li minkejja l-battalja kurrenti tagħha kontra l-kanċer tas-sider, tibqa’ tgħin ukoll nisa oħra jiġġieldu tagħhom

Viċi President ta’ Europa Donna, organizzazzjoni li tagħti għajnuna lill-pazjenti tal-kanċer u l-familji tagħhom
Viċi President ta’ Europa Donna, organizzazzjoni li tagħti għajnuna lill-pazjenti tal-kanċer u l-familji tagħhom

Jekk nistaqsik x’jiġi moħħok meta insemmilek il-kanċer tas-sider ... x’tgħidli? Anzi ħa ngħidlek jien x’jiġi f’moħħok. Wiċċ abjad karti, par għajnejn mitfija ġo ħofra ta’ iswed baħħ, dwejjaq kbar, għejja u fuq kollox raġġi, kimoterapija, bandani, parokki u dak il-misħut roża.   

Fl-ebda mument ma jiġik f’moħħok daħka tiddi, karattmaru mill-isbaħ u vuċi anġelika li donna tibqa’ tidwi f’moħħok anke sigħat wara li twarrab minn ħdejha. Dan li kien hemm jistenna lill-gazzetta ILLUM fl-intervista li kellha ma’ Rowena Enriquez, il-Viċi President ta’ Europa Donna imma wkoll mara li qed tiġġieled il-battalja kontra l-kanċer tas-sider għat-tieni darba f’ħajjitha.  

L-ewwel darba li l-kanċer tfaċċa fid-destin ta’ Rowena ...  

F’jum għeluq snin ir-raġel tagħha, Rowena Enriquez ħasset boċċa. Ta’ 29 sena kien diġà kellha żewġ t’itfal u fil-familja ma kellhiex storja ta’ kanċer. 

Iż-żgħir ta’ Rowena, tifel ċkejken ta’ sitt snin kien ma jiflaħx u bit-tabib id-dar iddeċidiet li tistaqsih. Mal-ewwel bagħatha tagħmel ultrasound u mammogram. Ġurnata wara, jumejn biss qabel il-Milied tal-2009, Rowena skopriet li għandna kanċer tas-sider. Setgħet faċilment stenniet il-Milied jgħaddi bil-kwiet u imbagħad tkellmet wara, imma mn'Alla ma stennitx għax l-istorja setgħet kellha tmien ieħor. 

Fl-isptar privat li fih marret, iltaqgħet ma’ professur li insista li nisa ta’ eta żgħira daqs tagħha ma ssirilhomx mammogram. “Wara li spjegajtlu li t-tabib bagħtni b’emerġenza għamilli mammogram. Malli ra r-riżultat qalli li kieku kont jien noperak mil-lum għall-għada.” 

Iddeskriviet kif dak iż-żmien ma tantx kont tisma’ b’nisa ta’ età żgħira li jkollhom kanċer tas-sider u lanqas kienet titqajjem kuxjenza biex mara żgħira tistudja sidirha għal dak li jista jinqala’. 

“Meta kont nara xi programm fuq it-televiżjoni fejn jiġbru flus kont neqliblu għax kienet taqabadni ħlewwa ta’ qalb. Kont ngħid jien għadni żgħira ... mhux se jiġrili hekk.” 

Irrakkontat kf kienet tirfes fis-sala tal-onkoloġija, li dak iż-żmien kien fl-isptar Boffa, u tħossha qisa tarbija ħdejn il-pazjenti l-oħra. Tfajliet jew nisa żgħar bil-kanċer tas-sider ma jfissirx li ma kienx hawn, iżda ma kinitx xena normali dak iż-żmien lanqas.  

Hija kellha lumpectomy biss, fejn tneħħiet il-boċċa u numru ta’ lymph nodes. Wara sena ta’ trattamenti, kimoterapija u radjoterapija, hija rebħet il-battalja.  

11-il sena wara, f’nofs il-pandemija, il-kanċer reġa’ tfaċċa fl-istess post ... 

Rowena fehmet lill-gazzetta li hija baqgħet tieħu l-pirmli, b’pirmla minnhom tibqa’ toħodha għal 10 snin sħaħ. Baqgħet tagħmel ukoll numru ta’ mammograms u ultrasounds. Kien wieħed minn dawk il-mammograms li 11-il sena wara qabad kankru ieħor fl-istess post, din id-darba iktar aggressiv. “Ma kontx se nħossha jiena, għax fejn ikollok il-marka tal-ferita, ikun iebes” 

Rowena Enriquez, issa ta’ 40 sena kellha tagħmel mastektomija doppja, fejn sidirha kellu jitlaq kollu anke jekk bħala prekawzjoni. Għamlet l-operazzjoni proprju fil-jum dinji tas-saħħa tas-sider, fil-15 ta' Ottubru tal-2020. Ma kinitx operazzjoni faċli. 

“Din id-darba bdejt nitlob li niffranka l-kimoterapija imma kelli nerġa neħodha. Raġġi ma stajtx nerġa' neħodhom ghax raġġi fl-istess post darba biss tista tieħu f’ħajtek. Bdejt il-kimoterapija f’għeluq snini.” 

Xahar ieħor, lejliet għeluq sninha, Rowena tispiċċa t-trattament.  

‘L-ewwel darba ħadt xokk qawwi, speċjalment qalli irrid nibda chemo’ 

Il-gazzetta ILLUM staqsiet lil Rowena kif il-vjaġġ tagħha fil-ġlieda kontra l-kanċer affetwatha bħala mara, li l-femminilità tagħha kienet valur importanti. 

Mal-ewwel darba li nstab il-kankru, it-tabib spjegalha li se jkollha tibda tieħu l-kimoterapija, il-kunfidenza f’Rowena mal-ewwel ħadet tisbita. Forsi għax il-chemo kulħadd jassoċjaħ ma’ nies li xagħarhom jaqa’, imma Rowena mal-ewwel ħasset għafsa ta’ qalb. 

“In-nisa taf kif aħna ... xagħrna dejjem ikun f’postu. Dik il-ħaġa li rrid nitfa rasi ġos-sink u bażikament ir-raġel iqaxxarieli kienet kiefra wisq għalija.” 

Wara mument ta’ ħsieb, hija bdiet tiftakar u tgħidilna kif dak iż-żmien it-tfal kienu għadhom żgħar. It-tifla li kellha biss tliet snin ma setgħetx taċċetta l-ommha b’xagħrha qasir. It-tifel kellu sitt snin u sa ċertu mod fehem għaliex ommu se tkun qed tilbes bandana minflok tgħannaq ix-xagħar bjond li kien imdorri bih hu. 

“Ridt ninkludihom biex huma ma jaħsbux li t-tort tagħhom li l-mama mardet. Ħafna drabi t-tfal jassoċċjaw dak li qed jiġri ma' għax kienu mqarbin huma. Ma ridthomx iħossu dik il-ħtija.” 

Imbagħad meta il-kimoterapija waqfet, xagħrha reġa’ qabad jitwal u bil-mod bdiet taqta ukoll ix-xallel minn ma’ rasha kull fejn tmur. 

“L-ewwel darba li ħriġt bla xalla, niftakar it-tifla qaltli “mama insejt ix-xalla”, għidtilha “m’għandhix bżonnha sabiħa, dak sinjal li l-mama qed tfieq”, qaltli “ok” u fehmet mal-ewwel. 

Illum il-ġurnata t-tfal għandhom 15 u 18-il sena, Rowena iktar tista’ faċilment tfehmhom aħjar il-passi li qed tgħaddi minnhom. B’daħka qalet li xagħrha issa ma baqax bjond imma issa saret brunette! Pero’ xorta qed tittama li jitwal għat-tul li kien.  

L-iktar ħaġa li kiddet lil Rowena ... la kienet il-kimoterapija u lanqas l-estetika 

Għaldaqstant, li kieku kellha tara l-iktar ħaġa li kisritha Rowena, xi tkun? Mingħajr l-ebda ħsieb mal-ewwel qabdet tirrakonta lill-ILLUM kif il-fatt li kellha tgħaddi minn dan kollu, għal darba oħra iżda din id-darba weħidha, hija l-aktar ħaġa li sabet diffiċli. 

Spjegat kif hi esperjenzat iż-żewġ aspetti ta’ kanċer qabel Covid-19 u anke waqt il-Covid. L-ewwel darba forsi ħasset biża’ sforz il-fatt li ma kinitx taf x’qed tistenna iżda issa ħasset terrur minħabba l-pandemija. 

L-ewwel li kienu għamlu bħala familja, qaflu lilhom infushom id-dar inkluż it-tfal li baqgħu jitgħallmu kollox mill-kmamar tas-sodda tagħhom. Hi flimkien mar-raġel tagħha wkoll bdew jaħdmu mid-dar avolja kienet taħdem il-bank. 

Ma setgħu jaraw lil ħadd, lanqas nies id-dar ma setgħu jidħlu inkluż ommha u missierha, ħutha u sħabhom. L-appuntamenti għand it-tobba, Rowena kellha tmur għalijom weħidha għax nies mal-pazjenti ma setgħux jidħlu. 

“Tkun għaddejja min dan kollu, tkun imkissra u fl-istess ħin trid tgħarbel dak li qed jgħidlek it-tabib. Li qed tisma’ kollox waħdek u m’għandekx support maġenbek, kattiva wisq.” 

Rowena għamlet ġimgħa l-isptar wara l-operazzjoni ta’ sidirha, fejn ġimgħa sħiħa kellha tara lir-raġel tagħha biss siegħa waħda fil-ġurnata. Imnalla kienet it-tekonoloġija li biha l-familja Enriquez ikkomunikaw.  

Fil-fatt b’gratitudni qalet li t-tobba għandhom qalb tad-deheb. L-ewwel darba, is-sala tal-onkoloġija f’Boffa kienet diġà t-tieni dar tagħha, aħseb u ara t-tieni darba meta kellha tmur dejjem l-isptar weħidha. 

B’sens ta’ kważi dispjaċir kompliet tispjega kif ilha sentejn taħdem id-dar u li għalkemm sabet appoġġ kbir mill-bank fejn taħdem, tħoss in-nuqqas tal-kollegi u l-ħames kelmiet li tgħid magħhom, tħoss in-nuqqas tan-nies u anke s-sempliċiment rutina biex tlesti u tagħmel l-irtokk malajr ħa tparpar 'il barra. Iddeskriviet l-esperjenza li qed tgħaddi minnha bħala waħda differenti u antipatka. 

Minkejja dan kollu l-ikbar dispjaċir għaliha hu li tħoss illi minħabba fiha uliedha tilfu ħafna ħbieb. 

“Ma setgħux joħorġu mal-ħbieb u jkomplu il-ħajja tagħhom...il-ħajja soċjali tlifniha kollha.” 

Filwaqt li b’textixa bard u sempliċiment tbissima fakkret li kull ġimgħa kellha tagħmel swab qabel il-kimoterapija u vera kienet kważi trawma weħidha l-affari. Għaldaqstant malli bdew jieħdu l-vaċċin bħal reġa’ feġġ raġġ ta’ tama. 

Imma li kieku tista’ lil Rowena ta’ 29 sena, li għadha kif tiskopri li għandna kanċer, int x’kont tgħidilha? 

“Qatt ma kien jgħaddili mill-kurituri ta’ moħħi li 11-il sena wara se nerga' ngħaddi minn dan kollu. Insejt dak li kont 11-il sena ilu, issa hawn verżjoni ġdida tiegħi innifsi, għadni qed nidraha ... imma dak li kont ngħidlu ċaw ċaw” 

Rowena qaltilna li hemm bosta fatturi għaliex din id-darba ħassitha aktar, ħafna minnhom diġà tkellimna fuqhom.  

“Dan bħat-tqala, l-ewwel tarbija bħal donnok ma tkunx taf għalxiex dieħla, it-tieni tarbija taf għalxiex dieħla.” 

Bħal meta inqabdet tqila it-tieni darba, Rowena kienet taf x’ġej għaliha u dan beżagħha aktar. Seħtet is-siegħa u l-mument li t-tabib qallha għal darba oħra li kellha terġa’ tibda l-kimoterapija u bejnha u bejn ruħha qalet “issa għax erġajt irkuprajt saħħti, erġajt ġejt kuntenta bija nnifsi, xagħri reġa' twal, issa se nerġa' nibda mil-bidu.” 

Il-gazzetta ma setgħatx ma tistaqsiex, allura Rowena ta’ issa, x’kienet tgħid lil Rowena ta’ 29 sena li għadha kif tiskopri li għandha kankru f’sidirha? 

“M’intix waħdek, la għaddejja minnu waħdek u lanqas inti l-unika waħda għaddejja minnu. Ibqa’ ġġieled.” 

Fl-aħħar mumenti tal-intervista, ħareġ il-veru karratru ta’ Rowena. Mara kurraġġuża li bla ebda dubju ġġelgħek tħares lejn ħatek u tgħid, “jien għaliex qed nitlef ħini nindanna fuq affarijiet patetiċi?” 

Tennet li żgħażagħ u adulti żgħar, nisa taħt l-40 sena m’għandhomx jibżgħu. Vera li forsi kienet rari li mara ta’ eta’ żgħira ma nisimgħux li ħarġilha kanċer, iżda ma jistax ikun li nwarbu l-idea ta’ kankru fis-sider. B’determinazzjoni liema bħala Rowena insitiet li ma jistax ikun is-soċjetà tibqa’ titratta l-kanċer bħala tabù, bħala xi ħaġa li toqtlok bħal zoptu malli jgħidulek l-aħbar mingħajr lanqas biss bdejt tikkunsidra trattamenti. 

“Dan huwa id-destin tiegħi, inutli nintefa' f’rokna nibki. Teħodniex ħażin, jiġuni ġranet ta! Imma l-għan tiegħi huwa li niggieled. Kont nara lit-tfal u ngħid jekk mhux għalija, se niġġieled għalihom.”  

 

Informazzjoni oħra fuq Europa Donna

Europa Donna Malta hija Organizzazzjoni mhux Governattiva li tgħin individwi li jgħaddu minn kanċer tas-sider u anke l-familji tagħhom. Biex tagħmlu kuntatt magħhom idħlu fuq is-sit EUROPA DONNA MALTA jew inkella ċemplu 9933 0330

 

More in Socjali