Żgħażagħ minn Birżebbuġa bi programm biex inisslu tama u fiduċja

Din l-inizjattiva ttieħdet għall-ewwel darba s-sena li għaddiet bil-għan li ż-żgħażagħ jagħmlu l-qalb lil dawk li kienu qed iħossuhom waħedhom

Grupp ta' żgħażagħ impenjati fil-parroċċa ta’ Birżebbuġa se jkunu qed itellgħu programm ta' madwar siegħa bl-isem ta' “Uċuħ ta’ Tama.”

L-ewwel darba li sar feature bħal dan kien fl-2020, meta kulħadd kien imsakkar id-dar minħabba l-pandemija, biż-żgħażagħ jaħdmu biex inisslu tama u fiduċja fil-ħajja u fil-qalb qlub tan-nies.

Iż-żgħażagħ iddeċidew li anke din is-sena jagħmlu xi ħaġa simili u għalhekk se jkunu qed jiċċelebraw is-sabiħ tal-ħajja u jiltaqgħu ma' persuni li minkejja li għaddew minn sitwazzjonijiet diffiċli, xorta għamlu kuraġġ u ffaċċjaw il-ħajja b'dak kollu li ġġib magħha.

Se jiltaqgħu wkoll ma' persuni li xogħolhom hu li jgħinu u jtejbu l-ħajja ta' nies oħra, anke permezz tal-volontarjat.

Minbarra rakkonti ta’ esperjenzi, il-programm jinvolvi mużika u żfin.

"Kollox għandu għan wieħed, li permezz ta’ dan il-mument flimkien, nagħmlu l-qalb lil xulxin u nħarsu 'il quddiem u nkomplu miexja b’entużjażmu il-vjaġġ tal-ħajja. Dan il-programm huwa fuq kollox ispirat mit-tama li jġib Kristu li rebaħ il-mewt u allura l-fiduċja li m’hemmx sitwazzjoni li ma nistgħux ngħixu b’mod tajjeb u sabiħ minkejja kollox," qalu ż-żgħażagħ ma' dan is-sit.

Għal aktar informazzjoni dwar dan il-programm għafas hawn.

More in Socjali