Inawgurat xogħol ta’ restawr fuq sett ta’ pitturi ta’ Francesco Zahra tas-seklu 18 fiż-Żejtun

Grazzi għal dan il-proċess ta’ restawr, is-sitt pitturi ta’ Francesco Zahra li juru xeni mit-Testment il-Qadim reġgħu lura għall-glorja artistika u kulturali li jistħoqqilhom

Saret l-inawgurazzjoni tat-tlestija ta’ xogħol ta’ restawr fuq sett ta’ sitt pitturi ta’ Francesco Zahra,  artist tas-seklu 18 li għalkemm qatt ma ħalla Malta tgħallem ħafna minn artisti Taljani, fosthom Caravaggio. L-inawgurazzjoni saret mill-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Katerina fiż-Żejtun, permezz ta’ investiment ta’ €40,000, mill-Fond tad-Diplomazija Kulturali.

Grazzi għal dan il-proċess ta’ restawr, is-sitt pitturi ta’ Francesco Zahra li juru xeni mit-Testment il-Qadim reġgħu lura għall-glorja artistika u kulturali li jistħoqqilhom u ser ikunu jistgħu jitgawdew mill-pubbliku fl-Oratorju tas-Sagrament fil-Knisja Arċipretali taż-Żejtun.

F’diskors tal-okkażjoni l-Ministru Carmelo Abela qal li dan il-proġett ta’ restawr, li ilu għaddej għal madwar sena, twieled meta huwa kien għadu jservi bħala Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ. L-għan tal-programm tad-Diplomazija Kulturali huwa li jinbnew pontijiet kulturali u ta’ ħbiberija bejn il-poplu Malti u popli oħra - iżda mhux biss. Kif qed jintwera b’dan il-proġett, dan qed iservi ta’ pont bejn ix-xogħlijiet ta’ artisti Maltin, f’dan il-każ ta’ Francesco Zahra, u l-pubbliku inġenerali.

Il-Ministru Abela fakkar li l-iffirmar tal-ftehim għar-restawr kien sar fit-3 ta’ Ġunju 2019, fl-Oratorju tas-Sagrament, fejn dawn il-pitturi jkunu fuq bażi permanenti u l-iżżarmar tas-sitt pitturi beda f’Settemru tal-2019.

Francesco Zahra, li twieled fl-1710, kellu ħidma artistika kbira. Il-Ministru hawn innota li Francesco Zahra hu kkunsidrat bħala wieħed mill-iktar artisti prominenti tas-seklu tmintax f’Malta. Għandu stil uniku li ġie influwenzat minn Mattia Preti u minn Caravaggio, iżda mhux biss. Ix-xogħlijiet tiegħu fil-Barokk u fin-Neopolitan huma mxerrda f’ħafna knejjes f’Malta, f’mużewijiet u f’kollezzjonijiet privati.

Il-Ministru Abela esprima li jinsab kuntent li r-restawr wassal biex il-glorja tal-pittura ta’ Francesco Zahra terġa’ tiġi skoperta mill-ġdid.

Il-proċess ta’ restawr

Il-Ministru Carmelo Abela qal li dan il-proġett se jkollu diversi riżultati pożittivi bħat-tkomplija ta’ ħidma biex ikompli jiġi valurizzat u promoss ix-xogħol ta’ dan l-artist prominenti Malti barra minn xtutna, f’dan il-każ fl-Italja. Fil-fatt, hu maħsub li dawn il-pitturi jiġu esebiti f’wirja f’Ruma, kif kien ippjanat oriġinarjament. Dan iżda ma seħħx minħabba ċ-ċirkustanzi attwali.

Żied jgħid li l-għan kien ukoll li permezz tal-konservazzjoni ta’ opri tal-arti nuru l-apprezzament lejn l-arti u nużawha bħala tieqa tat-talent artistiċi ta’ ulied Malta u li jiffurmaw parti mill-identità Maltija.

Tkellem dwar il-proċess ta’ restawr u fakkar li fl-aħħar sena, dawn il-pitturi tneħħew mill-post oriġinali tagħhom, jiġifieri mill-Oratorju tas-Sagrament fil-Knisja Arċipretali taż-Żejtun u ttieħdu fi studio armat apposta fil-binja tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej f’Palazzo Parisio. Hemmhekk, tim ta’ restawraturi għamlu xogħol ta’ restawr bir-reqqa wara li dawn l-opri kienu ġarrbu ħsara sostanzjali tul iż-żmien u għaldaqstant kellhom bżonn urġenti ta’ intervent ta’ restawr.

Ix-xogħlijiet ta’ restawr saru taħt it-tmexxija tar-restawraturi Professur Sante Guido u Giuseppe Mantella, restawraturi magħrufin u rispettati internazzjonalment, wara xogħlijiet ta’ restawr imwettqa kemm f’Malta, fl-Italja kif ukoll fl-Istat tal-Vatikan fost l-oħrajn, ta’ opri artistiċi importanti mill-inqas fl-aħħar 25 sena.

F’messaġġ li għadda permezz ta’ filmat, ir-restawratur Sante Guido qal li, “Dan il-proġett ta’ Zahra twieled bħala proġett ta’ identità tal-kultura Maltija. Fl-istess ħin twieled ukoll bħala rappreżentant ta’ kultura li tista’ u li jeħtieġ li tiġi esportata lejn il-bqija tal-Ewropa. Għaldaqstant l-idea ta’ diplomazija kulturali rat fi Francesco Zahra l-artist ideali biex jirrappreżenta l-arti u l-kultura Maltija fil-bqija tal-Ewropa”. Żied jgħid li dan hu suġġett rari li jġib flimkien it-Testment il-Qadim u l-Ġdid, u anke mil-lat diplomatiku dan is-suġġett intgħażel għax jista’ jintuża.

Fuq il-proċess ta’ restawr qal li, “Ir-restawr kien interessanti ferm għax permezz tiegħu nkisbu lura l-kuluri oriġinali tal-kwadri, li jitwaqqaf xi telfien tal-kulur - fenomeni żgħar ta’ korrużjoni. Ippermetta wkoll li jinbnew mill-ġdid, li jingħalqu toqob u li ssir xi tiswija f’dawn il-kwadri”.

Il-Ministru Abela rringrazzja lis-segretarji permanenti tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u tal-Finanzi, lid-diretturi u lill-ħaddiema kollha involuti fix-xogħol kollu li sar. Irringrazzja wkoll lill-Arċipriet Dun Nicholas Pace, lil Dun Ġino Gauci u lil dawk kollha li assistew sabiex din il-proġett isir realtà.

Ix-xeni mit-Testment l-Antik li huma murija f’dawn il-pitturi huma:

1. Melkisedek, Sultan ta’ Salem u Qassis ta’ El-gheljon joffri ħobż u nbid.

2. Mosé juri lill-Iżraeliti fid-deżert il-manna nieżla mis-sema.

3. L-anġlu jordna lil Elija biex iqum u jitrejjaq bil-ħobż u bl-ilma.

4. Gidghon iħejji l-ftajjar u l-laħam fuq il-blata kif ordnat mill-anġlu.

5. Noe’ flimkien ma’ martu u ma’ uliedu joffru sagrifiċċju wara d-dulluvju.

6. Is-Sultan David jiżfen quddiem l-Arka tal-Patt fi triqitha lejn Ġerusalemm.

L-inawgurazzjoni tar-restawr tas-sitt pitturi qed isir fis-sena fejn il-Parroċċa taż-Żejtun qed tiċċelebra it-300 sena mit-tlestija u mit-tberik tal-Knisja Parrokkjali taż-Żejtun.

More in Socjali