Filmat | ‘Nieħdu qatgħa kif tagħmel ix-xita ... l-ilma jasal sal-għaksa’

Soqfa neżlin, konsenturi mal-ħitan u l-ilma tax-xita dieħel bis-saħħa. Il-gazzetta ILLUM iżżur il-kunvent tal-Patrijiet Franġiskani tal-Belt Valletta li qed jgħajjat għall-għajnuna.

Il-ħsara f'wieħed mis-soqfa l-aktar perikolużi tal-kunvent
Il-ħsara f'wieħed mis-soqfa l-aktar perikolużi tal-kunvent

Ħafna jkunu qed jistennew l-ewwel maltempata bħalma kellna din il-ġimgħa iżda mhux il-komunità tal-Patrijiet Franġiskani tal-Belt Valletta li ma’ kull ħalba xita qed jieħdu battikkata jixxuttaw l-ilmijiet li qed jidħlu minn soqfa tal-kunvent li għandhom bżonn jinbidlu llum qabel għada.

Il-gazzetta ILLUM żaret dan il-kunvent, biswit waħda mill-knejjes l-aktar għall-qalb il-Beltin, jiġifieri dik magħrufa bħala Ta’ Ġieżu, li fiha wieħed isib żewġ xbiehat li jgawdu minn devozzjoni kbira, jiġifieri l-Kurċifiss li wkoll tlaqqam Ta’ Ġieżu u dik tad-Duluri.

Il-Gwardjan il-ġdid, Patri Ramon Farrugia dawwarna l-kunvent u uriena l-ħsara li għandhom diversi soqfa. Apparti li qed jidħol l-ilma tax-xita f’kmamar taħt il-bejt, hemm soqfa oħra li jridu jinbiddlu u li ġew iddikjarati “perikolużi” minn perit.

Malli tidħol il-kunvent u tidħol fl-ewwel kurituri, isib mill-ewwel saqaf nieżel biċċiet, bix-xibka tidher. Anke fejn ix-xibka ma tidhirx, spjegalna l-Gwardjan, il-ħsara hemm qiegħda u jeħtieġ jinbidel malajr kemm jista’ jkun.

Iżda impressjonanti waħda mill-kmamar fis-sular ta’ fuq fejn meta tagħmel ix-xita, mhux sempliċiment jidħol qtar, iżda l-ilma kważi kważi jibqa’ għaddej, daqslikieku ma hemm l-ebda saqaf jilqgħu.

“Meta tagħmel xita bil-qliel, l-ilma f’din il-kamra jasal sal-għaksa. Tista’ timmaġina, lanqas inlaħħqu miegħu l-ilma. Inneħħuh bil-pala,” qalilna Patri Ramon. Ma kienx qed jesaġera. Rajna wkoll filmati u dawn se nippubblikawhom fuq is-sit illum.com.mt.

Fil-fatt, il-Patrijiet saru jieħdu qatgħa meta jisimgħuh iberraq. “Din il-ġimgħa ħriġna nimxu ftit. Kif rajnih qed iberraq dorna lura u mnalla,” kompla jirrakkonta. “Mill-ewwel jibda nieżel l-ilma.”

Komplejna nduru l-kunvent u stajna ninnutaw konsenturi fis-soqfa u l-ħsara kbira li għandu l-membrane ta’ fuq il-bjut. Kważi kważi qiegħed hemm għalxejn għax kien mimli għadajjar u fi bnadi maqlugħ, bl-ilma dieħel taħtu.

Il-Gwardjan spjegalna kif l-ispiża mistennija tkun kbira. 

“Għadna qed niskopru l-ħsara. L-istimi għadhom deħlin. Sa issa biex jitneħħa l-membrane, isir liquid membrane, isir il-kisi tax-xafts u l-btieħi u bdil ta’ saqaf wieħed, l-ispiża ġa taqbeż is-€70,000,” spjega Patri Ramon. 

Kompla jirrakkontalna kif il-komunità li tgħix madwar il-kunvent u li tiffrekwenta l-knisja tagħhom hija waħda żgħira anke jekk dejjem tgħin kif tista’.

“Għamilna kważi xahrejn magħluqa, bla dħul ta’ xejn, minħabba l-pandemija,” kompla Patri Ramon.

Ta’ min isemmi kif anke jekk huma fil-bżonn, il-Patrijiet Franġiskani qatt ma waqqfu milli jgħinu lil ħaddieħor. Fil-fatt, il-komunità tat konċessjoni lil NGO biex tagħmel użu mir-reffitorju l-antik biex fih tkun tista’ ssir soup kitchen biex kuljum tkun tista’ tipprovdi platt sħun lil min ma għandux.

“Fondi li ssemmew fuq il-mezzi tax-xandir li huma relatati mas-soup kitchen ma għandhomx x’jaqsmu mal-komunità għax huma ta’ NGO li hija indipendenti mill-Provinċja Franġiskana u l-kunvent,” kompla jispjega Patri Ramon.

Temm jappella lil kull min jista’ biex jgħin lill-Patrijiet biex malajr kemm jista’ jkun ikunu jistgħu jibdew ix-xogħlijiet fuq dan il-kunvent storiku fil-qalba tal-Belt Valletta.

Is-saqaf li minnu jidħol l-ilma tax-xita
Is-saqaf li minnu jidħol l-ilma tax-xita

Kif tista’ tgħin?

Min jixtieq jgħin lill-Patrijiet Franġiskani biex malajr kemm jista’ jkun jibdew ix-xogħlijiet fuq il-kunvent jistgħu jagħmlu dan permezz ta’ dawn il-mezzi:

BOV PAY – 99246768
REVOLUT – 99246768
Kont BOV: 40020877477 IBAN: MT56VALL22013000000040020877477. 
Ċekk: indirizzat lil Patri Ramon Farrugia fuq l-indirizz: 291, Triq San Pawl, il-Belt Valletta.

Il-Knisja ta' Ġieżu fil-Belt
Il-Knisja ta' Ġieżu fil-Belt

Il-kunvent u l-knisja ta’ Ġieżu mhux l-ewwel darba li kellhom ħsarat...

Kien fis-sena 1571 li l-Patrijiet Franġiskani kienu talbu lill-Gran Mastru Pietro del Monte biex jagħtihom biċċa art fejn setgħu jibnu knisja u kunvent fil-Belt il-ġdid.  

Mhux magħruf meta beda jinbena l-kunvent iżda żgur li kellu sehem fih il-Perit tal-Ordni Gilormu Cassar. Fil-fatt, kien hu li ħadem fuq il-knisja u l-kampnar, li għadu wieqaf sal-lum, anke jekk dak iż-żmien kien wieqaf waħdu f’nofs ġnien fil-kunvent.

Fil-fatt, mas-snin, il-kunvent sarulu diversi xogħlijiet strutturali u baqa’ biss ftit sinjali mill-kunvent l-antik. Illum dan għandu żewġ entraturi, waħda fi Triq San Pawl u l-oħra fi Triq Sant’ Ursola. 

Ix-xewqa minn dejjem kienet li jinbena kunvent mill-ġdid iżda l-faqar u n-nuqqas ta’ fondi qatt ma ppermettew li dan isir. Fil-fatt dawn il-pjanijiet dejjem baqgħu fuq l-ixkaffa sakemm fl-1957 sar tibdil xi tibdil strutturali. 

L-ewwel ġebla tal-knisja, iddedikata lil Sidtna Marija ta’ Ġesu tpoġġiet fl-1575. Għalkemm saret fuq pjanta ta’ Girolamo Cassar, mas-snin saru diversi xogħlijiet fiha. 

Il-knisja tinsab f’tarf ta’ triq mimlija taraġ li minn Triq San Pawl tagħti għal Triq Sant’Ursola. Fil-fatt, il-bini kollu tat-triq qed jistrieħ fuq il-knisja. Dan ma tantx għenu lill-knisja.

Biex il-knisja tissaħħaħ, fl-1689 kienet inbniet faċċata ġdida aktar b’saħħitha fuq pjanta ta’ Mederico Blondel, inġinier tal-Ordni ta’ San Ġwann. Fil-fatt, din il-faċċata xejn ma taqbel mal-knisja minn ġewwa.

Fl-1883 kien inbena ħajt, fi Triq Sant‘ Ursola biex ukoll saħħaħ il-knisja u l-bini kollu fl-istess triq li qed iżomm magħha. 

L-attakk fuq l-HMS Illustrious fit-Tieni Gwerra Dinjija wkoll kkawżaw ħsarat fuq il-knisja. Għalkemm saru xogħlijiet diversi drabi, il-konsenturi għadhom jidhru sal-lum.

More in Socjali