Intervista | 'Jaħsbuni mejjet bil-ġuħ għax kuljum hawn ... imma jien irrid biss inferraħ in-nies'

Benny Grima. Sinonimu ma’ Triq ir-Repubblika. Tmur meta tmur se ssibu jkanta bil-Malti, bl-Ingliż, Taljan, Ċiniż, Pollakk u minjaf kemm il-lingwa oħra, imdawwar b’xi grupp turisti. Il-gazzetta ILLUM tiltaqa’ miegħu. Għaliex Triq ir-Repubblika? Għaliex jippreferi jkanta fit-triq milli f’xi lukanda? Kif irnexxielu jkampa d-dar fi żmien il-coronavirus?

Tidħol meta tidħol il-Belt u tgħaddi minn Triq ir-Repubblika se ssibu hemm, idoqq, ikanta, iwaqqaf it-turisti, jitkellem magħhom, ikantalhom u jekk jarak qed tinteressa ruħek mhux se jiddejjaq biex itik xi strument żgħir biex iddoqq miegħu. Benny Grima bla dubju ta’ xejn huwa wiċċ familjari mal-ħaddiema tal-Belt Valletta u ma’ dawk kollha li ta’ spiss iżuru l-kapitali. Il-gazzetta ILLUM marret sa Triq ir-Repubblika u qattgħet ftit tal-ħin ma’ Benny, titkellem miegħu dwar kif sar jgħaddi l-ġurnata.

Aktar milli waħdu, lil Benny nafuh ma’ martu hekk kif flimkien iffurmaw id-duo popolari Benny u Tonia b’waħda mill-kanzunetti l-aktar famużi tagħhom tkun bla dubju Forza Malta. L-ILLUM bdiet tistaqsih dwar il-karriera mużikali tiegħu. 

Benny spjega kif beda bil-mużika malli spiċċa mill-iskola hekk kif ma’ ħutu fforma l-grupp Harmonic Sound u aktar tard The Rookies. Għamlu madwar għaxar snin idoqqu flimkien. Kienu tliet aħwa u drummer barrani. Meta żżewweġ lil Tonia, ħalla l-gruppi u magħha fforma d-duo tant maħbub mal-Maltin. Kienet is-sena 1985.

Illum il-ġurnata Benny jkanta waħdu anke jekk Tonia kważi tidħol miegħu kuljum sal-Belt. “Tkun hawn miegħi, kważi kważi qisek qed titlobha l-karità biex tkanta diska. Ħasra għax kulħadd jgħidilha kemm għandha vuċi sabiħa, anke l-barranin,” qalilna b’għajnejh jixgħelu.

Kif sar jaf ikanta kważi bil-lingwi kollha?

L-ILLUM tistaqsih għaliex jagħżel li kuljum iqatta’ kważi l-ġurnata kollha l-Belt. “Il-Belt hija l-aqwa kapitali tad-dinja. Hawn tiltaqa’ ma’ ħafna nies,” ħatafna fil-kelma.

Għal min hu midħla ta’ Triq ir-Repubblika, żgur li mhux l-ewwel darba li ra lil Benny mdawwar b’xi grupp turisti li jkun waqqafhom hu stess u tisimgħu jkantalhom xi kanzunetta bil-lingwa tagħha, kemm jekk Taljan u Spanjol iżda anke lingwi kkumplikati ħafna bħalma huma ċ-Ċiniż jew il-Pollakk.

Hu stess jispjega kif kemm ilu jarma l-Belt, tgħallem ikanta b’diversi lingwi u jgħid ukoll xi kelma ‘l hemm u ‘l hawn. 

“Sirt kważi naf inkanta bil-lingwi kollha. Dejjem inżid. Fi żmien il-COVID-19 tgħallimt aktar. Tgħallimt bil-Pakistan, l-Indja u oħrajn. Huma nies vera mill-aħjar. Tgħallimt ħafna fuq kulturi oħrajn,” spjega Benny.

Imma kif ikun jaf x’kanzunetta għandu jkanta? It-turisti tarahom ikomplu u jkantaw miegħu. “Qabel tgħallimt, staqsejt in-nies tal-pajjiż. Jekk Ċiniż jiġi fuqi u jgħidli li jixtieq jitgħallem diska popolari bil-Malti, se ngħidlu jitgħallem Lanċa Ġejja u Oħra Sejra, jew Xemx. Hekk għamilt jiena. Ma kontx naf xi jħobbu jkantaw iċ-Ċiniżi jew l-Indjani. Huma qaluli,” kompla jgħidilna.

Malli xi turist jagħtih suġġeriment ta’ xi diska, kompla jispjegalna, imur id-dar, jiftaħ YouTube, isibhom u jibda jitgħallimhom.

“Nagħmel l-arranġament u anke l-akkumpanjament jien. Ma nkantax karaoke. Il-ħoss huwa tiegħi stess. Għandi dik ix-xi ħaġa speċjali li diska nismagħha tliet darbiet u nitgħallimha,” qalilna Benny. “Dejjem ikolli xi ngħid mal-mara meta ngħid kemm naf inkanta b’lingwi. Lanqas naf inwieġbek kemm inkanta b’lingwi differenti. ‘Il fuq minn 100 żgur.”

‘Jien hawn ma niġix għall-flus ... li qed nagħmel għall-pjaċir’

Għal xi żmien Benny kien ibiegħ is-CDs tiegħu. Illum lanqas dawn ma għadu jbigħ. Allura ma jaqbillux imur idoqq f’lukanda u flok joqgħod għax-xemx, joqgħod f’xi sala komdu u jaqla’ xi ħaġa sura ta’ flus?

“Jien hawn ma niġix għall-flus. Niġi hawn biex nagħmilha man-nies. Nagħmel dak li qed nagħmel għall-pjaċir. Jekk ma niġix hawn se nqum fis-siegħa ta’ waranofsinhar. Issa erġajt ġejt niġi regolari. Fi żmien meta konnha magħluqa bil-COVID-19 kont se nibda nitgħażżen,” kompla Benny.

Ikun hemm min jgħid li jiena mejjet bil-ġuħ. Illum għandi 66 sena. Għamilt 50 sena ndoqq fil-lukandi. Kieku rrid nista’ nerġa’ mmur. Nippreferi ndaħħal €10 fil-kappell milli naqla’ €200 fil-lukanda. Is-sodisfazzjon li għandi bil-kappell huwa xi ħaġa straordinarja

Hawn qbadniha miegħu fuq iż-żmien li għamel magħluq id-dar minħabba l-COVID-19. Minjaf kemm ħassu stramb, filli kuljum il-Belt u f’daqqa waħda magħluq bejn erba’ ħitan. “Stramb mhux għax ma sibtx x’nagħmel. F’ħajti kollha qatt ma għamilt xejn fid-dar. Spiċċajt bajjadt id-dar kollha,” qalilna Benny.

Iżda taħsbux li rnexxielu jkampa ħafna d-dar. Ikompli jgħidilna hekk: “Darba minnhom telgħuli. Qbadt tal-linja u dħalt nippassiġġa l-Belt. Ma kien hawn ħadd. Meta ngħidlek ħadd, jiġifieri ħadd ħlief jien. Kien nofs April. Qabditni għafsa ta’ qalb.”

Ikun hemm min jgħid li jiena mejjet bil-ġuħ ... 

Hu li jkun dejjem Triq ir-Repubblika jista’ jagħtina indikazzjoni ta’ kif qed ikunu l-affarijiet il-Belt. Fi kliemu, din il-ġimgħa kienet ħafna aħjar mill-ġimgħa ta’ qabel. Kull ġimgħa qalilna li qed jara titjib.

Iżda anke meta Malta kien għadu ma hawnx turist wieħed, xorta waħda rama l-Belt u kien l-hena tiegħu jwaqqaf u joqgħod ikanta mal-barranin li jgħixu u jaħdmu Malta.

Spjega magħna kif il-barranin japprezzawh ħafna u anke jekk hu ma jagħmilx dan għall-flus, dejjem ikun hemm min idaħħal idu fil-but u jitfalu xi ħaġa fil-kappell li jpoġġu quddiemu. 

“Ikun hemm min jgħid li jiena mejjet bil-ġuħ. Illum għandi 66 sena. Jiena għamilt 50 sena ndoqq fil-lukandi. Kieku rrid nista’ nerġa’ mmur. Nippreferi ndaħħal €10 fil-kappell milli naqla’ €200 fil-lukanda. Is-sodisfazzjon li għandi bil-kappell huwa xi ħaġa straordinarja,” kompla jgħidilna. “Wisq nieħu gost man-nies.”

‘Trid idoqq l-antik iżda anke l-ġdid’

Huwa u jitkellem tinduna li qed jagħmel dak li qed jagħmel b’passjoni. Fi kliemu, tinduna min ikun iħobb il-mużika għax ikun ippassjonat jew min iħobbha sempliċiment għall-flus.

“Hawn żewġ barranin ikunu qed idoqqu Triq ir-Repubblika. It-tnejn mużiċisti tajbin imma jdoqqu biss l-istess ħames diski. Ilni nafhom erba’ snin. Darba mort fuq wieħed minnhom li jdoqq il-kitarra u offrejtlu li nagħtih mużika tiegħi b’xejn. Ma ridx,” insista Benny.

Kien hawn li saħaq li tinduna min ikollu l-passjoni għax dan mhux biss idoqq l-antik, iżda jdoqq ukoll il-ġdid.

“Eros Ramazzoti għandu diski antiki iżda meta jagħmel il-kunċerti jdoqq u joħroġ diski ġodda. Il-passjoni kollox,” insista.

‘Qed nimmisja ħafna lill-immigranti tal-Awstralja’

Jagħmel ħafna enfasi fuq il-barranin u t-turisti. Il-Maltin jagħtu kasu? Japprezzawh? Mhux daqshekk, jgħidilna Benny. Anke jekk jisħaq li l-Maltin japprezzawha l-mużika Maltija, meta Malti qiegħed Triq ir-Repubblika u jisimgħu jkanta l-Aħħar Bidwi f’Wied il-Għasel mhux se jieqef biex jisimgħu.

“Kieku qiegħed barra minn Malta u se jisma’ lil xi ħadd idoqq kanzunetta Maltija, se jieqaf żgur. Dik il-kultura tagħna. Bħall-baned. Ġieli jkun hemm kunċert tal-banda fil-festa fuq il-planċier u l-Maltin lanqas jagħtu kas. Imbagħad tara t-turisti jgħoxew jisimgħu l-mużika,” spjegalna.

Stqarr magħna li din is-sena qed jimmissja ħafna lill-immigranti tal-Awstralja. Fi kliemu, l-immigranti Maltin li jgħixu l-Awstralja, l-għaxqa tagħhom jisimgħuh ikanta u jieqfu u jkantaw miegħu. 

“Jiena dejjem hawn. Tad-dwejjaq tara l-ħwienet, ristoranti tad-deheb, ħwienet, tas-souvenirs, li qalgħu daqqa ta’ ħarta kbira,” kompla jgħidilna Benny. Apparti l-immigranti Maltin u anke n-nuqqas ta’ turisti, Benny fakkar li għadu ma daħalx f’Malta cruiseliner wieħed. Għan-negozju fil-Belt, it-turisti tal-cruiseliners huma importanti ħafna, għax dawn se jinżlu għal ftit sigħat u se jibqgħu l-Belt. “Il-Belt se tqum meta jerġgħu jidħlu l-cruiseliners.”

Il-kanzunetta Maltija hija apprezzata?

Komplejna nitkellmu fuq il-kanzunetti Maltin tal-passat u kemm dawn baqgħu popolari anke llum il-ġurnata, forsi għall-kuntrarju tal-lum għax diska tagħmillek ftit xhur popolari u ftit ftit tintesa.

Tana raġun. “Bħala Benny u Tonia qatt ma kellna xi diski antiki li baqgħu ħafna popolari llum bħalma għandu Freddie Portelli, Tony Camilleri u oħrajn. Aħna bdejna fit-tmeninijiet. Dawn kollha bdew fis-snin sittin u fis-sebgħinijiet. Il-mużika ta’ dawk iż-żminijiet baqgħet popolari. Xorta waħda konnha ħafna attivi,” beda jispjegalna. 

Fakkarna biss li dawn id-diski tal-festi kien bdihom hu u kien jikteb kliem differenti għall-festi differenti. “Bdejt jiena. Kienu cassettes. Għandi 200 diska. Qegħdin kollha f’kexxun. L-ewwel waħda li ktibt kienet għal San Filep ta’ Ħaż-Żebbuġ,” irrakkonta.

Anke jekk il-mużika tal-lum hija differenti minn dik tal-passat, Benny saħaq li jimmeravilja ruħu kemm iż-żgħażagħ jafu wkoll id-diski tal-passat. 

“Jiena nieħu gost meta jkolli quddiemi żgħażagħ Taljani, indoqqilhom diski tal-Pooh, jiġifieri tas-sittinijiet u kollha jafuhom. L-istess iż-żgħażagħ Maltin. Nassigurak li kollha jafuhom il-kanzunetti antiki Maltin. Japprezzawha wkoll.” insista Benny.

‘Il-mużika ma għandha x’taqsam xejn mal-età ... il-mużika taljenak’

Illum Benny jgħodd mal-anzjani. L-ILLUM staqsietu x’inhu s-sigriet li jibqa’ daqshekk żagħżugħ fl-ispirtu.

“Taf kemm iwaqqfuni nies u jistaqsuni għaliex nintefa’ hawn minflok immur xi mkien nirrilassa u ngawdi l-pensjoni? Taf x’ngħidilhom? Albano għadu jagħmel il-kunċerti, Cliff Richard għadu jagħmel il-kunċerti u The Shadows ukoll. Jien nieqaf indoqq għax jien Malti? Il-mużika ma għandha x’taqsam xejn mal-età. Il-mużika hija passjoni,” qalilna Benny jgħannaq miegħu il-mandolina li ma qalahiex minn idejh tul intervista sħiħa.

Apparti l-mandolina, Benny studja bħala professjoni l-kitarra, iżda jdoqq ukoll il-keyboard.

Kompla jisħaq li minkejja li llum għandu 66 sena ma jaqtax qalbu u lanqas għandu għaliex jaqta’ qalbu milli jidħol il-Belt. Dan l-aħħar qed juża tal-linja. Jaqbad bagalja u mandolina u f’għaxar minuti jkun il-Belt mingħajr ma jikkonfondi fuq il-parkeġġ.

Iżda lanqas fuq tal-linja ma għandu kwiet. “Illum ix-xufier tal-linja kien mill-Indja. Qatt inkantalu bl-Indjan. Inkun fejn inkun, anke jekk passiġġata mal-mara jew qed nieħu kafe, inwaqqaf il-barranin u nkantalhom. Is-sodisfazzjon tiegħi inferraħ lin-nies,” qalilna. “Il-ħajja qasira. Hawn nieħu gost.”

Kellu appell wieħed lill-anzjani bħalu. “Tintelqux. Jiena norqod ħafna, imma ma nintelaqx. Min għandu ċans jitgħallem il-mużika ta’ 60 sena, għandu jitgħallimha. Il-mużika taljenak,” qalilna.

Qabel tlaqna lura biex inħalluh ikompli jdoqq, ried jgħaddi messaġġ liż-żgħażagħ ukoll. “Mhux kemm għandek il-vuċi tajba. Mhux biżżejjed tkun taf tkanta. Tgħallem strument. Għamlu dak li tagħmlu b’passjoni. Lill-ġenituri nappellalhom biex iħallu lit-tfal jagħżlu dak li jixtiequ jkantaw. Timponux intom fuqhom.

More in Socjali