L-ewwel li waqfu, l-aħħar li bdew u l-ewwel li reġgħu qalawha ... l-ILLUM titkellem mad-DJs

Fl-aħħar jiem, wara ż-żieda fil-każi tal-COVID-19, id-DJs spiċċaw fil-qalba tal-kritika għax ix-xogħol tagħhom jattira l-mijiet jekk mhux l-eluf. X’jaħsbu dwar l-attivitajiet tal-massa? Party jista’ jkun ikkontrollat? Bdew wisq kmieni? Kif jaħsbuha?

Fl-aħħar jiem kulħadd jaf li Malta rreġistrat żieda sostanzjali fil-każi ta’ COVID-19. Kollox beda mill-party Hotel Takeover u kompla bil-marċ tal-festa ta’ Santa Venera. Anke jekk ma kienu qed jagħmlu xejn kontra l-liġi, għax wara kollox il-permessi kienu qed jinħarġu, it-tort intefa’ kollu kemm hu fuq l-organizzaturi, id-DJs u anke ż-żgħażagħ li marru jiddevertu. Iżda dan ġust?

Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ J Joy, Tenishia u Carlo Gerada, tliet DJs lokali u internazzjonali li x-xogħol tagħhom kien l-ewwel li laqqatha bil-COVID-19 u li meta bdew jieħdu ftit tan-nifs, reġgħu sabu ħajt ma’ wiċċhom.

X’jaħsbu d-DJs dwar il-kritika li qed jirċievu? Ġusta? Kif intlaqtu? Għandhom jibqgħu jsiru l-attivitajiet tal-massa? Il-clubs se jagħlqu? X’jista’ jsir biex jinħoloq kompromess? 

J JOY
J JOY

‘Ma hemmx għaliex nagħlqu l-bibien tal-clubs ... jekk kulħadd jikkopera nerġgħu nikkontrollawha’

Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ John Refalo, jew kif inhu magħruf aħjar bħala J Joy li kien ottimist ħafna u insista li jekk kulħadd jieħu pass lura, jagħmel ftit sagrifiċċji u jsegwu l-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa u jaddatta għal dik li sejħilha ‘sistema ġdida,’ kif ġara fl-aħħar xhur, anke din id-darba nerġgħu nagħmlu suċċess u s-sitwazzjoni tal-pandemija terġa’ tkun taħt kontroll. 

L-ILLUM bdiet tistaqsi lid-DJ internazzjonali kif il-pandemija tal-COVID-19 affettwat lilu personalment, b’Refalo jispjega kif kellu jħassar xejn inqas minn 40 gig lokali u internazzjonali hekk kif kellu jdoqq f’diversi pajjizi, minn Ibiża u l-Italja sal-Amerika t’Isfel.

“Tista’ tgħid li kelli kull weekend ippakkjat,” insista.

‘Flok il-mużika ... kelli l-volontarjat’

Madanakollu, anke jekk il-pjanijiet tiegħu taru mar-riħ, J JOY ma qadx idu fuq żaqqu u anke jekk mhux permezz tal-mużika, xorta waħda ra kif se jġib ftit tal-kuntentizza fil-ħajja tan-nies.

Fil-fatt, Refalo waqqaf grupp volontajru bl-isem ta’ ‘Bravehearts’ bil-għan li jgħin anzjani u persuni oħra vulnerabbli bit-tqassim ta’ ikel, mediċini u affarijiet bżonnjużi oħra.

“Ħdimna ħafna mal-Malta Trust Foundation u anke jekk fl-aħħar jiem erġajt bdejt indoqq, bqajna għaddejin ukoll b’dan ix-xogħol,” stqarr magħna.

‘Minn jeddi għażilt li għalissa nieqaf indoqq’

Iżda dorna minnufih nitkellmu fuq is-sitwazzjoni li rriżultat f’pajjiżna fl-aħħar jiem u kif bosta kienu dawk li tefgħu t-tort sempliċiment fuq il-clubs, il-parties u magħhom id-DJs.

J JOY spjega kif hu kien fost l-ewwel DJs f’Malta li meta ra li l-virus reġa’ għolla rasu għażel biex għalissa jerġa’ jieqaf idoqq. 

“Kont qed indoqq f’lido magħruf li għandu l-aqwa ambjent għad-distanza soċjali u n-nies xorta waħda ħassejthom mhux bħas-soltu. In-nies mhux komdi u mbeżża’. Għalhekk ħadt id-deċiżjoni li għalissa ma ndoqqx aktar live,” insista J Joy.

Kien hawn li insista li filwaqt li l-ekonomija hija importanti, is-saħħa tan-nies mhux b’inqas u t-tnejn li huma jridu jaħdmu flimkien.

Kien għalhekk li saħaq li sakemm kulħadd iżomm u jirrispetta l-miżuru ta’ mitigazzjoni bħad-distanza soċjali, ma jarax għaliex in-nies għandhom mill-ġdid jissakkru d-dar.

“Jiena ċert li jekk kulħadd jikkopera, fi żmien xahar nerġgħu nikkontrollaw is-sitwazzjoni,” insista J JOY waqt li faħħar dawk il-clubs u anke lidos li fi tmiem il-ġimgħa li għadda mill-ewwel addattaw l-istabbilimenti u l-operat tagħhom skont ir-restrizzjonijiet ġodda li ħabbar il-Gvern.

Fil-fatt, J JOY saħaq mal-ILLUM li qed jaħdem ma’ ħbieb tiegħu barranin u anke ma’ sidien ta’ stabbilimenti f’Malta biex aktar clubs jaddattaw għal sistema ġdida, fejn, fi kliem sempliċi, kulħadd ikollu d-dancefloor tiegħu.

“Ma hemmx għalfejn nagħlqu l-bibien tal-clubs. Id-DJs jistgħu jkunu xorta waħda preżenti u jdoqqu chill-house. In-nies ikunu bilqiegħda ma’ mwejjed jew sufanijiet. Min irid jiżfen, jiżfen fid-dancefloor tiegħu flok ġo massa,” spjega. “Barra minn Malta ilu li daħal dan il-kunċett. Ma narax għalfejn ma nistgħux nagħmluh f’Malta wkoll.”

Anke jekk għad-DJs u forsi għas-sidien dan xorta waħda se jnaqqas xi ftit jew wisq mid-dħul tagħhom, Refalo insista li f’dan l-istadju ħadd ma jista’ jaħseb biss fih innifsu.

“Wara kollox kulħadd qed jagħmel is-sagrifiċċji,” temm jgħid id-DJ.

‘Il-clubs mhux l-agħar post fejn tista’ tkun bħalissa’

Il-gazzetta ILLUM tkellmet ukoll ma’ Joven Grech magħruf lokalment u internazzjonalment bħala Tenishia li fakkar kif f’dan il-perjodu mhux id-DJs biss tilfu x-xogħol tagħhom, iżda dawk kollha li jaħdmu fis-settur tad-divertiment.

Anke jekk Tenishia qal ċar u tond li ma jaqbilx li għalissa jiġu organizzati attivitajiet tal-massa, fl-istess ħin insista li l-clubs mhumiex l-aktar post perikoluż fejn tista’ tmur bħalissa.

Bdejna nitkellmu dwar l-esperjenza tiegħu matul dawn ix-xhur, bid-DJ internazzjonali jinsisti mal-ILLUM li ilu minn Frar li għadda bla xogħol.

“Allaħares ma kellix xi ħaġa taħt rasi,” insista Grech waqt li fakkar li s-settur tad-divertiment ma jimpjegax biss DJs, imma għadd ta’ ħaddiema oħra li x-xogħol tagħhom kollu huwa importanti. “Għidli jekk ma jkollok xejn taħt rasek minn fejn se tħallas għat-tfal, il-loans u elf ħaġa oħra?” staqsa Tenishia.

‘Sa tliet ġimgħat ilu ngħatat l-impressjoni ta’ business-as-usual’

Kien hawn li d-DJ fakkar li huma kienu l-ewwel nies li waqqfu l-ħidma u l-operat tagħhom u l-aħħar li reġgħu bdew jaħdmu.

Filwaqt li saħaq li l-ebda DJ jew organizzatur ma jrid li jorganizza xi attività b’dettriment għas-saħħa tan-nies, Grech insista li mhuwiex ġust li sa tliet ġimgħat ilu kien qed jintbagħat il-messaġġ ta’ “business-as-usuall” u f’daqqa waħda nbidel kollox ta’ taħt fuq.

“Attività ma tippjanahix mil-lum għall-għada. Trid mill-inqas xahar biex torganizzaha. Ħriġna l-flus, għad-disinn, ir-reklamar u f’daqqa waħda se nerġgħu nieqfu,” insista Grech. “Vera li għadek tista’ topera imma ħafna waqqfu għax mhux worth-it.”

‘Ma tistax titfa’ kollox f’keffa waħda ... fi club il-massa tista’ tikkontrollaha’

Kien hawn li appella biex l-attivitajiet ma jintefgħux kollha f’keffa waħda għax fi kliemu ma tistax tħallat attività li għaliha se jattendu 40,000 ruħ ma’ party fi club għal 200.

Bl-istess mod insista li wieħed lanqas ma jista’ jħallat party fi club ma’ party fuq barra jew inkella marċ tal-festa.

“Fi club kollox huwa kkontrollat. Il-massa fi club hija kkontrollata. Għandek bieb. Jista’ jinżamm limitu u jistgħu jittieħdu d-dettalji ta’ dak li jkun. Il-clubs mhux l-agħar post fejn tista’ tkun bħalissa,” insista Grech waqt li kkritika l-miżura biex anke jekk fi club, il-gruppi ta’ persuni miġbura f’salt ikunu limitati għal 10 persuni. “Ma naħsibx li din se taħdem. Fl-istess ħin minix espert u lanqas tabib,” kompla jinsisti.

Joven Grech saħaq ukoll li lanqas ma jagħmel sens li jkollok ristorant jew inkella bar li jwaqqaf DJ milli jmur idoqq iżda fl-istess ħin jibqa’ jiftaħ għan-nies. “Id-DJs mhux il-problema,” kompla jgħid. “Wara kollox f’ristorant jew f’lido n-nies mhux se jintefgħu ġo massa jiżfnu.”

‘Il-miżuri tajbin iżda ma jistgħux ikunu drastiċi’

Iddeskriva s-sitwazzjoni li għaddejin minnha bħalissa bħala “sikkina taqta’ miż-żewġ naħat.”

Fi kliemu ma tridx li jkollok nies li jimirdu jew allaħares qatt imutu iżda lanqas ma tista’ tħalli n-nies jitilfu x-xogħol tagħhom. 

“Jekk nibqgħu ma nsibux vaċċin in-nies ma jistgħux jibqgħu ma jaħdmux,” saħaq Tenishia. “Iva hemm bżonn li jkun hemm miżuri iżda ma jistgħux ikunu miżuri drastiċi li jitfgħu kull attività f’keffa waħda.”

Insista li jekk in-nies mhux se jmorru fi club, xorta waħda qed imorru fuq il-bajjiet jew inkella fil-vilel u l-farmhouses jagħmlu l-parties tagħhom.

“Nerġa’ ngħid. Ma naqbilx mal-attivitajiet tal-massa iżda clubs xorta oħra. Fi club tista’ tikkontrolla l-massa,” temm jgħid Grech.

‘Il-problema hija l-infurzar ... f’xahar ħadd qatt ma ġie jiċċekjana’

Id-DJ popolari Carlo Gerada saħaq li waħda mill-akbar problemi mhijiex li l-istabbilimenti tad-divertiment mhux qed jimxu mar-regolamenti, iżda li ma hawnx biżżejjed infurzar.

Fi kliemu, fix-xahar li kien reġa’ beda jdoqq f’wieħed mill-clubs ewlenin “ħadd qatt ma ġie jiċċekjana.”

Mistoqsi kif affetwatu l-imxija tal-COVID-19, Gerada ddeskriva dan il-perjodu bħala żmien ta’ inċertezza kemm għalih u anke għall-kollegi tiegħu.

“Kuntenti li almenu aħna, anke jekk għal xahar biss, stajna nagħmlu xi ħaġa. Ħaddieħor ma għamel xejn. Imma xorta affetwatna ħafna, speċjalment għalina li dan huwa d-dħul ewlieni tagħna. Aħna mhux clubs u parties biss ikollna. Hemm ukoll it-tiġijiet u l-attivitajiet privati. Katina waħda. Qisna bla xogħol,” spjega mal-ILLUM Gerada.

Anke jekk dan huwa x-xogħol tiegħu, Gerada qal li ma jaħsibx li f’dan l-istadju l-attivitajiet tal-massa huma ideali, sakemm ma jkunux ikkontrollati.

‘Aħna qed naqilgħu kollox ... il-Gvern kellu jerfa’ ftit ir-responsabbilità

Insista li jiddispjaċih biss il-fatt li t-tort kollu fl-aħħar jiem intefa’ fuq l-organizzaturi u d-DJs.

“Aħna qed naqilgħu kollox. Kont nippretendi li l-Gvern jerfa’ ftit ir-responsabbilità u almenu jispjega d-deċiżjoni tiegħu li jiftaħ l-attivitajiet,” kompla jisħaq.

Kien hawn li fakkar li l-organizzaturi u anke d-DJs kienu responsabbli biżżejjed li meta l-affarijiet inbiddlu waqqfu l-attivitajiet. “Fil-verità stajna bqajna għaddejin. Ma konnha nkunu qed nagħmlu xejn kontra l-liġi,” insista Gerada.

‘Anke mill-ajruport deħlin in-nies ... ma hemmx biżżejjed kontrolli’

Kompla jisħaq ukoll li l-attenzjoni ma għandhiex tkun biss fuq il-clubs u l-parties.

“Mill-ajruport qed jidħlu ħafna nies u ma nafux x’għandhom. Mhux biżżejjed tiċċekkja d-deni. Ma naqbilx li titfagħhom ġimgħa kwarantina imma almenu jkun hawn fast-testing malli jaslu,” insista.

‘Aħna ftaħna bil-miżuri f’moħħna ... imma infurzar ma hawnx’

L-ILLUM staqsietu jekk hemmx reżistenza mill-clubs u l-istabbilimenti tad-divertiment biex jaddottaw sistema ġdida ta’ kif joperaw biex isiru jixbħu aktar il-lidos u l-lounges. Gerada insista li ma hemm l-ebda reżistenza.

“Ħa nitkellem fuqi. Meta aħna ftaħna, għamilna dan bil-miżuri f’moħħna. X’ġara? Tara party minnhom li qed isegwi l-miżuri u ħaddieħor li fetaħ u kulħadd jagħmel li jrid. Meta tara hekk bla ma trid tillaxka,” insista Gerada.

Kien hawn li saħaq li waħda mill-problemi li hawn hija n-nuqqas ta’ infurzar. Fi kliemu, f’xahar, ħadd qatt mar jispezzjona.

“Infurzar ma hawnx. Issa kulħadd fil-farmhouses jorganizza l-parties,” insista.

‘Hotel Takeover ... l-uniku party li minn jeddu ħa d-dettalji tal-persuni kollha’

Hawnhekk, Gerada għamel referenza għall-party Hotel Takeover li qajjem kontroversja sħiħa minħabba li beda mewġa ta’ każi ġodda.

Insista li anke jekk huwa minnu li żviluppaw każi minn dan il-party, jibqa’ l-fatt li kien l-uniku party li kellu d-dettalji tal-persuni kollha li kienu hemm, inkluż it-temperaturi.

“Jiena hemm kont. Kull ħarġa u daħla ħadulna d-dettalji tagħna. Il-contact tracing seta’ jsir aktar faċli minħabba li ttieħdet din il-miżura. Dan qabel mal-Gvern għamel din il-miżura mandatorja għal kull avveniment tal-massa,” temm ifakkar id-DJ.

More in Socjali