Is-Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu jiġbor il-fondi għall-familja Pace

Miriam Pace kienet devota tal-Madonna tal-Karmnu u kienet tiffrekwenta ħafna s-Santwarju tagħha fil-Belt Valletta

Il-Komunità Karmelitana li t-tmexxi s-Santwarju Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu ħejjiet post fl-istess Knisja biex jinġabru fondi għall-familja Pace, li lbieraħ spiċċaw b'ta fuqhom senduqhom wara li ġġarfet id-dar tagħhom, bl-omm, Miriam Pace, tispiċċa mirduma bla ħajja.

Fi stqarrija, il-Pirjol u r-Rettur tas-Santwarju, Patri Alex Scerri O.Carm, appella għat-talb għal Miriam u l-familja Pace.

Il-Komunità Karmelitana ħejjiet post apposta fis-Santwarju għal dawk kollha li jixtiequ jgħinu finanzjarjament lill-familja. Wieħed jista' jħalli wkoll affarijiet materjali, bħal ikel u ħwejjeġ.

Intant, għada, il-ġurnata tal-Erbgħa, is-Santwarju Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu, li kien ħafna għal qalb Miriam, se jkun miftuħ il-ġurnata kollha għal dawk kollha li jixtiequ jmorru jitolbu quddiem ix-xbieha tal-Madonna, li tagħha, Miriam kienet tant devota.

Intant, anke l-Minority Leader tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta Christian Micallef ħabbar li nieda inizjattiva ta’ għajnuna għall-familja Pace, b'appell lill-kumpaniji kummerċjali biex jgħinu u jagħtu kontribut lejn dan l-għan.

More in Socjali