Jagħlaq il-50 sena b’ġest li jista’ jsalva ħajja

 Minflok festa tradizzjonali, Angele Pizzuto u żewġha René se jiċċelebraw għeluq il-50 sena tiegħu b’ġurnata ta’ donazzjoni tad-demm fil-5 ta’ Settembru, bl-għan li jinġabru 50 borża demm u fl-istess ħin jinġabru fondi b’risq Hospice Malta. 

Għal ħafna, għeluq il-50 sena jfisser festa, ikla mal-familja jew ċelebrazzjoni mal-ħbieb. Għal René u martu Angele Pizzuto, iżda, dan it-tragward se jkun immarkat b’mod differenti, b’inizjattiva li tista’ tagħmel differenza konkreta fil-ħajja ta’ persuni oħra. 

Fil-5 ta’ Settembru, huma qed jorganizzaw ġurnata ddedikata għad-donazzjoni tad-demm, bl-għan li jinġabru 50 borża demm – waħda għal kull sena li René se jkun qed jagħlaq. 

L-idea twieldet mix-xewqa li dan il-jum ma jkunx sempliċement ċelebrazzjoni personali, iżda okkażjoni li minnha jibbenefika ħaddieħor. 

Għalihom, ftit hemm rigali li jistgħu jqabblu ma’ dak li wieħed jagħti meta jagħti d-demm. “Ma naħsibx li hawn xejn isbaħ u ta’ aktar sodisfazzjon milli tagħti rigal li jista’ jagħti l-ħajja lil ħaddieħor,” spjegaw. 

Esperjenza personali li tat aktar tifsira lill-inizjattiva 

Il-valur tad-donazzjoni tad-demm mhuwiex xi ħaġa astratta għall-koppja. Huma jafu mill-qrib kemm borża demm tista’ tkun kruċjali għal persuna li tkun għaddejja minn mument diffiċli. 

Binhom stess, Andrea kellu bżonn id-demm wara intervent mediku, esperjenza li kompliet issaħħaħ il-konvinzjoni tagħhom dwar kemm id-donaturi huma essenzjali. 

Għalihom, meta persuna tkun għaddejja minn operazzjoni jew minn kundizzjoni medika li teħtieġ trasfużjoni, tista’ tiddependi propju fuq dik il-borża demm li xi ħadd, ħafna drabi barrani għalkollox, ikun għażel li jagħti minn rajh. 

Huwa għalhekk li din l-inizjattiva hija aktar minn sempliċi mod oriġinali kif wieħed jiċċelebra għeluq sninu. Warajha hemm ukoll esperjenza personali u sens qawwi ta’ gratitudni. 

“Tibżax tagħmel l-ewwel pass” 

Wieħed mill-għanijiet tal-ġurnata huwa wkoll li jitħeġġu dawk li qatt ma taw demm qabel. 

Il-messaġġ tagħhom hu wieħed sempliċi: tħallix il-biża’ żżommok lura

Huma jħeġġu lil dawk li forsi ilhom jaħsbuha biex jagħmlu l-ewwel pass, imorru jagħtu d-demm u jaraw huma stess kemm il-proċess jista’ jkun wieħed sempliċi, filwaqt li l-ġest tagħhom jista’ jkun ta’ valur enormi għal persuna oħra. 

Il-preparamenti għal din l-inizjattiva ilhom għaddejjin għal xhur. Il-ħidma bdiet meta René kien għadu ta’ 49 sena, b’kuntatti u koordinazzjoni man-National Blood Donation Centre, sabiex l-idea setgħet tinbidel f’ġurnata organizzata b’mod konkret. 

Issa, hekk kif il-5 ta’ Settembru qed joqrob, ix-xewqa tagħhom hija waħda ċara: li jintlaħaq l-għan ta’ 50 borża demm

Mhux biss donazzjoni, iżda ġurnata għal kulħadd 

Min jattendi dakinhar mhux se jsib biss opportunità biex jagħti d-demm. L-organizzaturi jridu joħolqu atmosfera ta’ festa u komunità, biex dawk li jmorru jkunu jistgħu jqattgħu ftit ħin flimkien u fl-istess waqt ikunu parti minn kawża tajba. 

Fost l-attivitajiet ippjanati hemm ukoll ġbir ta’ fondi b’risq Hospice Malta, flimkien ma’ ikel, xorb u affarijiet oħra biex il-ġurnata jkollha atmosfera aktar sabiħa u miftuħa għall-familji u l-ħbieb. 

Għal Angele u René, inizjattivi bħal dawn jistgħu jagħmlu differenza propju għax jgħaqqdu lin-nies madwar għan wieħed: li jgħinu lil min ikun fil-bżonn. 

U għal dawk li għadhom qed jaħsbuha jekk għandhomx imorru fil-5 ta’ Settembru, l-istedina tagħhom hija ċara: agħmlu l-ewwel pass

Għax kultant, dak li għal persuna jkun ftit minuti minn ġurnata tagħha, għal ħaddieħor jista’ jfisser ferm aktar. 

Din id-darba, il-50 xemgħa mhux se jkunu l-aktar ħaġa importanti tal-festa. L-għan hu li minflokhom ikun hemm 50 borża demm – u, magħhom, 50 ġest ta’ solidarjetà li jistgħu jagħtu tama lil min l-aktar għandu bżonnha. 

 

More in Socjali