Bejn il-pika u r-rispett: kif iż-żgħażagħ qed jgħixu r-rivalità tal-festa

Ir-rivalità bejn il-każini ilha għal snin marbuta mal-festi Maltin, iżda kif qed tinbidel fost il-ġenerazzjoni żagħżugħa? Owen Abela, żagħżugħ ta’ 24 sena minn Ħal Għaxaq, jitkellem dwar il-pika, il-midja soċjali, is-sagrifiċċju tal-voluntiera u l-linja fina bejn il-kompetizzjoni u r-rispett. 

F’lokalità fejn il-festa mhix sempliċement ġimgħa fis-sajf iżda ħidma mifruxa fuq sena sħiħa, il-kelma “rivalità” għandha tifsira partikolari. Għal Owen Abela, żagħżugħ ta’ 24 sena minn Ħal Għaxaq u dilettant tal-festa ta’ San Ġużepp, ir-rivalità ma tfissirx biss min se jagħmel l-akbar wirja jew min se jiġbed l-aktar attenzjoni. Hija, fuq kollox, dik il-pika li timbotta lill-voluntiera biex sena wara sena jippruvaw itejbu dak li jkunu għamlu qabel, però dejjem b’rispett.  

Abela jaf sew xi tfisser il-ħidma waqt il-festa. Għal żmien kien parti mill-kumitat taż-żgħażagħ, filwaqt li llum jagħti sehmu fil-qasam tan-nar tal-art. Minn din il-perspettiva, huwa jara r-rivalità bħala element li għadu importanti biex iżomm l-interess ħaj fost id-dilettanti u l-partitarji. 

“Ir-rivalità fil-festa għalina tfisser sens ta’ pika biex dejjem ittejjeb fuq dak li tkun għamilt fis-snin ta’ qabel u dejjem tkun aħjar,” jgħid. 

Fil-fehma tiegħu, din il-kompetizzjoni għandha wkoll funzjoni importanti fil-ħajja tal-komunità. Mingħajr dak is-sens ta’ stennija u ta’ sfida bejn il-partitarji, jgħid Abela, jista’ jintilef parti mill-entużjażmu li jżomm il-festa miexja minn ġenerazzjoni għall-oħra. 

“Għadha importanti ferm biex l-interess jibqa’ jbaqbaq bejn id-dilettanti u l-partitarji. B’hekk il-festa u l-komunità jibqgħu ħajjin u jħarsu ’l quddiem.” 

Rivalità li tinbidel f’enerġija 

Għaż-żgħażagħ, iżda, ir-rivalità ma tibdiex u tispiċċa fil-jiem tal-festa. Abela jispjega kif dik il-pika tiġi trasformata f’enerġija li twassal għal inizjattivi u attivitajiet tul is-sena kollha. 

Il-gruppi taż-żgħażagħ mhux biss ikunu involuti fit-tħejjijiet għall-ġranet prinċipali tal-festa, iżda jorganizzaw attivitajiet biex jinġabru l-fondi u, fl-istess waqt, iżommu l-ħajja fil-każin. 

“Aħna ż-żgħażagħ nibdlu dik ir-rivalità f’enerġija biex noħolqu bosta attivitajiet matul is-sena kollha, kemm biex ngħinu fil-ġbir tal-flus, kif ukoll biex inżommu l-każin ħaj.” 

Hawnhekk tidher waħda mill-bidliet ewlenin fil-mod kif tiġi esperjenzata r-rivalità mill-ġenerazzjoni żagħżugħa. Il-pika tibqa’, iżda ma tibqax neċessarjament marbuta ma’ konfront dirett. Minflok, issir motivazzjoni biex jinħoloq aktar, jinġabru aktar nies u tissaħħaħ l-attività fil-komunità tal-każin. 

Il-midja soċjali: palk ġdid għall-botti 

Ma jistax jonqos ukoll l-effett tal-midja soċjali. Jekk fl-imgħoddi l-botti bejn il-partitarji kienu jsiru fit-toroq, fil-pjazez jew fil-każini, illum parti minn din ir-rivalità għaddiet ukoll fuq l-iskrin tal-mowbajl. 

Skont Abela, dan mhux bilfors ifisser li r-rivalità saret aktar aggressiva. Għall-kuntrarju, ħafna drabi l-midja soċjali tintuża għal botti ċajtiera u indiretti li jżommu l-interess għaddej. 

“Permezz tal-midja soċjali qed naraw aktar botti ċajtiera biex naqbdu ma’ xulxin, u hekk l-interess jibqa’ jiżdied.” 

Huwa jemmen ukoll li hemm differenza bejn ir-rivalità ta’ dari u dik tal-lum. Filwaqt li qabel il-botti setgħu jieħdu xejra aktar personali, illum ħafna minnhom huma mmirati b’mod aktar ġenerali lejn il-partitarji tal-każin oppost. 

“Naħseb li nbidlet xi ftit bħala tifsira. Qabel kienet aktar botti personali, filwaqt li llum issir aktar indirettament lejn il-partitarji kollha, dejjem b’rispett meqjus.” 

Festa “kompluta” f’raħal żgħir 

Meta jitkellem dwar dak li jagħmel il-festa ta’ Ħal Għaxaq differenti, Abela jelenka l-elementi li, għalih, jagħmlu din il-festa waħda kompluta: in-nar, l-armar, il-briju, il-banda, id-devozzjoni, is-sorpriżi u l-attivitajiet kbar li jiġu organizzati mill-każin. 

Isemmi wkoll il-kunċerti b’artisti internazzjonali li matul is-snin saru parti mill-programm tal-festa, iżda fuq kollox jiġbed l-attenzjoni lejn l-iskala tal-ħidma meta mqabbla mad-daqs tal-lokalità. 

“Trid iżżomm f’moħħok li dan kollu jsir b’popolazzjoni ta’ inqas minn 5,000 ruħ, li jerġgħu jinqasmu bejn żewġ każini.” 

Għalih, dan jagħmel il-livell ta’ impenn aktar impressjonanti. Il-ħidma tad-dilettanti Għaxqin lanqas ma tieqaf mal-festa tagħhom stess. Bosta minnhom jagħtu sehemhom ukoll f’festi oħra, partikolarment fil-qasam tan-nar tal-ajru u tal-art. 

Abela jfakkar ukoll fis-suċċessi miksuba barra minn Malta, fosthom unuri f’kompetizzjoni internazzjonali tan-nar tal-ajru fi Spanja fl-2010 — xhieda, jgħid, tal-livell ta’ xogħol u sengħa li joħorġu minn komunità relattivament żgħira. 

Il-linja li ma għandhiex tinqabeż 

Imma kemm tista’ tasal il-pika? 

Għal Abela, il-linja bejn il-kompetizzjoni u l-eċċess hija ċara: ir-rispett għandu jibqa’ hemm dejjem. Dan ir-rispett, jgħid, jinħass b’mod partikolari bejn dawk li jkunu jafu minn xiex jgħaddi volontier biex jipprepara festa. 

“Ir-rispett minn dejjem kien hemm u jibqa’ hemm, speċjalment bejn id-dilettanti li jaħdmu sena sħiħa għall-festa, għax ilkoll kemm aħna nafu s-sagrifiċċju u l-ħin li jirrikjedi dan ix-xogħol volontarju.” 

Hija realtà li ħafna drabi tintilef qalb il-bnadar, il-marċi, il-logħob tan-nar u l-botti bejn iż-żewġ naħat. Wara kull spettaklu hemm sigħat twal ta’ xogħol, voluntarjat, u nies li jagħtu l-ħin liberu tagħhom biex iżommu tradizzjoni ħajja. 

U huwa proprju dan l-għarfien komuni li, skont Abela, jagħmel ir-rispett bejn id-dilettanti possibbli anke meta r-rivalità tkun fl-aqwa tagħha. 

“Wara kollox, meta jkun hemm bżonn dejjem ningħaqdu flimkien, għax hekk inkunu aktar b’saħħitna.” 

Forsi hija proprju din il-frażi li tiġbor l-aħjar il-mod kif ġenerazzjoni ġdida qed tħares lejn ir-rivalità tal-festa. Il-pika tibqa’ hemm. Il-botti jibqgħu hemm. Ix-xewqa li tkun aħjar mill-oħrajn tibqa’ parti mill-identità tal-festa. 

Iżda taħt kollox hemm ukoll għarfien li l-istess żewġ naħat qed jaħdmu biex iżommu ħajja tradizzjoni waħda — dik tal-festa Maltija. U f’Ħal Għaxaq, fejn żewġ każini jaqsmu bejniethom komunità mimlija entużjażmu, il-kompetizzjoni tista’ tkun qawwija mingħajr ma jintilef ir-rispett.  

 

More in Socjali