Il-Pulizija tarresta 60 persuna li allegatament instigaw il-protesta f'Ħal Far

Fl-istess waqt huwa qal li fl-aħħar sentejn saru diversi laqgħat ma’ rappreżentanti tal-ħaddiema li anke wasslu għal ftehim kollettiv ġdid 

Fi stqarrija il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia spjega li l-Pulizija arrestat mas-60 persuna li nstigaw il-protesta vjolenti li qamet ilbieraħ filgħaxija fiċ-Ċentru Miftuħ ta' Ħal Far.

"Il-ħidma bdiet matul il-lejl u kompliet dalgħodu, il-pulizija wettqet l-investigazzjonijiet tagħha u eventwalment arrestat mas-60 persuna li allegatament instigaw dawn l-inċidenti." Żied jgħid li l-inċident qam wara li immigrant prova jidħol fiċ-Ċentru Miftuħ xurban, kontra r-regoli tal-istess ċentru.

"Filwaqt li grupp żgħir ta’ immigranti nstigaw irvellijiet li nferxu fost 300 persuna, numru konsiderevoli ieħor ta’ immigranti ma ħadux sehem bl-ebda mod," qal il-Ministru.

Il-Ministeru rringrazzja lill-ħaddiema tal-Aġenzija għall-Ħarsien ta’ Persuni li Jfittxu l-Ażil (AWAS) u lill-forzi tal-ordni għax-xogħol tagħhom filwaqt li jesprimi solidarjetà ma’ dawk li sofrew danni materjali jew fiżiċi.

Fl-istess waqt huwa qal li fl-aħħar sentejn saru diversi laqgħat ma’ rappreżentanti tal-ħaddiema li anke wasslu għal ftehim kollettiv ġdid u għal investiment f’aktar riżorsi umani. Apparti minn hekk, ġie miftiehem li għada ssir laqgħa bejn il-GWU, l-amministrazzjoni tal-AWAS u l-ministeru biex ikunu diskussa aktar dettalji speċifiċi.

More in Socjali