Malta fost il-pajjiżi li għandhom l-iktar barranin jaħdmu għal rashom

 Kemm jekk mill-Unjoni Ewropea u kemm jekk minn pajjiż terz, Malta għandha fost l-ogħla rati ta' immigranti li jaħdmu għal rashom

Il-ħaddiema barranin f'Malta saru komuni ħafna, forsi għax l-ekonomija sejra tajjeb u għax il-previżjonijiet huma pożittivi. Iżda l-barranin mhumiex qegħdin jiġu jaħdmu f'Malta biss għaliex isibu s-sodda mifruxa f'ċerti setturi, l-aktar ovvji dawk tal-ospitalità u d-divertiment. Skont statistika riċenti ppubblikata mill-Eurostat, Malta għandha fost l-ogħla rati ta' ħaddiema barranin li huma self-employed, jiġifieri li jaħdmu għal rashom.

Fil-fatt, fost il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, Malta għandha r-raba' l-ogħla rata ta' ħaddiema minn pajjiżi terzi (jiġifieri barra mill-UE) li għandhom in-negozju tagħhom, u anke t-tieni l-ogħla rata ta' ħaddiema self-employed li ġejjin minn pajjiżi oħra membri.

Skont l-istess ċifri, 19.5% tal-persuni f'Malta li ġejjin minn pajjiżi terzi u li għandhom bejn l-20 u l-64 sena, għandhom in-negozju tagħhom, bl-Ungerija, ir-Repubblika Ċeka u s-Slovakkja biss b’rata ogħla minn dik ta' Malta.

Minn eżerċizzju li kienet għamlet il-gazzetta ILLUM, permezz tal-aħħar ċifri u statistika żvelata fil-Parlament kif ukoll mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, kien irriżulta li sa Diċembru tal-2017, f'Malta kien hawn 12,407 ħaddiema li kienu ġejjin minn pajjiżi terzi.

Dan ifisser li kieku wieħed kellu jqabbel dawn iż-żewġ statistiċi, bejn wieħed u ieħor f'Malta hawn madwar 2,400 immigrant li ġejjin minn pajjiż terz u li jaħdmu għal rashom.

Jekk wieħed iħares lejn dawk il-persuni f'Malta (tal-istess età) li ġejjin minn pajjiżi oħra membri tal-Unjoni Ewropea, jirriżulta li 20.3% minnhom huma self-employed. Jekk l-ammont ta' ħaddiema f'Malta li ġejjin minn pajjiż membru ieħor jammonta għal 30,564, skont l-eżerċizzju tal-ILLUM, dan ifisser li madwar 6,200 minnhom jaħdmu għal rashom.

Jaħdmu għal rashom jew le jibqa' l-fatt li skont rapport tal-Kummissjoni Ewropea, 63% tal-Maltin jibqgħu jaħsbu, u jemmnu, li l-barranin qed jeħdulhom xogħolhom.

Ftit biss jimpjegaw lin-nies magħhom

Il-kategorija ta' dawk li jaħdmu għal rashom tista' tinqasam fi tnejn: dawk li jħaddmu lin-nies u dawk li letteralment jaħdmu waħedhom. Skont l-istatistika, il-maġġoranza tal-ħaddiema barranin, kemm jekk ġejjin minn pajjiżi membri u kemm jekk ġejjin minn pajjiżi terzi, ma jħaddmux nies magħhom.

Mill-banda l-oħra, is-self-employed li ġejjin minn pajjiż ieħor tal-UE jħaddmu aktar nies magħhom minn dawk li ġejjin minn pajjiż terz, sintendi, meta wieħed jeskludi l-Maltin li jaħdmu għal rashom.

Impjieg temporanju: Aktar Maltin milli barranin

F'din l-istess statistika, Malta spikkat ukoll fil-kategorija tal-ħaddiema li għandhom impjieg temporanju. Fost il-pajjiżi kollha membri tal-Unjoni Ewropea, ħlief f'ħamsa, ir-rata ta' dawk li għandhom impjieg temporanju kienet akbar fost il-ħaddiema barranin milli fost il-ħaddiema nattivi.

Madanakollu, dejjem skont il-Eurostat, Malta kienet waħda minn dawk il-ħames pajjiżi, flimkien mal-Kroazja, l-Estonja, l-Irlanda u l-Latvja, fejn ir-rata kienet l-eċċezzjoni. L-ammont tal-Maltin li għandhom impjieg temporanju kien akbar mill-ammont ta' ħaddiema barranin, anke jekk fil-każ ta' Malta d-differenza kienet żgħira.

Skont l-istatistika, huma 5.3% tal-ħaddiema Maltin li għandhom impjieg temporanju, filwaqt li l-perċentwal ta' ħaddiema barranin bl-istess tip ta' impjieg jammonta għal 5.1%.

Imma minn fejn ġejjin il-ħaddiema barranin f'Malta?

Din l-istatistika ma tidħolx fid-dettall ta' minn fejn ġejjin dawn il-ħaddiema barranin, kemm jekk mill-Unjoni Ewropea kif ukoll jekk minn pajjiżi terzi.

Madanakollu, ħarsa lejn ċifri żvelati fl-aħħar xhur u li kienu ġew analizzati mill-gazzetta ILLUM tista’ tindika n-nazzjonalitajiet li minnhom ġejjin il-ħaddiema barranin

B'kollox, f'Malta hawn 42,971 ħaddiem barrani. Meta wieħed jara dan fil-kuntest tal-popolazzjoni sħiħa, ifisser li ħaddiem minn kull 10 f'Malta huwa barrani.

It-Taljani, b'7,778, jiffurmaw l-akbar numru ta’ ħaddiema barranin li ġejjin mill-UE. Ġaladarba dawn ġejjin minn pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea għandhom id-dritt awtomatiku li jiġu u jaħdmu f'Malta.

Apparti dawn, mill-Unjoni Ewropea, hawn 1,090 Franċiż, 1,298 Ġermaniż, 1,592 Ungeriż, 1,844 Rumen, 1,230 Spanjol u 1,359 Żvediż, fost oħrajn.

Intant, fost it-12,407 ħaddiema li ġejjin minn barra l-UE, l-akbar ammont ġej mill-Filippini. Sal-aħħar tas-sena li għaddiet Malta kellha 2,413-il ħaddiem minn dan il-pajjiż.

It-tieni l-akbar komunità ta’ ħaddiema f’Malta minn pajjiżi terzi huma s-Serbi b’2,329 persuna filwaqt li qed tikber ukoll il-komunità Indjana, li tgħodd mad-922.

Ma nistgħux ma nsemmux ukoll il-fatt li d-domanda għall-ħaddiema barranin f'Malta mbassra li se tkompli tikber, tant li skont iċ-Ċermen Eżekuttiv ta' Jobsplus, Clyde Caruana, sa ħames snin oħra 30% tal-ħaddiema f'Malta se jkunu barranin.

Tant hu hekk li bħalissa l-istess aġenzija tinsab f'negozjati ma' pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea sabiex jinġiebu aktar ħaddiema barranin lejn Malta.

More in Socjali