‘Hawn tfal li jiġu l-iskola biss għax inkella jingħataw ċitazzjoni’
Il-President tal-MUT Kevin Bonello, f'intervista qal li ħafna tfal qed imorru l-iskola biss biex ma jingħatawx multa
More in Socjali
Il-President tal-MUT Kevin Bonello, f'intervista qal li ħafna tfal qed imorru l-iskola biss biex ma jingħatawx multa
F'intervista mal-gazzetta ILLUM, il-President tal-MUT Kevin Bonello, qal li l-sistema edukattiva, mhix taqdi l-bżonnijiet tal-maġġoranza tal-istudenti, “fis-sens li din taqdi biss lil madwar 35% tagħhom li huma iktar orjentati lejn il-lat akkademiku, u dawk li iktar huma interessati fl-applikat u l-vokazzjonali, m’aħniex nilħquhom.”
Sforz ta’ din is-sistema, ikompli jgħid Bonello, qed ikun hemm numru ta’ effetti fosthom li t-tfal qed imorru l-iskola ta’ bilfors, sabiex ma jingħatawx multa.
“Għandek ħafna tfal, li mhu jinteressahom xejn minn dak li jiġri l-iskola u qed jiġu ta’ bilfors għaliex inkella, jingħataw iċ-ċitazzjonijiet. Anke dik wieħed jista’ jiddibatti jekk kinitx xi ħaġa għaqlija li tiddaħħal,” jinsisti Bonello. “Vera li l-istudenti qed imorru l-iskola, imma t-tfal li ma jridux jafu bi skola, qed jiġu għax bilfors, qed jinterrompu u jdejqu lil kulħadd, u qed jagħmlu minn kollox biex jitkeċċew u jiġu sospiżi.”
‘Qed nippretendu li l-għalliema jagħmlu l-mirakli’
Il-President tal-MUT kompla jitkellem dwar il-problemi li jaffaċjaw l-istudenti meta jkunu ilhom neqsin mill-iskola minħabba li kienu jfallu, u saħansitra jsostni li kien hemm studenti li fallew snin sħaħ minħabba li ma kien hemm l-ebda riperkussjoni marbuta mal-attendenza. “Meta dawn l-istudenti mbagħad jidħlu lura l-iskola biex ma jaqilgħux iktar multi,” jgħid Bonello, “u jidħlu fis-sena tagħhom skont l-età minkejja li jkunu tilfu s-snin, ovvjament ma jkunux jistgħu jlaħħqu mas-sena li jkunu fiha. U dan għaliex m’għadhiex teżisti s-sistema li student jirrepeti sena jekk ma jgħaddix mill-eżamijiet. “Allura x’jiġri? Indaħħluhom fis-sena tagħhom, nippretendu li l-għalliema jagħmlu l-mirakli. Li jiġri mbagħad hu li jinqalgħu l-problemi, u l-kaos, l-MUT tagħti d-direttivi, u hemmhekk forsi jinħoloq xi programm, bħalma kien inħoloq fil-Ħamrun xi snin ilu.”
1,147 ġenitur imressaq il-Qorti għax uliedhom ma marrux l-iskola
Dan jiġi fid-dawl ta' mistoqsija parlamentari iktar kmieni din il-ġimgħa li wriet kif 1,147 ġenitur li t-tfal tagħhom imorru l-iskejjel tal-Gvern, tressqu l-Qorti minħabba li ma bagħtux lill-uliedhom l-iskola. Fil-Parlament, għad-domanda tad-Deputat Etienne Grech, il-Ministru Evarist Bartolo qal li dan l-ammont ta' ġenituri kien biss matul is-sena skolastika li għaddiet. Minn dawn, 379 kellhom it-tfal fl-iskola Primarja, waqt li 768 fi skejjel sekondarji.