Ta' 95 sena, wara maratona fl-Istrina, tagħti darha biex issir xelter għan-nisa

Inawgurata uffiċjalment ‘Dar Maria Dolores’ – xelter ta’ emerġenza għal nisa vulnerabbli

Maria Dolores ta' 95 tirrispondi t-telefonati fl-Istrina ritratt: IRIS
Maria Dolores ta' 95 tirrispondi t-telefonati fl-Istrina ritratt: IRIS

Kulħadd seta' jammira l-kuraġġ u l-ħlewwa ta' Maria Dolores, jew aħjar Doris ta' 95 sena, li nhar it-Tnejn li għadda, waqt il-maratona ta' solidarjetà l-Istrina, għamlet maratona hi stess meta għamlet sigħat sħaħ tirrispondi t-telefonati. Dan il-ġest nobbli, ma kienx l-unika att ta' ġenerożità ta' Doris, hekk kif illum infetħet dar, imsemmija għaliha bħala xelter ta' emerġenza għan-nisa.

Din id-dar ġiet mogħtija mill-istess Maria Dolores Scerri, li kif kienet qalet fil-programm Xarabank, m'għad fadlilha ħadd f'ħajjitha, hekk kif il-ħbieb u l-familjari tagħha, kollha kienu mietu.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia inawgura uffiċjalment dan ix-xelter ta’ emerġenza għal nisa vulnerabbli b’investiment ta’ €52,000.

Dar Maria Dolores se tkun qed tilqa’ fiha nisa u anki f’ċertu każijiet, it-tfal, li jisfaw mingħajr saqaf fuq rashom f’ħin ta’ emerġenza.

Il-Ministru Farrugia qal illi meta f’Lulju li għadda infetaħ l-ewwel xelter ta’ emerġenza f'Malta; għall-ewwel darba l-Gvern, il-Knisja u s-Settur Privat waslu biex flimkien jaħdmu għal dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà tagħna. Dar Papa Franġisku kienet l-ewwel xaqq ta’ tama, illum dik it-tama mibdija, se tkompli tissaħħaħ.

Farrugia qal li kif kien imwiegħed f’Marzu li għadda, illum infetaħ dan ix-xelter biex joffri kenn lil nisa vulnerabbli. Din id-dar kienet mogħtija ġentilment bla kera lill-Fondazzjoni mis-Sinjorina Maria Dolores Scerri u r-rinnovazzjoni tal-post sar mill-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali.

Il-Ministru Farrugia spjega li l-istess kif jiġri fix-xelter tal-irġiel, kull min imur biex jagħmel użu minn dan ix-xelter, isib sodda, ikel u showers u l-aktar importanti, staff imħarreġ li jagħtihom garanzija u gwida. Il-jum ta’ wara, l-utenti tas-servizz jiltaqgħu mas-social worker tad-Dar,  isirilhom pjan ta’ kura u jiġu referuti għas-servizzi li għandhom bżonn.

More in Socjali