'Fl-imbrolji tal-flus inkun iebes iżda fl-iskandli tat-tfal inkun bla ħniena'

Tifla ta' 14-il sena li tattendi fi Skola Sekondarja fil-Ħamrun allegatament ġiet abbużata sesswalment minn studenti oħrajn bil-barka tal-għalliem

It-tifla ta' 14-il sena, li tattendi Skola Sekondarja fil-Ħamrun, qed tallega li ġiet abbużata sesswalment minn studenti oħra bil-barka ta' għalliem waqt li kienet għaddejja lezzjoni ta' suġġett partikolari. 

Din l-istorja li allegatament seħħet nhar it-Tlieta li għaddiet fi klassi fejn kien hemm mal-14-il student. L-omm qed tallega wkoll li meta marret l-Għassa tal-Ħamrun biex tirrapporta l-inċident, il-Kuntistabbli ma ħadilha l-ebda rapport għaliex qalilha li l-ewwel hemm bżonn taċ-ċertifikat mediku dwar l-allegat ġrieħi li sofriet l-istess tifla.

Dan żvelatu l-iNewsmalta fil-portal tagħha li anke bagħtet xi mistoqsijiet lil Ministeru tal-Intern u lil Ministeru tal-Edukazzjoni. Il-Ministeru tal-Intern s'issa ma ħareġ l-ebda stqarrija filwaqt li l-Ministeru tal-Edukazzjoni ħareġ stqarrija li fiha  serraħ ras il-pubbliku li ttieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiġu salvagwardjati l-interessi tal-partijiet involuti. Apparti hekk, il-Ministeru qal li huwa ġie informat li qed issir inkjesta Maġisterjali mill-Pulizija dwar dawn l-allegazzjonijiet. 

Sadattant Evarist Bartolo fuq il-facebook tiegħu dalgħodu kiteb dan il-post:

Jidwi f'widnejja l-kliem ta' ħabib:
"Inti Ministru tal-Edukazzjoni u Sport. Bħal kull ministru ieħor tiffaċċja mbrolji fil-flus u jinkwetawk. Iżda għandek piż iktar minn ministri oħra. L-iskejjel u n-nurseries tal-isport huma kalamiti għall-pedofoli. X'imkien qalb dawk l-eluf ta' ħaddiema żgur hemm l-ilpup. Id-dekasteru tiegħek jirrikjedi viġilanza doppja. Fl-imbrolji tal-flus kont inkun iebes iżda fl-iskandli tat-tfal kont inkun bla ħniena. Fil-pubbliku trid tfaħħar lill-edukaturi l-ħin kollu. Fil-privat trid toqgħod b'seba' għajnejn fuq it-tuffieħa l-ħażina."

More in Socjali