Ebda immigranti bil-baħar fl-2016

Problema solvuta? 

Minkejja li l-aħħar stħarriġ tal-opinjoni pubblika li sar mill-gazzetta MaltaToday, wera li l-immigrazzjoni hi waħda mill-iktar problemi li jippreokkupaw lill-poplu Malti, s’issa matul l-2016, in-numru ta’ immigranti li daħlu f’pajjiżna bil-baħar kien ta’ 0. Dan jikkuntrasta mal-ammonti li kellu pajjiżna fis-snin preċedenti, bl-ogħla numru jkun fl-2008 b’2,770 immigrant. In-numru kompla jonqos mas-snin bl-ammont ta’ immigranti li daħlu bil-baħar jinżel għal 590 fl-2014 u 40 matul is-sena li għaddiet.

Din l-informazzjoni ngħatat fil-parlament mill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela għal mistoqsija parlamentari tad-deputat Silvio Schembri.

Minkejja dawn il-figuri, ta’ min wieħed isemmi li minflok l-immigrazzjoni ssir b’modi illegali permezz tal-baħar, illum il-ġurnata ammonti ta’ immigranti jidħlu f’pajjiżna permezz ta’ mezzi legali. Dan jinkludi studenti li jibqgħu f’pajjiżna wara li jlestu mill-istudji tagħhom, nies li jiġu bl-ajru u oħrajn li jiġu fil-pajjiż minn Sqallija.

F’domandi parlamentari oħrajn ħareġ ukoll kif minn Jannar ta’ din is-sena s'issa, kien hemm 57 immigrant li ġew miżmuma fiċ-Ċentru ta’ Detenzjoni f’Ħal Safi. Fit-tweġiba tiegħu, il-Ministru Abela spjega kif dawn ikunu ddaħħlu f’dawn iċ-ċentri sa ma jsiru l-investigazzjonijiet neċessarji dwar dokumenti jew sakemm tinħareġ l-ordni ta’ tneħħija mill-Qorti sabiex dawn jitneħħew mill-pajjiż. Għaldaqstant, ikunu qegħdin jistennew fiċ-ċentru sakemm isiru l-arranġamenti neċessarji ta’ safar.

More in Socjali