Aktar spazji miftuħa u parkeġġ fil-Mosta

 Kumitat Tekniku konġunt bejn l-Arċidjoċesi ta’ Malta u Projects Malta Ltd 

Projects Malta Ltd tħabbar li ġie ffurmat il-Bord Tekniku b’rabta mal-proġett ta’ aktar spazji miftuħa u soluzzjoni għal parkeġġ fiċ-ċentru tal-Mosta. F'dan il-Bord se jkun hemm ukoll rappreżentant tal-Arċidjoċesi ta' Malta. 

Projects Malta appuntat lill-Perit Adrian Mifsud, Inġinier Ġeotekniku biex jirrappreżenta lill-Gvern fuq dan il-Bord. 

Filwaqt li l-Arċidjoċesi ta’ Malta min naħa tagħha nnominat lis-Sur Ray Bonnici, Property Manager tal-Kurja, biex iservi f’isimha fuq dan il-bord. 

L-għan ta' dan il-bord hu li ż-żewġ partijiet jiflu mill-qrib is-sottomissjonijiet li jista’ jkun hemm b’rabta mas-sejħa pubblika maħruġa minn Projects Malta Ltd. 

Sa mill-bidu nett, l-Arċidjoċesi ta’ Malta u Projects Malta Ltd qablu li jservu fuq dan il-Bord Tekniku li se jkun fornut bl-istudji tekniċi fuq is-sottomissjonijiet li jistgħu jidħlu. Il-qbil hu li kwalunkwe sottomissjoni tista’ tipproċedi biss ’l quddiem jekk dan il-bord tekniku jkollu f’idejh studji tekniċi li juru li kwalunkwe xogħolijiet li jsiru ma jħallu l-ebda impatt negattiv fuq ir-Rotunda tal-Mosta.

More in Socjali