Id-Dumnikani qed joffru l-kulleġġ tagħhom għall-użu tal-kommunità Musulmana

Filwaqt li l-Maltin l-oħra huma mdawrin b’opportunitatjiet ta’ qima bħala nsara, dawn il-persuni qed jiġu mċaħħda minn dak li għandu jkun tagħhom bi dritt

Fr Frans Micallef, il-provinċjal tad-Dumnikani f'Malta li jmexxi l-kulleġġ ta' St.Albert ħareġ stqarrija flimkien ma' Mario Mallia l-Kap tal-kulleġġ fejn saħaq li d-Dumnikani huma solidali mal-Kommunità Musulmana f'Malta, fejn anke wera tħassib dwar l-iskużi li qed jingħataw lil Musulmani li ma jingħatawx post fejn jitolbu.

"NInnutaw bi tħassib l-oġġezzjonijiet insistenti minn diversi kwartieri, kull meta komunitajiet musulmani jitolbu li jkollhom lok ta’ qima.   
Nagħmlu dawn l-osservazzjonijiet.  

1. L-oġġezzjonijiet ta’ ordni pubbliku u żieda fil-problemi ta’ parkeġġ, huma dubjużi u nkonsistenti għax ma jintużawx fil-konfront ta’ komunitajiet jew entitajiet oħra.  Huwa ovvju li dak li jgħodd għal xi wħud, ma jgħoddx għal oħrajn.  

2. Numru mdaqqas minn dawn il-Musulmani huma persuni li ma sabux spazju għal għixien dinjituż fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom.  B’ħasra kbira, mhux qed isibu l-ispazju li jixirqilhom fil-pajjiż li qed jilqagħhom. Ħarbu minn oppressjoni u sabu oħra.   

3. Filwaqt li l-Maltin l-oħra huma mdawrin b’opportunitatjiet ta’ qima bħala nsara, dawn il-persuni qed jiġu mċaħħda minn dak li għandu jkun tagħhom bi dritt.  Ir-riżultat ta’ dan huwa persuni mċaħħda mis-sors ta’ ndukrar u akkumpanjament permezz ta’ komunita` li għandha post fejn tiltaqa’, titlob u taqsam flimkien.   
Fil-Kulleġġ San Albert, ilqajna u nibqgħu nilqgħu tfal fid-diversita` kollha tagħhom, ikluż tfal musulmani.  Is-sens ta’ ospitalita` niċċelebrawh bħala parti integrali mill-identita` kristjana u umana tagħna.     
Fi din il-kontroversja li tifred u tiddiskrimina frott ta’ biża’ u preġudizzju, inħossu li bħala komunita` edukattiva ma nistgħux nibqgħu gallarija.  Ispirati mill-insistenza tal-Ordni Dumnikan li jagħmel il-ġustizzja u paċi iċ-ċentru tal-ħidma tiegħu, nixtiequ li b’mod tanġibbli, noffru lfaċilitajiet tal-kulleġġ għall-użu ta’ din il-komunita` musulmana mċaħħda.    

 "Nixtiequ nkunu sinjal konkret ta’ solidarjeta` u djalogu. Il-messaġġ ta’ Kristu għandu jiftaħna għall-oħrajn mhux jagħlaqna."

More in Socjali