Eurostat: Malta fost il-pajjiżi bl-orħos kontijiet tad-dawl fl-Unjoni Ewropea

Malta żammet prezzijiet medji tal-gass fid-djar baxxi ta’ €3.30 għal kull 100 kWh 

Skont informazzjoni maħruġa mill-Eurostat, Malta kienet fost il-pajjiżi bl-inqas prezzijiet medji tal-elettriku fid-dar €12.80/100 Kwh. 

Fid-dawl tal-gwerra tal-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, l-Unjoni Ewropea rat żieda qawwija fil-prezzijiet tal-elettriku u tal-gass fl-2022. Madankollu, statistika riċenti mill-Eurostat tindika li fit-tieni nofs tal-2023 ġie nnutat tnaqqis kemm fl-elettriku, kif ukoll  fil-kontijiet tal-gass f’diversi pajjiżi tal-UE. 

Il-prezzijiet medji tal-elettriku tad-dar fl-UE naqsu għal €28.5 għal kull 100 kWh fit-tieni nofs tal-2023, meta mqabbla ma’ €29.4 fl-ewwel nofs, żieda żgħira mit-tieni nofs tal-2022, fejn il-prezzijiet kienu ta’ €28.4 għal kull 100 kWh. Bl-istess mod, il-prezzijiet medji tal-gass għad-djar naqsu għal €11.3 għal kull 100 kWh fit-tieni nofs tal-2023, ’l isfel minn €11.9 fl-ewwel nofs. 

Fost il-pajjiżi tal-UE, 13 irrappurtaw tnaqqis fil-prezzijiet tal-elettriku tad-dar, filwaqt li l-bqija esperjenzaw żieda. Pajjiżi li kellhom l-ogħla rati ta’ tariffi jinkludu l-Ġermanja, l-Irlanda u l-Belġju, b’ċifri li laħqu €40.2, €37.9, u €37.8 għal kull 100 kWh, rispettivament. 

F’termini ta’ prezzijiet tal-gass, il-Litwanja rat l-akbar żieda, filwaqt li l-Greċja esperjenzat l-aktar tnaqqis. Id-Danimarka rrappurtat l-ogħla tnaqqis fil-prezzijiet tal-gass fost il-pajjiżi tal-UE, li jikkuntrasta maż-żieda fil-prezz tal-elettriku.  

Malta żammet prezzijiet medji tal-gass tad-dar relattivament baxxi, li kienu ta’ €3.30 għal kull 100 kWh, flimkien mal-Ungerija u l-Kroazja. Bil-maqlub, l-Iżvezja, l-Irlanda u l-Pajjiżi l-Baxxi kellhom l-ogħla prezzijiet tal-gass, u laħqu €20.7, €16.4, u €24.8 għal kull 100 kWh, rispettivament. 

 

 

More in Socjali