L-indafa fil-pajjiż kulħadd jaqbel magħha. Iżda biex il-pajjiż jinżamm nadif, kulħadd jeħtieġ jagħmel il-parti tiegħu, mhux l-inqas fl-immaniġġjar tal-iskart waqt proġetti ta’ kostruzzjoni madwar Malta u Għawdex.
Green MT, l-Iskema Nazzjonali għall-Ġbir tal-Iskart Riċiklabbli tfakkar li huwa l-obbligu tal-kuntratturi/sidien li waqt li jkunu qed jistallaw it-tagħmir meħtieġ fil-bini ġdid jew rinovat, jieħdu ħsieb li jiddisponu il-materjal tal-ippakkeġġjar b’mod korrett.
Każ ta’ stmerrija seħħ fl-aħħar jiem fi Triq J. Quintinus San Pawl il-Baħar, meta waqt xogħol ta’ kostruzzjoni u tagħmir ta’ binja ġdida, il-kaxxi tal-kartun tal-apparat elettroniku u materjal ieħor intrema bl-addoċċ mal-art mal-ġenb tal-binja u tħalla jakkumula għal jiem sħah (mehmuż ritratt) b’detriment għaż-żamma taż-żona u r-residenti tal-madwar. Dan apparti li xi nies irresponsabbli oħra bdew jarmu saħansitra boroż suwed tal-iskart għax ir-rokna saret miżbla.
Green MT, li bħala skema hija kkuntrattata tiġbor biss il-materjal riċiklabbli tad-djar minn San Pawl il-Baħar, bi qbil mal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, ħadet l-inizjattiva u naddfet iż-żona permess tal-kuntratturi tagħha (ritratt anness). Il-materjal inġabar kollu il-Ġimgħa filgħodu.
Green MT tiġbed l-attenzjoni li kuntratturi jew sub contractors li jkollhom dan it-tip ta’ materjal waqt xogħlijiet ta’ bini jew finishing ta’ binjiet għandhom jaraw li l-materjal riċikklabbli jinġabar minn waste carriers awtorizzati u jittieħed f’faċilitajiet approvati.
L-Iskema tħeġġeġ biex kulħadd jerfa’ r-responsabilita’ u jagħraf l-obbligi tiegħu billi jpoġġi l-immaniġġjar tal-iskart bħala prijorita’ fl-attivita’ ekonomika tiegħu għax b’hekk biss nistgħu inħallu l-pajjiż nadif.
Jidher li din l-azzjoni ttieħdet wara li dehru xi ritratti fuq il-ħarġa ta' dalgħodu tal-ġurnal l-Orrizzont