Fid-dawl tad-diskussjonijiet dwar l-ewtanasja, l-Alternattiva Demokratika jistqarru li l-pajjiż għadu fi stat prematur wisq biex tittieħed deċiżżjoni, iżda jisħqu li minflok għandha tiġi diskussa l-possibiltà li l-Maltin ikunu jistgħu jagħmlu ‘wirt bijoloġiku’.
“Wirt bijoloġiku,” jisħaq iċ-Chairperson tal-Alternattiva Demokratika, Arnold Cassola, “huwa mezz li permezz tiegħu, wieħed jista’ jiddikjara x’tip ta’ trattament jixtieq f’każ ta’ mard serju jew incident, u jekk jixtieqx li l-ħajja tiġi preżervata b’mod artifiċjali.”
Cassola spjega “li dan isir waqt li l-persuna għada fill-pussess totali tal-fakultajiet intelletwali tagħha.”
“B’dan il-mod, il-ħajja li kieku kella tasal fi tmiemha b’mod naturali, ma tinżamx preservata b’mezz ta’ makkinarji.” sostna Cassola.
Skont l-AD, l-ewtanasja hija bażikament suwiċidju assistit, filwaqt li b-‘wirt bijoloġiku’, wieħed ikun qiegħed konxjament jieħu responsabilità tad-deċiżżjoni li għandha tittieħed fl-evenjenza li minħabba mard jew incident ma jkunx possibli li jesprimi r-rieda mixtieqa dwar ħajjtu... u mewtu.
L-AD saħqet li bħalissa, pazjent konxju digà jista’ jirrifjuta trattament, u allura permess tal-‘wirt bijoloġiku’, l-istess kunċett ikun applikat f’każ li l-pazjent ma jibqax konxju minħabba xi kundizzjoni.
L-AD temmet tistqarr li “Filwaqt li ma taqbilx mat-terminazzjoni tal-ħajja permezz ta’ ewtanasja, hija favur it-tfassil ta’ wirt bijoloġiċi.”