Investiment ta' €10 miljuni għar-riġenerazzjoni ta-Suq tal-Belt

Il-Grupp Arkadia jinvesti €10 miljuni fuq proġett biex ibiddel is-Suq tal-Belt f'ċentru ta' kultura, ikel, arti u kummerċ

Impressjoni artistika tal-faċċata tas-suq tal-Belt
Impressjoni artistika tal-faċċata tas-suq tal-Belt

Għaddej ix-xogħol fuq proġett b'investiment ta' €10 miljuni mill-grupp Arkadia, li mistenni jbiddel is-Suq tal-Belt f'ċentru ta' kultura, ikel, arti u kummerċ.

Dan il-bini storiku li kien ilu mitluq għal snin twal, bħalissa għaddej minn proġett ta' riġenerazzjoni sħiħa u li mistenni jkun lest sal-aħħar tal-2017, ftit qabel mal-Belt Kapitali tagħna issir il-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura fl-2018. Il-proġett qed isir mill-grupp Arkadia li kien magħżul wara proċess ta' għażla magħluq is-sena l-oħra.

Impressjoni artistika tas-sulari tas-Suq tal-Belt
Impressjoni artistika tas-sulari tas-Suq tal-Belt

F'konferenza li saret quddiem is-Suq tal-Belt ġie mfakkar kif l-għan tal-proġett huwa li s-suq jerġa jieħu l-ħajja u jingħata bixra ta' suq ieħor Ewopew fi bliet bħall-Firenze, Londra u Madrid. Ix-xogħol, li qed isir mill-arkitett Taljan Marco Casamonti, bħalissa jinkludi iż-żarmar tal-konkrit u ġebel li kien ġie miżjud tul is-snin, għall-ħolqien ta' spazju miftuħ, b'perimetru tal-ġebel minn barra u struttura tal-ħadid bħala bażi għall-intern.

Casamonti spjega b'entużjażmu kbir, li kien baqa' impressjonat meta ra s-similaritá bejn is-suq tal-Belt u dawk fi bliet oħra fl-Ewropa. L-arkitett saħaq li l-għan tal-proġett hu li tinħoloq filosofija ta' rinovazzjoni, ispirata mill-Firenze ta' żmien ir-rinaxximent. Casamonti kompla jispjega, li s-Suq se jkun eżempju ċar fejn fih se tiġi rrispettata l-istruttura l-antika biex tiġi mfakkra s-sbuħija tal-passat, titgawda fil-present, waqt li tħares bil-quddiem lejn il-futur. Fis-suq tal-Belt, il-viżitaturi, kemm Maltin kif ukoll barranin se jkunu jistgħu igawdu l-kultura, t-tradizzjoni u l-identitá.

Fil-livell t'isfel tal-bini se jkun hemm ħwienet tal-ħaxix, ħut u laħam frisk u lokali, fost oħrajn filwaqt li fil-livell mezzan se jitpoġġew bankarelli illi minnhom se jinbiegħ kull tip ta' ikel tradizzjonali Malti, magħmul mill-prodotti li jkunu qed jinbiegħu fis-suq stess. Fuq nett tal-bini se jkun hemm pjazza illi fiha persuna tista tieħu kafe' jew tirrilassa, filwaqt li tgawdi mill-ispazju li se jitħalla għall-artisti u għal attivitajiet relatati mal-kultura. B'hekk is-Suq tal-Belt jista jibda jiġi kkonsiderat bħala mużew tal-ikel u l-kultura fiċ-ċentru tal-Belt.

Maria Micallef, Chief Operations Officer tal-Grupp Arkadia tkellmet ma l-ILLUM u stqarret li l-investiment ta' €10 miljuni li qiegħed jagħmel il-grupp, sar bil-ħsieb li jinħoloq kunċett dinamiku kemm għall-Maltin kif ukoll għall-viżitaturi barranin, fejn dawn ikunu esposti għall-kultura artistika filwaqt li jgawdu ikel bnin u lokali.

Fil-każ tat-turisti, wara żjara fis-Suq tal-Belt, ikunu gawdew esperjenza kulinarja Maltija, u bla dubju jmorru lura f'pajjiżhom b'togħma tajba.

More in Socjali