Darbtejn fil-ġimgħa minn Malta għal Praga u lura

Czech Airlines tibda topera lejn Malta b’żewġ titjiriet diretti fil-ġimgħa

Ilbieraħ waranofsinhar, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta laqa’ l-ewwel titjira ta’ Czech Airlines mill-ajruport Václav Havel fi Praga lejn Malta, bis-salut bl-ilma. 

Czech Airlines hija t-tielet linja tal-ajru ġdida għall-2016 u ser tkun qed topera titjiriet bejn Malta u l-kapitali tar-Repubblika Ċeka tul is-sajf kull nhar ta’ Tlieta u nhar ta’ Sibt.

Czech Airlines, li twaqqfet fl-1923, hija l-linja tal-ajru nazzjonali tar-Repubblika Ċeka u waħda mill-eqdem linji tal-ajru fid-dinja.

Filwaqt li ta merħba lil Czech Airlines, is-CEO tal-MIA, Alan Borg qal, “Għalina huwa privileġġ li nilqgħu linji tal-ajru ġodda fil-gżejjer tagħna u llum, il-bidu tal-operat ta’ Czech Airlines lejn Malta jinkoraġġina biex inkomplu nippersistu fl-isforzi tagħna sabiex intejbu l-konnettività bejn Malta u l-Ewropa tal-Lvant.”

Id-Direttur tal-Kummerċ u l-Kummerċjalizzazzjoni ta’ Czech Airlines, Ján Tóth, qal, “Ninsab kuntent li l-intenzjoni tagħna li nerġgħu nintroduċu konnessjoni regolari bejn Malta u Praga, li aħna ħabbarna uffiċjalment fil-bidu ta’ Diċembru, qed timmaterjalizza llum. Mil-lum, passiġġeri miż-żewġ pajjiżi se jkunu jistgħu jgawdu mill-benefiċċji ta’ titjira diretta u skedata ma’ Czech Airlines bejn waħda mill-isbaħ bliet tad-dinja, Praga, u destinazzjoni perfetta għall-vaganzi, Malta.”

Il-Ministru tat-Turiżmu, Edward Zammit Lewis, irringrazzja lill-partijiet interessati kollha, inkluż l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, tal-ħidma tagħhom sabiex Malta issir ċentru ta’ turiżmu u negozju, u afferma li l-konnettività bl-ajru hija punt strateġiku fuq l-istrateġija tal-Gvern għas-settur tat-turiżmu.

Min-naħa tiegħu, id-Deputat CEO u Chief Officer tal-Iżvilupp Strateġiku fi ħdan l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, Leslie Vella, laqa’ d-deċiżjoni ta’ Czech Airlines li tinkludi lil Malta mal-iskeda tagħha. Huwa żied jgħid li, “riċentement, Malta esperjenzat tkabbir sostanzjali mis-swieq tal-

Ewropa Ċentrali u tal-Lvant u l-fatt li l-konnettività bejn Malta u r-Repubblika Ċeka ser tittejjeb grazzi għal dan is-servizz il-ġdid, jindika li hemm prospetti eċċellenti għat-turiżmu mis-suq Ċek fil-futur.”

More in Socjali